LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 10/8 pp. 18-19
  • Kif Għandna Nittrattaw lil Nies Imdaħħlin fiż-Żmien?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Għandna Nittrattaw lil Nies Imdaħħlin fiż-Żmien?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Rispett għal Dawk Imdaħħlin fiż-​Żmien
  • Alla Ma Jabbandunax lil Uħud Leali Lejh
  • Il-Familja Kristjana Tgħin lix-Xjuħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Nieħdu Ħsieb Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien —Responsabbiltà Kristjana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ġeħova Jieħu Ħsieb b’Mod Teneru l-Qaddejja Tiegħu Mdaħħlin fiż-Żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Onora lil dawk fostkom imdaħħlin fiż-żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 10/8 pp. 18-19

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Kif Għandna Nittrattaw lil Nies Imdaħħlin fiż-​Żmien?

MATUL is-​sajf taʼ l-​2003, madwar l-​Ewropa mietu eluf taʼ persuni minħabba wieħed mill-​agħar perijodi taʼ sħana qawwija li qatt laqtu lil dan il-​Kontinent f’60 sena. Il-​maġġuranza minn dawk li mietu kienu mdaħħlin fiż-​żmien. Xi wħud tħallew waħedhom minn qraba li marru għal xi vaganza. Skond rapport, oħrajn ġew traskurati jew minsijin mill-​istaff taʼ sptarijiet u djar tax-​xjuħ li ma setax ilaħħaq max-​xogħol. Il-​gazzetta Le Parisien irrapportat li f’Pariġi biss, kien hemm 450 katavru li ħadd ma mar biex jidentifikahom. “F’liema tip taʼ kundizzjonijiet qed ngħixu biex ninsew lil missirijietna, ommijietna, u n-​nanniet tagħna?” staqsiet il-​gazzetta dwar is-​sitwazzjoni taʼ dawk li mietu abbandunati u bla identità.

F’dinja fejn l-​għadd taʼ nies li għandhom iktar minn 65 sena qed jikber b’rata li qatt ma dehret bħalha taʼ 795,000 persuna kull xahar, il-​mod kif se nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ nies imdaħħlin fiż-​żmien sar wieħed mill-​iktar affarijiet li aħna konċernati dwaru llum. “Madwar id-​dinja, il-​proporzjon taʼ nies avanzati fl-​età qed jiżdied b’rata li qatt ma dehret bħalha u rridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex naraw kif il-​pajjiżi se jirreaġixxu għall-​isfidi u l-​opportunitajiet taʼ dawk li qed jikbru fl-​età,” qalet Nancy Gordon, waħda mid-​diretturi tal-​programmi demografiċi (studju taʼ l-​istatistiċi tal-​popolazzjoni umana) għall-​Uffiċċju taċ-​Ċensiment fl-​Istati Uniti.

Anki l-​Ħallieq tagħna hu interessat f’dawk li huma mdaħħlin fiż-​żmien. Fil-​fatt, il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, tagħtina direzzjoni dwar kif għandna nittrattawhom.

Rispett għal Dawk Imdaħħlin fiż-​Żmien

Il-​Liġi t’Alla, mogħtija lil Mosè, inkuraġġiet li jintwera rispett għal uħud imdaħħlin fiż-​żmien. Il-​Liġi kienet tgħid: “Quddiem dawk li xagħarhom bjad tqum, u tweġġaħ wiċċ ix-​xiħ.” (Levitiku 19:​32, Karm Żammit) Qaddejja ubbidjenti t’Alla kellhom ‘iqumu’ quddiem dawk imdaħħlin fiż-​żmien (1) bħala sinjal taʼ rispett għal xi ħadd akbar fl-​età u (2) bħala evidenza tal-​biżaʼ riverenzjali lejn Alla minn dawk li jqimuh. Dawk avanzati fl-​età b’hekk kellhom jingħataw pożizzjoni t’unur u kellhom jitqiesu bħala wħud bżonnjużi u taʼ valur.​—Proverbji 16:31; 23:22.

Għalkemm il-​Kristjani llum m’humiex taħt il-​Liġi Mosajka, il-​prinċipji tagħha juru l-​ħsibijiet u l-​prijoritajiet taʼ Ġeħova, u ma jħallu ebda dubju li Ġeħova jqis lil dawk imdaħħlin fiż-​żmien bi stima kbira. Membri tal-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu fehmu sew dawn il-​prinċipji. Evidenza taʼ dan tidher fil-​ktieb Bibliku taʼ l-​Atti, kmieni fl-​istorja tal-​kongregazzjoni Kristjana. Dak iż-​żmien, fost il-​Kristjani f’Ġerusalemm kien hemm xi romol li kienu fil-​bżonn. Bla dubju, xi wħud minnhom kienu mdaħħlin fiż-​żmien. L-​appostli ħatru sebat “irġiel kwalifikati” biex jieħdu ħsieb li dawn in-​nisa jirċievu l-​ikel kuljum b’mod organizzat, għax kienu jikkunsidraw din l-​attenzjoni speċjali bħala “xogħol bżonnjuż” għall-​kongregazzjoni.​—Atti 6:​1-7.

L-appostlu Pawlu wera li l-​prinċipju li ‘tqum quddiem dawk li xagħarhom bjad’ kien japplika wkoll għall-​kongregazzjoni Kristjana. Hu qal lil Timotju, l-​indokratur Kristjan żagħżugħ: “Tikkritikax bl-​aħrax lil raġel xiħ. Għall-​kuntrarju, wissih bħala missier, . . . nisa xjuħ bħala ommijiet.” (1 Timotju 5:​1, 2) Filwaqt li ż-​żagħżugħ Timotju kellu ċerta awtorità fuq il-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien, hu ngħata l-​parir biex ma jikkritikax raġel akbar minnu. Minflok, kellu jurih ir-​rispett daqslikieku kien missieru. U kellu juri unur simili lin-​nisa fil-​kongregazzjoni li kienu akbar fl-​età. Fil-​fatt, l-​appostlu Pawlu kien qed iwissi lil Timotju​—u miegħu lill-​membri kollha tal-​kongregazzjoni Kristjana​—biex ‘iqumu quddiem dawk li xagħarhom bjad.’

M’għandniex xi ngħidu, nies devoti m’għandhomx bżonn taʼ xi liġijiet biex jittrattaw lil dawk avanzati fl-​età b’dinjità u rispett. Ikkunsidra l-​eżempju Bibliku taʼ Ġużeppi, li ma ħalla xejn iwaqqfu milli jġib lix-​xwejjaħ missieru l-​Eġittu, u jsalva lil Ġakobb li kellu 130 sena mill-​ġuħ li kien hemm mifrux mal-​pajjiż. Malli ra lil missieru li kien ilu ma jarah iktar minn 20 sena, Ġużeppi “nxteħet fuq għonqu u baqaʼ għal ħafna żmien mgħannaq miegħu u jibki.” (Ġenesi 46:29) Ħafna qabel ma l-​Iżraelin ġew kmandati biex jittrattaw lil uħud imdaħħlin fiż-​żmien bi ħniena u b’rispett profond, Ġużeppi wera l-​ħarsa t’Alla billi għamel dan.

Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù nnifsu wera interess f’nies imdaħħlin fiż-​żmien. Hu kkundanna bil-​qawwa lill-​mexxejja reliġjużi li ħassew li setgħu jwarrbu lill-​ġenituri tagħhom li kienu avanzati fl-​età minħabba t-​tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom. (Mattew 15:​3-9) Bi mħabba, Ġesù ħa ħsieb ukoll t’ommu. Waqt li kien qed isofri wġigħ intollerabbli fuq iz-​zokk tat-​tortura, hu ħa ħsieb li ommu, li kienet qed tikber fl-​età, tingħata l-​għajnuna meħtieġa minn Ġwanni, l-​appostlu maħbub tiegħu.​—Ġwanni 19:​26, 27.

Alla Ma Jabbandunax lil Uħud Leali Lejh

Is-​salmista talab: “Twarrabnix meta nasal għax-​xjuħija; titlaqnix meta tħallini saħħti.” (Salm 71:9) Alla ma ‘jwarrabx’ lill-​qaddejja leali tiegħu anki meta forsi huma stess iħossu li m’għadhomx bżonnjużi. Is-​salmista ma ħassux abbandunat minn Ġeħova; minflok, hu għaraf il-​bżonn li jistrieħ fuq il-​Ħallieq tiegħu saħansitra iktar meta beda jikber fl-​età. Ġeħova jwieġeb għal dan it-​tip taʼ lealtà billi jipprovdi appoġġ lill-​individwu matul ħajtu kollha. (Salm 18:26 [18:​25, NW]) Spiss dan it-​tip t’appoġġ jiġi permezz taʼ Kristjani oħrajn.

Meta nqisu dak li rajna, huwa ċar li dawk kollha li jixtiequ jonoraw lil Alla għandhom jonoraw ukoll lil dawk imdaħħlin fiż-​żmien. Tabilħaqq, dawk avanzati fl-​età huma prezzjużi f’għajnejn il-​Ħallieq tagħna. Bħala ħlejjaq maħluqin fix-​xbieha tiegħu, jalla dejjem ikollna l-​ħarsa t’Alla lejn “dawk li xagħarhom bjad.”​—Salm 71:18.

[Stampa f’paġna 19]

Il-​Kristjani jittrattaw lil dawk avanzati fl-​età b’unur u rispett

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja