ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 27
GĦANJA 73 Għinna nxandru bil-qlubija
Kun Kuraġġuż bħal Sadok
“Sadok [kien] żagħżugħ b’saħħtu u kuraġġuż.”—1 KRON. 12:28.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif aħna nistgħu nkunu kuraġġużi bħal Sadok.
1-2. Sadok min kien? (1 Kronaki 12:22, 26-28)
IMMAĠINA 340,000 raġel qed jifirħu, jieklu, jixorbu, u jkantaw lil Ġeħova. Huma qegħdin fil-muntanji taʼ Ħebron u ilhom tlett ijiem hemmhekk. Huma marru hemm biex jagħmlu lil David ir-re taʼ Iżrael. (1 Kron. 12:39) Wieħed minnhom kien żagħżugħ jismu Sadok, li kien jidher li ma kellu xejn speċjali. Imma Ġeħova nnotah u riedna nkunu nafu li kien qiegħed hemm. (Aqra l-1 Kronaki 12:22, 26-28.) Min kien Sadok?
2 Sadok kien qassis u kien jaħdem ħafna mal-Qassis il-Kbir Abjatar. Hu kien ukoll profeta. Ġeħova tah ħafna għerf u b’hekk setaʼ jifhem xi jrid Ġeħova. (2 Sam. 15:27) In-nies kienu jmorru għandu meta jkollhom bżonn xi parir. Imma minbarra dawn il-kwalitajiet, hu kien kuraġġuż. F’dan l-artiklu se niffokaw fuq kif wera din il-kwalità.
3. (a) Għala għandna bżonn il-kuraġġ? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?
3 Illum Satana qed jattakkana aktar minn qatt qabel biex ma nibqgħux leali. (1 Pt. 5:8) Hemm bżonn li nkunu kuraġġużi sakemm Ġeħova jeqred lil Satana u s-sistema ħażina tiegħu. (Salm 31:24) Issa se naraw tliet modi kif nistgħu nimitaw il-kuraġġ li kellu Sadok.
ISSAPPORTJA S-SALTNA T’ALLA
4. Għala għandna bżonn il-kuraġġ biex nissapportjaw is-Saltna t’Alla? (Ara l-istampa.)
4 Peress li aħna nħobbu lil Ġeħova, nissapportjaw is-Saltna tiegħu. Imma għandna bżonn il-kuraġġ. (Mt. 6:33) Pereżempju, għandna bżonn il-kuraġġ biex ngħixu skont dak li jgħidilna Ġeħova u nippritkaw dwar is-Saltna tiegħu. (1 Tess. 2:2) Għandna bżonn il-kuraġġ ukoll għax id-dinja hi maqsuma minħabba l-politika, u allura hu importanti li aħna nibqgħu newtrali u ma nżommu maʼ ħadd. (Ġw. 18:36) Minħabba li l-aħwa ma jiħdux sehem fil-politika u ma jsirux suldati, ħafna drabi jkollhom problemi taʼ flus, jintefgħu l-ħabs, u jistaʼ jkun jiġu msawtin.
Aħna rridu nibqgħu newtrali u ma nżommu maʼ ħadd (Ara paragrafu 4)
5. Sadok għala kellu bżonn il-kuraġġ biex jissapportja lil David?
5 Sadok mar Ħebron meta David sar re biex jiċċelebra, imma kien lest ukoll biex jiġġieled u allura ħa l-armi tiegħu. (1 Kron. 12:38) Sadok kien lest li jekk David imur għall-gwerra hu jmur miegħu biex jipproteġi lill-Iżraelin ukoll. Sadok jistaʼ jkun ma kellux esperjenza bħala suldat, imma hu kien kuraġġuż ħafna.
6. David kif kien taʼ eżempju għal Sadok? (Salm 138:3)
6 Sadok kif sar daqshekk kuraġġuż? Hu kien jaf ħafna rġiel kuraġġużi u żgur tgħallem ħafna minnhom. David kien wieħed minnhom. Meta kien imur għall-gwerer hu kien juri kuraġġ kbir u b’hekk kien t’eżempju tajjeb għall-Iżraelin kollha. (1 Kron. 11:1, 2) David kellu dan il-kuraġġ għax għamel lil Ġeħova ‘t-tarka tiegħu’ u kien jafda fih. (Salm 28:7; aqra Salm 138:3.) Kien hemm nies oħra li kienu taʼ eżempju għal Sadok, bħal pereżempju Ġeħojada u t-tifel tiegħu Benaja, li kien suldat. Barra minn hekk, kien hemm 22 kap f’Iżrael li dejjem kienu jissapportjaw lil David. (1 Kron. 11:22-25; 12:26-28) Dawn l-irġiel kollha riedu li David ikun ir-re tagħhom u kienu lesti li jipproteġuh.
7. (a) Illum x’eżempji taʼ kuraġġ għandna? (b) Bħalma hemm fil-vidjow, x’titgħallem mill-esperjenza taʼ Ħuna Nsilu?
7 Meta naħsbu kif oħrajn urew kuraġġ biex jibqgħu leali lejn Ġeħova u s-Saltna tiegħu, jistaʼ jgħinna ħafna biex inkunu kuraġġużi. Ir-Re tagħna Kristu Ġesù baqaʼ sod meta kien fid-dinja u ma ħax sehem fil-politika. (Mt. 4:8-11; Ġw. 6:14, 15) Hu dejjem kien ifittex lil Ġeħova biex itih il-kuraġġ u s-saħħa ħalli jibqaʼ jobdih. Illum ukoll hemm ħafna aħwa żgħażagħ li ma jsirux suldati u ma jiħdux sehem fil-politika. Ninkuraġġuk biex tara l-esperjenzi tagħhom fuq jw.org.a
GĦIN LILL-AĦWA
8. L-anzjani meta jistaʼ jkollhom bżonn il-kuraġġ biex jgħinu lill-aħwa?
8 In-nies taʼ Ġeħova jħobbu jgħinu lil xulxin. (2 Kor. 8:4) Imma biex jagħmlu hekk, ġieli jkollhom bżonn il-kuraġġ. Pereżempju, meta tinqalaʼ xi gwerra, l-anzjani jkunu jafu li l-aħwa għandhom bżonn l-inkuraġġiment u l-għajnuna. Allura, ituhom dak li jkollhom bżonn bħal fejn joqogħdu u xi ikel. Barra minn hekk, jaraw li jipprovdulhom l-għajnuna spiritwali. L-anzjani jħobbuhom ħafna lill-aħwa, u allura jagħmlu kulma jistgħu biex ituhom dak li jkollhom bżonn anke meta jkun perikoluż għalihom. (Ġw. 15:12, 13) Meta l-anzjani jagħmlu hekk, ikunu qed jimitaw il-kuraġġ taʼ Sadok.
9. Skont it-2 Samwel 15:27-29, David x’qallu jagħmel lil Sadok? (Ara l-istampa.)
9 David kien fil-periklu għax it-tifel tiegħu Absalom ipprova jsir re minfloku. (2 Sam. 15:12, 13) Allura hu kellu jaħrab minn Ġerusalemm malajr kemm jistaʼ jkun! Hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Ejja naħarbu, għax ħadd minna mhu se jeħlisha minn Absalom!” (2 Sam. 15:14) Waqt li kulħadd kien ħiereġ mill-belt, David irrealizza li xi ħadd kellu jibqaʼ hemmhekk ħalli jkun jistaʼ jgħidlu x’se jagħmel Absalom. Allura hu qal lil Sadok u lil xi qassisin oħra biex jerġgħu jmorru lura. (Aqra t-2 Samwel 15:27-29.) Huma kellhom joqogħdu attenti għax din kienet xi ħaġa perikoluża. Absalom ried joqtol lil missieru u kien raġel vjolenti u egoist. Mela immaġina x’kien jagħmlilhom kieku qabadhom!
David tah inkarigu perikoluż lil Sadok (Ara paragrafu 9)
10. Sadok u oħrajn kif ipproteġew lil David?
10 David għamel pjan maʼ Sadok u ħabib ieħor tiegħu jismu Ħusaj. (2 Sam. 15:32-37) Ħusaj kellu jagħmilha taparsi qed jissapportja lil Absalom u jagħtih parir taʼ kif jistaʼ jattakka lil David. Dan il-pjan kien se jgħin lil David biex ikollu biżżejjed żmien ħalli jattakkah. Imbagħad Ħusaj qal lil Sadok u Abjatar x’kien se jiġri. (2 Sam. 17:8-16) Allura, Sadok u Ħusaj qalu lil David bil-pjan. (2 Sam. 17:17) B’hekk, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, Sadok u l-qassisin l-oħra setgħu jipproteġu lil David.—2 Sam. 17:21, 22.
11. Kif nistgħu nkunu kuraġġużi bħal Sadok meta ngħinu lill-aħwa?
11 Jekk fi żminijiet diffiċli jgħidulna biex ngħinu lill-aħwa, kif nistgħu nkunu kuraġġużi bħal Sadok? (1) Obdi d-direzzjoni. Dan hu importanti biex inkunu nistgħu nibqgħu magħqudin. Obdi l-istruzzjonijiet li jiġu mill-uffiċċju tal-fergħa. (Ebr. 13:17) L-anzjani b’mod regolari għandhom jirrivedu l-istruzzjonijiet għal meta jinqalaʼ xi diżastru biex b’hekk ikunu preparati. (1 Kor. 14:33, 40) (2) Kun kuraġġuż imma oqgħod attent. (Prov. 22:3) Aħseb qabel tagħmel xi ħaġa u ibqaʼ safe. Allura tiħux riskji għalxejn. (3) Afda f’Ġeħova. Tinsiex li hu jrid li kemm int u kemm l-aħwa tibqgħu safe, għalhekk hu se jgħinek.
12-13. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Viktor u Vitalii? (Ara l-istampa.)
12 Fl-Ukrajna, żewġ anzjani jisimhom Viktor u Vitalii, għenu biex jieħdu l-ikel lill-aħwa. Viktor jgħid: “Fittixna kullimkien għall-ikel. Ħafna drabi konna nisimgħu n-nies jisparaw fil-viċin. Imma ħu tana xi ikel minn tiegħu u dan għen lill-aħwa għal xi żmien. Waqt li konna qed inpoġġu l-affarijiet fit-trakk, waqgħet bomba xi 20 metru ’l bogħod biss minna. Jien għamilt il-ġurnata kollha nitlob lil Ġeħova biex itini l-kuraġġ ħalli nkompli ngħin lill-aħwa.”
13 Vitalii jgħid: “Kellna bżonn ħafna kuraġġ. L-ewwel vjaġġ li għamilt biex ngħin lill-aħwa dam 12-il siegħa u jien għamilt triq sħiħa nitlob.” Hu kien kuraġġuż imma qagħad attent ukoll. Vitalii jkompli jgħid: “Jien tlabt ħafna drabi lil Ġeħova biex jgħinni nkun modest u nara x’għandi nagħmel. Soqna biss f’toroq li l-awtoritajiet qalulna li kienu safe. Il-fidi tiegħi vera ssaħħet meta rajt kif l-aħwa ħadmu flimkien. Pereżempju, huma neħħew il-ġebel u l-affarijiet li waqgħu fit-triq. Għenu wkoll biex niġbru l-ikel u affarijiet oħra li kellna bżonn u npoġġuhom fit-trakk u ħadu ħsieb lili u lil Viktor ukoll.”
Meta tgħin lil ħutek fi żminijiet taʼ periklu, kun kuraġġuż, imma oqgħod attent (Ara paragrafi 12-13)
IBQAʼ LEALI LEJN ĠEĦOVA
14. Kif nistgħu nħossuna jekk xi ħadd li nħobbu jieqaf jaqdi lil Ġeħova?
14 Waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li jistaʼ jiġrilek hi li xi ħabib jew xi ħadd tal-familja jieqaf jaqdi lil Ġeħova. (Salm 78:40; Prov. 24:10) Iktar ma tkun tħobb lil din il-persuna, iktar se jkun diffiċli. L-eżempju taʼ Sadok se jgħinek ħafna.
15. Sadok għala kellu bżonn il-kuraġġ biex jibqaʼ leali lejn Ġeħova? (1 Slaten 1:5-8)
15 Sadok baqaʼ leali lejn Ġeħova anke meta l-ħabib tiegħu Abjatar ma baqax leali. Meta David kiber u wasal biex imut, it-tifel tiegħu Adonija pprova jsir re avolja Ġeħova ried li r-re li jmiss ikun Salamun. (1 Kron. 22:9, 10) Abjatar beda jissapportja lil Adonija. (Aqra l-1 Slaten 1:5-8.) B’hekk, hu la baqaʼ leali lejn David u lanqas lejn Ġeħova! Immaġina kemm setaʼ ħassu mdejjaq Sadok. Huma kienu ħadmu flimkien bħala qassisin għal iktar minn erbgħin sena. (2 Sam. 8:17) Huma kienu ħadu ħsieb ukoll “l-Arka tal-Alla l-veru” flimkien. (2 Sam. 15:29) Għall-ewwel, it-tnejn li huma kienu leali lejn David u qdew lil Ġeħova flimkien.—2 Sam. 19:11-14.
16. X’għen lil Sadok biex jibqaʼ leali?
16 Sadok baqaʼ leali avolja Abjatar dar kontra Ġeħova. David kien ċert li dejjem jistaʼ jafda lil Sadok. Fil-fatt, meta nduna b’dak li pprova jagħmel Adonija, David qabbad lil Sadok, Natan, u Benaja biex jagħmlu lil Salamun re. (1 Slat. 1:32-34) Peress li Sadok kien ikun maʼ nies leali lejn Ġeħova u David, bħal Natan, żgur li kien inkuraġġit ħafna biex jagħmel dak li hu tajjeb. (1 Slat. 1:38, 39) Meta Salamun sar re, inkariga “lil Sadok il-qassis minflok Abjatar.”—1 Slat. 2:35.
17. Kif tistaʼ timita lil Sadok jekk xi ħadd li tħobb ma jibqax leali lejn Ġeħova?
17 X’ħa tagħmel jekk xi ħadd li tħobb ma jibqax leali lejn Ġeħova? Uri lil Ġeħova li se tibqaʼ leali lejh. (Ġoż. 24:15) Hu se jtik il-kuraġġ biex tagħmel dak li hu sew. Itlob lil Ġeħova u kun maʼ nies li huma leali lejh. Hu japprezza ħafna l-lealtà tiegħek u se jbierkek taʼ dak li tagħmel.—2 Sam. 22:26.
18. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Marco u Sidse?
18 Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Marco u Sidse. Iż-żewġt itfal tagħhom ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova. Marco jgħid: “Mill-ġurnata li jitwieldu t-tfal, tant tkun tħobbhom li tkun lest li tagħmel minn kollox biex tipproteġihom mill-affarijiet ħżiena. Allura meta ma jibqgħux jaqdu lil Ġeħova jkun vera taʼ wġigħ. Imma Ġeħova għenna ħafna biex nissaportu. Hu dejjem għamel ċert li meta jien inkun imdejjaq, il-mara tiegħi tkun b’saħħitha u tinkuraġġini, u meta hi tkun imdejqa jien ninkuraġġiha.” Sidse tgħid: “Kieku Ġeħova ma taniex is-saħħa li kellna bżonn, ma kienx jirnexxilna nissaportu. Jien kont inħoss li kien it-tort tiegħi li t-tfal ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova. Allura tlabtu ħafna biex jgħinni. Xi ġranet wara, iltqajt maʼ oħt li kont ilni ma naraha ħafna snin. Hi poġġiet idha fuq spallti u qaltli: ‘Tinsiex. Mhux it-tort tiegħek!’ Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, jien bqajt naqdih bil-ferħ.”
19. X’int determinat li tagħmel?
19 Ġeħova jrid li n-nies tiegħu jkunu kuraġġużi bħalma kien Sadok. (2 Tim. 1:7) Imma hu ma jridx nagħmlu dan waħedna. Hu jridna li nfittxu lilu għall-għajnuna. Allura meta tiġi f’xi sitwazzjoni li jkollok bżonn il-kuraġġ fittex lil Ġeħova. Kun ċert li hu se jagħtik il-kuraġġ bħalma ta lil Sadok!—1 Pt. 5:10.
GĦANJA 126 Imqajmin, sodi, u setgħanin ibqgħu