Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
6-12 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | EŻODU 6-7
“Issa Tara X’Se Nagħmillu lill-Fargħun”
it-2 436 ¶3
Mosè
Kien hemm bidla kbira fl-Iżraelin. Għall-ewwel, huma aċċettaw li jobdu lil Mosè, imma wara li l-Fargħun ikkmanda li jkollhom xogħol iżjed iebes, huma gergru kontra Mosè sal-punt li hu tant ġie skuraġġit li talab bil-ħniena lil Ġeħova. (Eżo 4:29-31; 5:19-23) Għalhekk, Alla saħħaħ lil Mosè billi wrieh li kien se jwettaq xi ħaġa li kien wiegħed lil Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Din kienet li Ġeħova kien se jurihom it-tifsir kollu taʼ ismu meta jeħles lill-Iżraelin u jagħmilhom nazzjon kbir fl-Art Imwiegħda. (Eżo 6:1-8) L-Iżraelin xorta waħda ma semgħux minn Mosè. Iżda issa, wara d-disaʼ kastig huma kkooperaw miegħu, u b’hekk wara l-għaxar kastig, setaʼ jorganizzahom u joħroġhom ’il barra bl-ordni, “imqassmin għall-battalja.”—Eżo 13:18.
it-2 436 ¶1-2
Mosè
Quddiem il-Fargħun tal-Eġittu. Mosè u Aron issa kellhom parti importanti fi ‘gwerra tal-allat.’ Il-Fargħun xtaq li l-qawwa tal-allat kollha tal-Eġittu tkun mal-qassisin li jipprattikaw il-maġija biex tiġġieled kontra l-qawwa taʼ Ġeħova. Mid-dehra l-kapijiet tal-qassisin kienu Ġanne u Ġambre. (2Ti 3:8) L-ewwel miraklu li Aron għamel quddiem il-Fargħun, skont ma qallu Mosè, ta prova li Ġeħova kellu iktar qawwa mill-allat tal-Eġittu. Iżda l-Fargħun xorta baqaʼ jwebbes rasu. (Eżo 7:8-13) Iktar tard, meta seħħ it-tielet kastig, anki l-qassisin ġew sforzati jammettu: “Dan hu s-sabaʼ t’Alla!” U tant kienu gravi bil-kastig tal-imsiemer li lanqas biss setgħu jidhru quddiem il-Fargħun u Mosè matul dak il-kastig.—Eżo 8:16-19; 9:10-12.
Il-kastigi jrattbu u jwebbsu l-qlub. Mosè u Aron ħabbru kull wieħed mill-Għaxar Kastigi. Il-kastigi seħħew u taw prova tal-inkarigu li kellu Mosè bħala r-rappreżentant taʼ Ġeħova. Isem Ġeħova sar magħruf u kienu jitkellmu ħafna dwaru fl-Eġittu, u b’hekk kien hemm dawk li aċċettaw iżjed dak l-isem u kien hemm dawk li ħaduha iżjed kontrih. L-Iżraelin u wħud mill-Eġizzjani aċċettaw iżjed dak l-isem, imma l-Fargħun u dawk li jagħtuh il-pariri u dawk li appoġġjawh ħaduha iżjed kontrih. (Eżo 9:16; 11:10; 12:29-39) L-Eġizzjani ma kinux qed jinkwetaw dwar jekk għoġbux lill-allat tagħhom. Imma kienu jafu li Ġeħova kien il-wieħed li kien qed jiġġudika lill-allat tagħhom. Sakemm ġew imwettqin disaʼ kastigi, anki Mosè kien sar “kbir ħafna f’għajnejn il-qaddejja tal-Fargħun u f’għajnejn in-nies” fl-art tal-Eġittu.—Eżo 11:3.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-1 78 ¶3-4
Jistaʼ Kollox
Ġeħova uża t-titlu “Alla li Jistaʼ Kollox” meta wiegħed lil Abraham li kien se jkollu lil Iżakk. Abraham kellu bżonn ikollu fidi kbira fil-qawwa t’Alla li jwettaq din il-wegħda. Dan it-titlu iktar tard intuża meta xi wħud tal-passat tkellmu dwar Alla bħala l-wieħed li kien se jbierek lil Iżakk u Ġakobb bħala werrieta tal-patt Abrahamiku.—Ġen 17:1; 28:3; 35:11; 48:3.
Fi qbil maʼ dan, iktar tard Ġeħova setaʼ jgħid lil Mosè: “Kont nidher lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb bħala Alla li Jistaʼ Kollox, imma rigward ismi Ġeħova m’għarrafthomx għalkollox min jien.” (Eżo 6:3) Dan ma jfissirx li dawn ma kinux jafu bl-isem Ġeħova, ladarba huma u oħrajn qabilhom kienu jużawh spiss. (Ġen 4:1, 26; 14:22; 27:27; 28:16) Fil-fatt, fil-ktieb tal-Ġenesi, li jirrakkonta l-ħajja taʼ dawn il-patrijarki, il-frażi “Jistaʼ Kollox” tidher biss 6 darbiet, filwaqt li l-isem personali Ġeħova jidher 172 darba fil-kitba oriġinali Ebrajka. Madankollu, waqt li dawn il-patrijarki fehmu mill-esperjenza tagħhom li Alla għandu d-dritt għat-titlu “Dak li Jistaʼ Kollox,” huma ma kellhomx l-opportunità li jifhmu t-tifsir kollu tal-isem personali tiegħu, Ġeħova. Fuq dan is-suġġett, The Illustrated Bible Dictionary (Vol. 1, p. 572) jikkummenta: “Alla kellem lill-Patrijarki dwar wegħdi li kienu se jseħħu fil-futur. Dawn il-wegħdi għenuhom ikunu ċerti li Hu, Jaħweh, kien Alla li kapaċi jwettaqhom. Dak li ġara ħdejn l-għollieqa kien xi ħaġa ikbar u iżjed personali. Ukoll, il-qawwa t’Alla u l-fatt li dejjem baqaʼ jgħin lill-poplu tiegħu huma marbutin mal-isem familjari taʼ Jaħweh.”—Editjat minn J. D. Douglas, 1980.
it-2 435 ¶5
Mosè
Mosè jikkwalifika għalkemm iħoss li mhux kapaċi. Mosè ħass li ma kienx kapaċi u argumenta li ma kienx kelliemi tajjeb. Erbgħin sena qabel hu kien offra minn jeddu biex ikun il-ħellies taʼ Iżrael. Issa kien raġel li nbidel kompletament. Fil-fatt, hu baqaʼ jinsisti maʼ Ġeħova u fl-aħħar talbu biex ma jagħmilx ix-xogħol li qallu jagħmel. Għalkemm dan irrabja lil Alla, hu ma warrabx lil Mosè imma pprovdielu lil ħuh Aron biex jitkellem minfloku. B’hekk, peress li Mosè kien ir-rappreżentant t’Alla, hu sar bħal “Alla” għal Aron, li tkellem minfloku. Meta reġgħu ltaqgħu max-xjuħ taʼ Iżrael u mal-Fargħun, jidher li Alla ta l-istruzzjonijiet u l-kmandi lil Mosè, u dan imbagħad qalhom lil Aron, u b’hekk kien Aron li tkellem mal-Fargħun (li laħaq flok il-Fargħun li Mosè kien ħarab minnu 40 sena qabel). (Eżo 2:23; 4:10-17) Iktar tard, Ġeħova tkellem dwar Aron bħala l-“profeta” taʼ Mosè, li jfisser li ladarba Mosè kien il-profeta t’Alla u kien iggwidat minnu, allura Aron kellu jiġi ggwidat minn Mosè. Ukoll, Alla qal lil Mosè li kien qed jagħmlu “Alla għall-Fargħun.” Dan kien ifisser li Alla kien qed jagħtih il-qawwa u l-awtorità fuq il-Fargħun, u b’hekk ma kellux għalfejn jibżaʼ mis-sultan tal-Eġittu.—Eżo 7:1, 2.
13-19 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | EŻODU 8-9
“Il-Fargħun Kburi Ma Rrealizzax li Kien Qed Jgħin Biex Jitwettaq l-Iskop t’Alla”
it-2 1040-1041
Ras Iebsa
Alla Ġeħova wera l-paċenzja tiegħu maʼ individwi u nazzjonijiet billi ħalliehom ikomplu jgħixu għalkemm kien ħaqqhom il-mewt. (Ġen 15:16; 2Pt 3:9) Xi wħud apprezzaw dan u setgħu jibbenefikaw mill-ħniena t’Alla. (Ġoż 2:8-14; 6:22, 23; 9:3-15) Oħrajn webbsu rashom iktar u ħaduha kontra Ġeħova u l-poplu tiegħu. (Dt 2:30-33; Ġoż 11:19, 20) Ġeħova ma jżommx lin-nies milli jwebbsu rashom, għalhekk il-Bibbja tgħid dwaru li ‘ħalliehom isiru stinati’ u “webbsilhom qlubhom.” Meta fl-aħħar jagħmel ġudizzju fuq dawk b’rashom iebsa, hu juri l-qawwa kbira tiegħu u jġiegħel li ismu jsir magħruf.—Qabbel Eżo 4:21; Ġw 12:40; Rum 9:14-18.
it-2 1181 ¶3-5
Ħażen
Alla Ġeħova juża ċ-ċirkustanzi b’mod li l-ħżiena stess iwettqu r-rieda tiegħu mingħajr ma jridu. Għalkemm huma jmorru kontra Alla, hu jistaʼ jikkontrollahom skont kemm ikun hemm bżonn ħalli jipproteġi l-qaddejja leali tiegħu. Hu jistaʼ anke jħalli l-azzjonijiet taʼ dawn in-nies biex jagħmel il-ġustizzja tiegħu tispikka iktar. (Rum 3:3-5, 23-26; 8:35-39; Sa 76:10) Nistgħu nsibu dan il-ħsieb fi Proverbji 16:4: “Ġeħova għamel kollox għall-iskop tiegħu, iva, anki l-bniedem mill-agħar għall-jum il-ħażin.”
Eżempju taʼ dan hu l-Fargħun, li permezz taʼ Mosè u Aron, Ġeħova wissieh li kien se jeħles lill-Iżraelin li kienu lsiera. Alla m’għamilx lil dan il-ħakkiem Eġizzjan ħażin, imma Hu ppermettielu jkompli jgħix u wkoll ħalla lill-Fargħun juri li hu stess kien ħażin u li jistħoqqlu l-mewt. L-iskop taʼ Ġeħova f’li jagħmel dan jidher f’Eżodu 9:16: “Għal dan l-iskop żammejtek ħaj, biex nurik il-qawwa tiegħi u biex ismi jixxandar fl-art kollha.”
L-Għaxar Kastigi li ġew fuq l-Eġittu, u li warajhom kien hemm il-qerda tal-Fargħun u l-qawwiet militari tiegħu fil-Baħar l-Aħmar, kienu juru l-qawwa impressjonanti taʼ Ġeħova. (Eżo 7:14–12:30; Sa 78:43-51; 136:15) Għal snin sħaħ wara, il-ġnus tal-madwar kienu għadhom jitkellmu dwar dan, u b’hekk l-isem t’Alla kien qed jiġi mxandar mal-art kollha. (Ġoż 2:10, 11; 1Sa 4:8) Kieku Ġeħova qatel lill-Fargħun mill-ewwel, ma kienx ikun possibbli għal Ġeħova li juri l-qawwa kbira tiegħu u li jeħles il-poplu tiegħu.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-1 878
Dubbien
Ir-rabaʼ kastig tad-dubbien kien l-ewwel wieħed li l-Iżraelin f’Gosen ġew meħlusin minnu. Hemm ftit inċertezza għal liema insett partikolari tirreferi l-kelma oriġinali bl-Ebrajk li ssemmiet f’dan il-kastig fuq l-Eġittu. (Eżo 8:21, 22, 24, 29, 31; Sa 78:45; 105:31) Dan l-insett ġieli ġie tradott bħala xidja, ħanfusa, dubbien, u nemus.
Il-kelma dubbien tinkludi tipi differenti taʼ dubbien taż-żwiemel u qurdien. Id-dubbien taż-żwiemel jigdem il-ġilda tal-annimali u kif ukoll tal-bnedmin u mbagħad jiġbed id-demm. Eżatt wara li jfaqqas, il-qurdien jgħix fuq l-annimali u l-bnedmin. Dawk li jgħixu fuq in-nies issibhom f’pajjiżi sħan. Mela l-kastig tad-dubbien ġab tbatija kbira lill-Eġizzjani u l-annimali tagħhom, u f’ċerti każi anki mietu.
20-26 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | EŻODU 10-11
“Mosè u Aron Juru Kuraġġ Kbir”
it-2 436 ¶4
Mosè
Hemm bżonn il-kuraġġ u l-fidi biex tiffaċċja l-Fargħun. Kien biss bis-saħħa taʼ Ġeħova u l-ispirtu tiegħu fuq Mosè u Aron li dawn setgħu jagħmlu dak li ntqalilhom. Ġib quddiem għajnejk il-palazz tal-Fargħun. Dan is-sultan kien magħruf għall-qawwa tiegħu fid-dinja taʼ dak iż-żmien. Hu kien kburi u meqjus bħala alla, b’kobor li ma jitqabbel maʼ xejn, u mdawwar b’nies li jagħtuh il-pariri, kmandanti militari, gwardjani, u lsiera. Iktar minn hekk, kien hemm il-mexxejja reliġjużi, jiġifieri l-qassisin li jipprattikaw il-maġija, li kienu l-iktar nies li jopponu lil Mosè. Minbarra l-Fargħun, dawn l-irġiel kienu l-iktar nies b’saħħithom fis-saltna tiegħu. Dawn l-affarijiet impressjonanti kollha għenu lill-Fargħun ħalli jappoġġa lill-allat tal-Eġittu. Mosè u Aron marru quddiem il-Fargħun ħafna drabi u dan kien iwebbes iktar rasu kull darba li jmorru għandu. Hu kien determinat li jżomm lill-ilsiera utli Ebrej taħt idejh. Fil-fatt, wara li Mosè u Aron ħabbru t-tmien kastig, huma tkeċċew minn quddiem il-Fargħun. Wara d-disaʼ kastig, il-Fargħun ordnalhom biex ma jerġgħux jipprovaw jidhru quddiemu għax inkella jmutu.—Eżo 10:11, 28.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-1 783 ¶5
Eżodu
Ġeħova wera qawwa kbira ħafna, u b’hekk ismu ġie magħruf u Iżrael ġie meħlus. Wara li l-Iżraelin għaddew mill-Baħar l-Aħmar, Mosè kien minn taʼ quddiem biex imexxi l-Iżraelin fil-kant. Filwaqt li oħtu Mirjam, il-profetessa, ħadet tanburlin f’idha u n-nisa l-oħra bdew jiżfnu u jwieġbu lill-irġiel fil-kant bħalha. (Eżo 15:1, 20, 21) Issa l-Iżraelin kienu sseparaw kompletament mill-għedewwa tagħhom. Meta ħarġu mill-Eġittu, Ġeħova ra li ma tiġrilhom ebda ħsara la mill-bniedem u lanqas mill-annimali. Saħansitra lanqas kelb ma nebaħ għalihom. (Eżo 11:7) Filwaqt li r-rakkont tal-Eżodu ma jsemmix li l-Fargħun inqered fil-baħar flimkien mal-armata tiegħu, Salm 136:15 jgħid li Ġeħova “tefaʼ lill-Fargħun u l-qawwa militari tiegħu fil-Baħar l-Aħmar.”
27 taʼ Lulju–2 t’Awwissu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | EŻODU 12
“Il-Kristjani X’Jitgħallmu mill-Qbiż?”
it-2 583 ¶6
Qbiż
Ċerti aspetti tal-Qbiż twettqu minn Ġesù. Twettiq minnhom kien permezz tad-demm fuq id-djar fl-Eġittu. Dan id-demm salva lill-ewwel imwieled milli jiġi maqtul mill-anġlu. Pawlu rrefera għall-Kristjani midlukin bħala l-kongregazzjoni tal-ewwel imweldin, jiġifieri l-ewwel midlukin li telgħu s-smewwiet. Ukoll, irrefera għal Kristu bħala l-wieħed li kellu jsalvahom permezz taʼ demmu. (Ef 1:7; 1Te 1:10; Eb 12:23) Ma kellha tinkiser l-ebda għadma tal-ħaruf tal-Qbiż. Kien ġie pprofetizzat li Ġesù ma kienet se tinkisirlu l-ebda għadma u dan twettaq meta miet. (Sa 34:20; Ġw 19:36) B’hekk, għal sekli sħaħ il-Lhud baqgħu jiċċelebraw il-Qbiż. Din iċ-ċelebrazzjoni kienet waħda mill-affarijiet li kellhom jagħmlu skont il-Liġi li rrappreżentat l-affarijiet li kellhom iseħħu. Irrappreżentat ukoll lil Ġesù Kristu, “il-Ħaruf t’Alla.”—Eb 10:1; Ġw 1:29.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-2 582 ¶2
Qbiż
L-Għaxar Kastigi fuq l-Eġittu kollha wrew li kienu ġudizzju kontra l-allat tal-Eġittu, speċjalment l-għaxar wieħed, il-mewt tal-ewwel imwieled. (Eżo 12:12) Il-muntun (ir-raġel tan-nagħġa) kien sagru għall-alla Ra, u t-traxxix tad-demm tal-ħaruf tal-Qbiż fuq il-koxox tal-bibien kien dagħwa f’għajnejn l-Eġizzjani. Ukoll, il-barri kien sagru u l-qerda tal-ewwel imweldin tagħhom kienet taʼ diżrispett kbir għall-alla Osiris. Il-Fargħun kien meqjus bħala iben Ra. B’hekk, il-mewt tal-ewwel imwieled tal-Fargħun wriet kemm Ra u l-Fargħun ma kellhomx qawwa.
it-1 504 ¶1
Konvenzjoni
Fil-“konvenzjonijiet imqaddsin” kollha n-nies ma kellhom jagħmlu l-ebda xogħol iebes. Pereżempju, l-ewwel u s-sebaʼ ġurnata tal-Festa tal-Ħobż bla Ħmira kienu “konvenzjonijiet imqaddsin,” li dwarhom Ġeħova qal: “M’għandu jsir ebda xogħol fihom. Kulma tistgħu tagħmlu hu li tħejju dak li jkollha bżonn tiekol kull persuna.” (Eżo 12:15, 16) Madankollu, matul il-“konvenzjonijiet imqaddsin” il-qassisin kienu joffru sagrifiċċji lil Ġeħova. (Le 23:37, 38) Żgur li dan kien ifisser li xorta setgħu jagħmlu x-xogħol normali taʼ kuljum. Dawn l-okkażjonijiet lanqas ma kienu opportunità għan-nies inġenerali biex ma jagħmlu xejn, imma kienu jibbenefikaw ħafna f’sens spiritwali. Fis-Sabat taʼ kull ġimgħa, in-nies kienu jiltaqgħu flimkien biex jagħtu qima u jitgħallmu. Imbagħad kienu jitgħallmu mill-qari pubbliku u spjegazzjoni tal-Kelma t’Alla, bħalma beda jsir iktar tard fis-sinagogi. (At 15:21) Allura, filwaqt li n-nies ma kinux jaħdmu fis-Sabat jew fil-“konvenzjonijiet imqaddsin” l-oħra, huma kienu joqogħdu jitolbu u jimmeditaw fuq il-Ħallieq u l-iskopijiet tiegħu.