Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
8-14 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 KORINTIN 10-13
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
w15-E 2/15 30
Mistoqsijiet mill-qarrejja
Għandha pubblikatriċi tas-Saltna tgħatti rasha jekk tikkonduċi studju tal-Bibbja meta jkun hemm pubblikatur preżenti?
▪ F’artiklu taʼ “Mistoqsijiet mill-qarrejja” li ġie ppubblikat fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 2002, kien intqal li oħt għandha tgħatti rasha jekk tikkonduċi studju tal-Bibbja fil-preżenza taʼ pubblikatur, kemm jekk hu mgħammed u kemm jekk le. Iktar konsiderazzjoni dwar dan is-suġġett wera li kien hemm bżonn li jsir tibdil żgħir fid-direzzjoni li ngħatat.
Jekk il-pubblikatur li jkun mal-oħt waqt li tkun qed tikkonduċi studju tal-Bibbja stabbilit hu mgħammed, l-oħt żgur li tkun trid tgħatti rasha. B’hekk tkun qed turi rispett lejn l-arranġament taʼ Ġeħova tal-kap fil-kongregazzjoni Kristjana għax tkun qed twettaq irwol li normalment ikun responsabbiltà taʼ ħu. (1 Kor. 11:5, 6, 10) Jew inkella, tistaʼ tistaqsi lill-ħu biex jikkonduċi l-istudju hu, jekk hu kkwalifikat u kapaċi jagħmel dan.
Min-naħa l-oħra, jekk il-pubblikatur li jkun mal-oħt waqt li tkun qed tikkonduċi studju tal-Bibbja stabbilit ma jkunx mgħammed u lanqas ikun ir-raġel tagħha, Skritturalment mhux bilfors trid tgħatti rasha. Minkejja dan, il-kuxjenza taʼ xi aħwa nisa tistaʼ ġġegħelhom jgħattu rashom anke f’ċirkustanzi bħal dawn.
22-28 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 KORINTIN 14-16
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
w12 9/1 9, kaxxa
L-appostlu Pawlu pprojbixxa lin-nisa milli jitkellmu?
“Ħa jibqgħu siekta n-nisa fil-kongregazzjonijiet,” kiteb l-appostlu Pawlu. (1 Korintin 14:34) X’ried ifisser? Kien qed jgħid li n-nisa ma kinux daqshekk intelliġenti? Le. Fil-fatt, hu kemm-il darba semma kemm kienu jgħallmu b’mod tajjeb in-nisa. (2 Timotju 1:5; Titu 2:3-5) Fl-ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu ta parir mhux biss lin-nisa imma wkoll lil individwi li kellhom l-għotja li jitkellmu b’xi lsien u li jipprofetizzaw. Hu qalilhom biex “jibqgħu siekta” meta xi ħadd ieħor li jemmen kien ikun qed jitkellem. (1 Korintin 14:26-30, 33) Aktarx li xi Kristjani nisa tant kienu entużjasti dwar il-fidi ġdida tagħhom li kienu jinterrompu lill-kelliemi biex isaqsu mistoqsijiet, bħalma kienet id-drawwa f’dik il-parti tad-dinja. Biex jevita li jkun hemm diżordni bħal dan, Pawlu inkuraġġihom biex “jistaqsu lil żwieġhom id-dar.”—1 Korintin 14:35.
it-1 1197-1198
In-nuqqas taʼ taħsir
Magħqudin maʼ Ġesù u rxoxtati bl-istess mod tiegħu, il-werrieta bi sħab miegħu mhux biss jiġu rxoxtati għall-ħajja taʼ dejjem bħala ħlejjaq spirti imma wkoll għall-immortalità u għan-nuqqas taʼ taħsir. Ladarba għexu, qdew b’lealtà, u mietu b’iġsma li jitħassru, issa jirċievu iġsma spirti li ma jitħassrux, bħalma qal Pawlu b’mod ċar fl-1 Korintin 15:42-54. Mela milli jidher, l-immortalità tirreferi għall-kwalità taʼ ħajja li jgawdu, li hi mingħajr tmiem u ma tinqeridx, mentri n-nuqqas taʼ taħsir milli jidher jirreferi għall-organiżmu jew il-ġisem li Alla jagħtihom, wieħed li ma jistax jitmermer, jitħassar, jew jispiċċa. Għaldaqstant jidher li Alla jagħtihom il-qawwa li jsostnu lilhom infushom, u ma jiddependux minn sorsi taʼ enerġija oħra bħall-ħlejjaq l-oħrajn tiegħu, kemm tal-laħam u kemm tal-ispirtu. Din hi evidenza ċara li Alla jafdahom. Imma l-fatt li huma indipendenti u maʼ jistgħux jinqerdu ma jfissirx li mhumiex taħt il-kontroll t’Alla. U bħall-kap tagħhom Kristu Ġesù, huma jibqgħu jkunu suġġetti għar-rieda u d-direzzjonijiet taʼ Missierhom.—1 Ko 15:23-28.
29 t’April–5 taʼ Mejju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 KORINTIN 1-3
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
w16.04-E 32
Mistoqsijiet mill-qarrejja
X’inhuma “l-garanzija” u “s-siġill” li kull Kristjan midluk jirċievi mingħand Alla?—2Ko 1:21, 22.
▪ Garanzija: Skont xogħol taʼ referenza, it-terminu Grieg tradott “garanzija” fit-2 Korintin 1:22 kien “terminu tekniku legali u kummerċjali” li jfisser “l-ewwel ħlas, depożitu, parti mill-ħlas, jew kapparra. Dan hu parti mill-prezz li jitħallas bil-quddiem, u b’hekk persuna tkun ċerta li għandha dritt legali għall-oġġett, jew li l-kuntratt isir validu.” Fil-każ taʼ wħud midlukin, il-prezz kollu, jew il-premju, hu deskritt fit-2 Korintin 5:1-5 bħala li wieħed jilbes ġisem spirtu li ma jinqeridx. Il-premju jinkludi wkoll ir-rigal tal-immortalità.—1 Kor. 15:48-54.
Bil-Grieg modern, espressjoni relatata tiġi użata għal ċurkett tal-għerusija. Dan l-eżempju hu adattat għax dawn se jsiru parti mill-mara figurattiva taʼ Kristu.—2 Kor. 11:2; Riv. 21:2, 9.
▪ Siġill: Fil-passat, is-siġill kien jintuża bħala firma biex turi mingħand min ġej, li hu awtentiku, jew bħala ftehim. Fil-każ tal-midlukin, huma “mmarkati bis-siġill” b’mod figurattiv permezz tal-ispirtu qaddis bħala l-propjetà t’Alla. (Efes. 1:13, 14) Iżda s-siġill jiġi permanenti biss f’xi ħin qabel ma l-persuna tmut leali jew f’xi ħin qabel ma tfaqqaʼ t-tribulazzjoni l-kbira.—Efes. 4:30; Riv. 7:2-4.
Kont taf?
L-appostlu Pawlu għal xiex kien qed jirreferi meta tkellem dwar “parata trijonfali”?
▪ Pawlu kiteb: “Alla . . . jmexxina f’parata trijonfali fi sħubija mal-Kristu u jagħmel ir-riħa taʼ l-għarfien dwaru tinxtamm f’kull post permezz tagħna! Għax għal Alla aħna riħa tfuħ taʼ Kristu fost dawk li qed jiġu salvati u fost dawk li qed jinqerdu; għal dawn taʼ l-aħħar riħa li tiġi mill-mewt għall-mewt, għal dawk taʼ l-ewwel riħa li tiġi mill-ħajja għall-ħajja.”—2 Korintin 2:14-16.
L-appostlu kien qed jirreferi għall-prattika tar-Rumani li jagħmlu purċissjoni bħala ċelebrazzjoni biex jonoraw ġeneral għax ikun rebaħ lil dawk li kienu kontra l-gvern Ruman. F’avvenimenti bħal dawn, kemm l-oġġetti tal-priża u kemm il-priġunieri tal-gwerra kienu jkunu għall-wiri. Ukoll, xi barrin kienu jitmexxew lejn il-post fejn kienu se jiġu sagrifikati waqt li l-ġeneral u l-armata tiegħu kienu jiġu mfaħħrin mill-folla. Fl-aħħar tal-purċissjoni, il-barrin kienu jiġu ssagrifikati u ħafna mill-priġunieri aktarx li kienu jinqatlu.
Il-metafora “riħa tfuħ taʼ Kristu” li tfisser ħajja għal xi wħud u mewt għal oħrajn hi “aktarx meħuda mill-prattika Rumana taʼ li jinħaraq l-inċens waqt li tkun għaddejja l-purċissjoni,” tgħid The International Standard Bible Encyclopedia. “Ir-riħa li kienet tfisser trijonf għar-rebbieħa kienet tfakkar lill-priġunieri fil-mewta li aktarx kienet tkun qed tistenniehom.”