Il-ħarsa Tal-bibbja
Huwa Ħażin li Tkun Kburi?
JEŻISTI għajdut tradizzjonali li jgħid li l-kburija hija l-ewwel wieħed mis-sebaʼ dnubiet il-mejta. Madankollu, illum il-ġurnata ħafna jemmnu li idea bħal din hija antikwata għall-aħħar. Hekk kif noqorbu lejn is-seklu 21, il-kburija hija meqjusa bħala xi ħaġa utli, u mhux xi dnub.
Madankollu, meta l-Bibbja ssemmi l-kburija, dan taʼ spiss tagħmlu b’konnotazzjoni negattiva. Fil-ktieb Bibliku taʼ Proverbji waħdu nsibu diversi stqarrijiet li jikkundannaw il-kburija. Per eżempju, Proverbji 8:13 jgħid: “Kburija, ksuħat [“tneffiħ,” Saydon], għemejjel ħżiena, kliem taʼ ħsara jien nobgħodhom.” Proverbji 16:5 jistqarr: “Il-Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar.” U vers 18 iwissi: “Qabel il-qerda tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir.”
Il-Kburija li Tagħmel il-Ħsara
Il-kburija kundannata fil-Bibbja tistaʼ titfisser bħala stima immoderata tiegħek innifsek, sentiment mhux raġunevoli taʼ superjorità fejn għandhom x’jaqsmu t-talenti, is-sbuħija, l-għana, l-edukazzjoni, il-grad tiegħek, u affarijiet bħal dawn. Din tistaʼ tidher f’imġiba taʼ disprezz, ftaħir, insolenza, jew arroganza. Li wieħed jaħseb wisq li hu xi ħaġa jistaʼ jwasslu biex ma jaċċettax xi korrezzjoni bżonnjuża; jirrifjuta li jammetti żball u jitlob skuża, jagħmel pass lura, u jidher ikrah f’għajnejn ħaddieħor; jew jieħu għalih mix-xejn fuq xi ħaġa li jkunu għamlulu jew qalulu.
In-nies kburin għandhom mnejn jinsistu li dejjem tgħaddi tagħhom inkella xejn. M’huwiex diffiċli li wieħed jara kif attitudni bħal din taʼ spiss tirriżulta f’konflitti persunali taʼ xi għamla jew oħra. Il-kburija tar-razza jew tan-nazzjonalità kkaġunat gwerer bla għadd u tixrid taʼ demm. Skond il-Bibbja, il-kburija kienet il-kaġun li ġagħlet lil wieħed iben spirtu t’Alla jirribella, u b’hekk għamel lilu nnifsu Satana x-Xitan. Rigward il-kwalifiki għal anzjani Kristjani, Pawlu ta l-parir: “Ma għandux ikun wieħed li għadu kif tgħammed, li ma jmurx jimtela bih innifsu u hekk jaqaʼ fil-kundanna tax-xitan.” (1 Timotju 3:6; qabbel Eżekjel 28:13-17.) Jekk dawn huma l-affarijiet li ġġib il-kburija, ma niħduhiex bi kbira li Alla jikkundannaha. Madankollu, int għandek mnejn tistaqsi, ‘M’hemmx xi sitwazzjonijiet fejn il-kburija tistaʼ tkun ġustifikata?’
Teżisti Kburija Ġustifikata?
Fl-Iskrittura Griega Kristjana, il-verb kau·khaʹo·mai, tradott “li tkun kburi, teżulta, tiftaħar,” huwa wżat f’sens kemm negattiv u kemm pożittiv. Per eżempju, Pawlu jgħid li aħna nistgħu “niftaħru [“neżultaw,” NW] bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja taʼ Alla.” Hu jirrikkmanda wkoll: “Min irid jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej.” (Rumani 5:2; 2 Korintin 10:17) Dan ifisser li nkunu kburin b’Jehovah bħala Alla tagħna, sentiment li jistaʼ jwassalna biex neżultaw meta niftakru fl-isem tajjeb u fir-reputazzjoni tajba li għandu.
Biex nagħtu eżempju: Huwa ħażin li wieħed jaqbeż għal xi ħadd meta jimmalafamawh? Dażgur li le. Li kieku xi ħadd kellu jitkellem ħażin dwar xi membri tal-familja tiegħek jew nies oħra li int tħobb u tirrispetta, ma tħossokx irrabjat u mqanqal biex tiddefendihom? “Aħjar isem tajjeb minn ħafna ġid,” tgħid il-Bibbja. (Proverbji 22:1) Darba minnhom, Alla li Jistaʼ Kollox qal hekk lil ċertu Fargħun kburi taʼ l-Eġittu: “Imma għalhekk jien ħallejtek tgħix, biex nurik il-qawwa tiegħi u ismi jixxandar maʼ l-art kollha.” (Eżodu 9:16) Mela Alla jeżulta bl-isem tajjeb u bir-reputazzjoni tajba li għandu u juri żelu għalihom. Aħna wkoll nistgħu nuru interess f’li niddefendu isimna u r-reputazzjoni tagħna stess imma madankollu ma nkunux imqanqlin mill-vanità u mill-kburija egoistika.—Proverbji 16:18.
Ir-rispett huwa essenzjali fi kwalunkwe relazzjoni b’saħħitha. Il-ħajja soċjali u l-ftehim fin-negozju jistgħu jbatu meta aħna nitilfu l-fiduċja fi sħabna. Bl-istess mod, xi attività jew negozju bi sħab jistgħu jfallu jekk sempliċement wieħed mill-imseħbin jagħmel xi ħaġa li tħassar l-isem tajjeb tiegħu u dak taʼ sħabu. Sabiex jintlaħqu l-objettivi, ikunu x’ikunu, isem tajjeb għandu jiġi mħares. Din hija raġuni waħda għala l-indokraturi fil-kongregazzjoni Kristjana jrid ikollhom “isem tajjeb” man-nies taʼ barra. (1 Timotju 3:7) Ix-xewqa tagħhom li jkollhom isem tajjeb tiġi motivata, mhux billi wieħed ikun minfuħ bih innifsu, imma billi l-bżonn iġagħlu jirrappreżenta lil Alla b’manjiera denja u dinjituża. Wara kollox, kif jistaʼ ministru jkun taʼ min jemmnu jekk ma jkollux isem tajjeb man-nies taʼ barra?
Xi ngħidu għall-kburija fejn għandhom x’jaqsmu kisbiet persunali? Ħu, per eżempju, il-ferħ li għandhom mnejn iħossu l-ġenituri meta wliedhom imorru tajjeb fl-iskola. Suċċess bħal dan iġib sodisfazzjon xieraq. Meta kien qed jikteb lill-Kristjani f’Tessalonika, Pawlu stqarr li hu wkoll kien jifraħ bis-suċċessi: “Aħna għandna dejjem niżżu ħajr lil Alla, ħuti, minħabba fikom, u hekk jixraq, għax il-fidi tagħkom qiegħda tikber fuq li tikber, u qiegħda toktor fostkom ilkoll l-imħabba li kull wieħed minnkom għandu għall-ieħor. Għalhekk aħna stess niftaħru bikom fil-knejjes taʼ Alla għas-sabar tagħkom u għall-fidi tagħkom fil-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet kollha li intom għaddejjin minnhom.” (Korsiv tagħna.) (2 Tessalonikin 1:3, 4) Iva, it-tendenza naturali hija li nifirħu bis-suċċessi tal-maħbubin tagħna. Mela, x’jiddistingwi l-kburija li hija ħażina minn dik li hija tajba?
M’hijiex xi ħaġa ħażina jekk nixtiequ nħarsu r-reputazzjoni persunali tagħna, jekk nixtiequ nirnexxu, u nkunu kuntenti b’suċċess bħal dan. Madankollu, it-tkabbir, it-tneffiħ, u l-ftaħir bina nfusna jew b’oħrajn huma affarijiet li Alla jikkundanna. Tkun tabilħaqq ħasra jekk xi wħud jibdew ‘jintefħu’ bil-kburija jew ‘jippretendu li huma xi ħaġa iktar milli huma.’ Il-Kristjani m’għandhomx wisaʼ għall-kburija jew biex jiftaħru b’xi ħadd jew b’xi ħaġa ħlief b’Alla Jehovah u b’dak li għamel għalihom. (1 Korintin 4:6, 7; Rumani 12:3) Il-profeta Ġeremija jagħtina prinċipju mill-aħjar x’insegwu: “Imma min irid jiftaħar, b’dan għandu jiftaħar: li għandu d-dehen biex jagħrafni, għax jien hu l-Mulej, li nagħmel it-tjieba, il-ħaqq, u s-sewwa fuq l-art.”—Ġeremija 9:23 [9:24, NW].
[Stampa f’paġna 21]
“Papa Innoċenti X,” minn Don Diego Rodríguez de Silva Velázquez
[Sors]
Scala/Art Resource, NY