Żomm Ħarsa Bilanċjata dwar l-Użu taʼ l-Alkoħol
“L-inbid jagħmlek vjolenti, u x-xorb qawwi storbjuż; m’huwiex għaqli min jingħata għalihom.”—Proverbji 20:1.
1. Is-salmista kif esprima l-gratitudni tiegħu għal xi wħud mill-għotjiet tajbin mingħand Ġeħova?
“KULL għotja tajba u kull rigal perfett ġej minn fuq, għax jinżel mingħand il-Missier tad-dwal tas-sema,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 1:17) Imqanqal mill-gratitudni għall-għotjiet tajbin u kotrana t’Alla, is-salmista kanta: “Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem, biex joħroġ il-ħobż mill-art, nbid li jferraħ qalb il-bniedem, żejt li jsebbħilhom wiċċhom, u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.” (Salm 104:14, 15) L-inbid u xorb alkoħoliku ieħor huma għotjiet sbieħ mingħand Alla l-istess bħalma huma l-ħxejjex, il-ħobż, u żżejt. Kif għandna nużawhom?
2. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw dwar l-użu taʼ l-alkoħol?
2 Għotja sabiħa tibqaʼ tajba biss sakemm tintuża kif suppost. Per eżempju, l-għasel “hu tajjeb,” imma “m’hux tajjeb tiekol ħafna għasel.” (Proverbji 24:13; 25:27) Għalkemm “naqra nbid” tistaʼ tagħmillek tajjeb, l-abbuż taʼ l-alkoħol huwa problema serja. (1 Timotju 5:23) “L-inbid jagħmlek vjolenti,” twissi l-Bibbja, “u x-xorb qawwi storbjuż; m’huwiex għaqli min jingħata għalihom.” (Proverbji 20:1) Madankollu, xi jfisser li xi ħadd jagħtiha għall-alkoħol?a Kif tkun taf li qed tixrob iżżejjed? X’inhi l-ħarsa bilanċjata f’dan ir-rigward?
‘Tagħtiha’ għall-Alkoħol—Kif?
3, 4. (a) X’juri li l-fatt li wieħed jixrob sal-punt li jisker huwa kundannat fil-Bibbja? (b) X’inhuma xi ftit mis-sintomi tas-sokor?
3 F’Iżrael tal-qedem, iben li kien ikun ħali u sakranazz bla ndiema kellu jiġi mħaġġar sakemm imut. (Dewteronomju 21:18-21) L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani: “Tibqgħux tagħmluha maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz jew imbroljun; lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan.” Jidher ċar li l-fatt li wieħed jixrob sal-punt li jisker huwa kundannat fl-Iskrittura.—1 Korintin 5:11; 6:9, 10.
4 Il-Bibbja tiddeskrivi s-sintomi tas-sokor b’dan il-kliem: “Tħarisx lejn l-inbid meta jkun iħammar, meta jkun itextex fit-tazza. Jinżillek ħelu, u mbagħad bħal serp jigdmek, u bħal lifgħa jniggżek. Għajnejk jaraw kollox bil-maqlub, u minn moħħok joħroġ kliem imħawwad.” (Proverbji 23:31-33) Ix-xorb żejjed jigdem bħal serp velenuż, u jikkaġunalek mard, taħwid mentali, u saħansitra jitilfek minn sensik. Wieħed sakranazz jistaʼ jara “kollox bil-maqlub” fis-sens li jistaʼ jkollu alluċinazzjonijiet jew fantasiji tal-moħħ. Jistaʼ wkoll ma jżommx daqshekk lura milli jesprimi ħsibijiet u xewqat perversi illi normalment irażżanhom.
5. Ix-xorb żejjed b’liema mod huwa taʼ ħsara?
5 Xi ngħidu jekk xi ħadd jixrob l-alkoħol imma joqgħod attent li ma jixrobx iżżejjed sabiex ma jidhirx fis-sakra? Xi individwi ma tantx ikunu jidhru fis-sakra, avolja jkunu diġà ħadu diversi grokkijiet. Madankollu, jekk taħseb li din il-ħaġa ma fiha xejn ħażin, int fil-fatt tkun qiegħed tqarraq bik innifsek. (Ġeremija 17:9) Ftit ftit, wieħed jistaʼ maż-żmien isir jiddependi mill-alkoħol u jsir ‘ilsir taʼ ħafna nbid.’ (Titu 2:3) Rigward il-proċess taʼ kif wieħed isir alkoħoliku, il-kittieba Caroline Knapp tgħid: “Wieħed isir hekk bil-mod, ftit ftit, b’mod sottili u perikoluż.” Ix-xorb żejjed huwa tabilħaqq nassa qattiela!
6. Għala għandu individwu jevita x-xorb żejjed kif ukoll l-ikel żejjed?
6 Ikkunsidra wkoll it-twissija taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa. Għax jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-art kollha.” (Luqa 21:34, 35) Individwu m’għandux għalfejn jixrob sakemm jisker biex jintelaq u jitgħażżen—fiżikament kif ukoll spiritwalment. X’se jagħmel jekk jiġi jum Ġeħova u jsibu f’din il-qagħda?
Fiex Jistaʼ Jwassal l-Abbuż taʼ l-Alkoħol
7. L-abbuż taʼ l-alkoħol għala ma jaqbilx mal-kmand li nsibu fit-2 Korintin 7:1?
7 L-użu eċċessiv taʼ l-alkoħol jesponi lil dak li jkun għal ħafna perikli—kemm fiżikament u kemm spiritwalment. Fost il-mard li jikkaġuna l-abbuż taʼ l-alkoħol hemm il-mard tal-fwied, l-epatite, u taqlib fis-sistema nervuża bħal aġitazzjoni, tferfir, u alluċinazzjonijiet. L-użu ħażin taʼ l-alkoħol għal tul taʼ żmien jistaʼ wkoll jikkaġuna l-kanċer, iz-zokkor, u xi mard tal-qalb u taʼ l-istonku. Huwa ovvju li l-użu ħażin taʼ l-alkoħol ma jaqbilx mal-kmand li nsibu fl-Iskrittura: “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu, u nipperfezzjonaw il-qdusija fil-biżaʼ t’Alla.”—2 Korintin 7:1.
8. Skond Proverbji 23:20, 21, għal xiex jistaʼ jwassal l-abbuż taʼ l-alkoħol?
8 L-abbuż taʼ l-alkoħol jistaʼ jfisser ukoll ħala taʼ flus, saħansitra telf taʼ impjieg. Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem wissa: “Tagħmilhiex maʼ dawk li jlegilgu l-inbid, u maʼ dawk li għandhom kilba għal-laħam.” Għala? Hu spjega: “Għax l-ikel u x-xorb żejjed iwasslu għall-faqar, u min iħobb l-irqad iċ-ċraret jilbes.”—Proverbji 23:20, 21.
9. Għala huwa għaqli li wieħed joqgħod lura milli jieħu xorb alkoħoliku jekk ikun se jsuq?
9 Il-ktieb The Encyclopedia of Alcoholism jindika periklu ieħor u jgħid: “L-istudji wrew li l-alkoħol jikkaġuna tnaqqis fl-abbiltajiet tas-sewqan, inkluż il-ħin li persuna tieħu biex tirreaġixxi għal xi ħaġa, il-koordinazzjoni, l-attenzjoni, il-qawwa tal-vista, u s-sens komun.” Ix-xorb flimkien mas-sewqan iġib konsegwenzi diżastrużi. Fl-Istati Uniti biss, għexur t’eluf imutu u mijiet t’eluf iweġġgħu kull sena f’aċċidenti tat-traffiku minħabba l-alkoħol. Iż-żgħażagħ huma l-iktar uħud li jistgħu jaqgħu f’dan il-periklu, għax għandhom inqas esperjenza fis-sewqan kif ukoll fix-xorb. Jistaʼ xi ħadd isuq wara li jkun ħa ammont mhux ħażin t’alkoħol u fl-istess ħin isostni li jirrispetta l-ħajja bħala għotja mingħand Alla Ġeħova? (Salm 36:10 [36:9, NW]) Meta nqisu l-qdusija tal-ħajja, ikun aħjar jekk persuna ma tmissx ix-xorb maʼ ħalqha meta tkun se ssuq.
10. L-alkoħol kif jistaʼ jeffettwalna moħħna, u għala huwa perikoluż?
10 Ix-xorb bla moderazzjoni jweġġaʼ lin-nies mhux biss fiżikament imma wkoll spiritwalment. “L-inbid ġdid u l-qadim itellfu l-għaqal,” tgħid il-Bibbja. (Hosegħa 4:11) L-alkoħol jeffettwa l-moħħ. “Meta xi ħadd jixrob,” tispjega pubblikazzjoni taʼ l-Istitut Nazzjonali taʼ l-Istati Uniti dwar l-Abbuż tad-Drogi, “l-alkoħol jgħaddi mis-sistema tad-diġestjoni għal ġod-demm u jasal malajr fil-moħħ. Dan jibda jnaqqas il-ħeffa tal-partijiet tal-moħħ li jikkontrollaw il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet. Il-persuna tħossha inqas imrażżna u iktar libera.” Meta nkunu f’dan l-istat, iktar hemm ċans li ‘nagħtuha għalih,’ nieħdu kunfidenza żejda, u nesponu ruħna għal ħafna tentazzjonijiet.—Proverbji 20:1.
11, 12. Liema ħsara spiritwali tistaʼ tiġi mill-użu mingħajr moderazzjoni taʼ l-alkoħol?
11 Barra minn hekk, il-Bibbja tikkmanda: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.” (1 Korintin 10:31) Jistaʼ qatt xi ħadd jixrob ammonti kbar t’alkoħol u jġib glorja lil Alla? Żgur li Kristjan irid jevita li jkollu l-fama li jixrob ħafna. Fama bħal din iġġib tmaqdir, mhux glorja, fuq isem Ġeħova.
12 Xi ngħidu jekk Kristjan jixrob mingħajr moderazzjoni u jfixkel lil xi ħadd taʼ l-istess twemmin, forsi lil xi dixxiplu ġdid? (Rumani 14:21) “Kulmin ifixkel lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jpoġġu l-fidi fija jkun aħjar għalih li jdendlulu m’għonqu ġebla taʼ mitħna, bħal dik li jdawwar ħmar, u jgħarrquh f’baħar miftuħ.” (Mattew 18:6) Ix-xorb żejjed jistaʼ wkoll iwassal għattneħħija taʼ privileġġi fil-kongregazzjoni. (1 Timotju 3:1-3, 8) Wieħed ma jridx jinsa wkoll il-konflitti li l-abbuż taʼ l-alkoħol jistaʼ joħloq fil-familja.
Evita l-Perikli—Kif?
13. X’inhu importanti ferm biex nevitaw l-abbuż taʼ l-alkoħol?
13 Soluzzjoni kif wieħed jevita l-perikli taʼ l-alkoħol hija li jkun jaf fejn għandu jaqtaʼ linja—mhux bejn ix-xorb żejjed u s-sokor, imma bejn il-moderazzjoni u x-xorb żejjed. Min jistaʼ jiddetermina fejn int għandek taqtaʼ linja? Peress li hemm ħafna fatturi involuti, ma jistax ikun hemm liġi stretta li tindika li qed tixrob iżżejjed. Kull persuna trid tagħraf hi nfisha l-limitu tagħha u żżomm maʼ dak il-limitu. X’jistaʼ jgħinek tiddeċiedi x’inhu żżejjed għalik? Hemm xi prinċipju li jistaʼ jiggwidak?
14. Fuq liema prinċipju għandek timxi biex taqtaʼ linja bejn il-moderazzjoni u x-xorb żejjed?
14 Il-Bibbja tgħid: “Żomm l-għaqal u l-qjies, twarrabhomx minn quddiem għajnejk; huma jkunu l-ħajja taʼ ruħek, u t-tiżjin taʼ għonqok.” (Proverbji 3:21, 22) Għaldaqstant, il-prinċipju li għandek timxi fuqu huwa dan: Kwalunkwe ammont t’alkoħol li jfixkel b’mod esaġerat il-ġudizzju tiegħek u jnaqqaslek l-abbiltà tal-ħsieb huwa żżejjed għalik persunali. Imma int trid tkun onest miegħek innifsek u tagħraf x’inhu dan il-limitu persunali!
15. Meta jistaʼ jagħti l-każ li anki grokk wieħed ikun żejjed?
15 F’ċerti sitwazzjonijiet, anki grokk wieħed jistaʼ jkun żejjed. Minħabba l-periklu għat-tarbija fil-ġuf, mara tqila għandha mnejn tagħżel li ma tixrob xejn. U ma nkunux aħna qed nuru qalb tajba jekk ma nixorbux fil-preżenza taʼ xi ħadd li fil-passat kellu problema bl-alkoħoliżmu jew li l-kuxjenza tgħidlu li x-xorb hu ħażin? Ġeħova kkmanda lil dawk li kienu jaqdu bħala qassisin fit-tabernaklu: “Nbid u xorb li jsakkar la tixrobx . . . meta tidħlu fit-tinda tal-laqgħa, li ma tmutux.” (Levitiku 10:8, 9) Għaldaqstant, evita li tieħu xorb alkoħoliku eżatt qabel ma tattendi l-laqgħat Kristjani, meta tieħu sehem fil-ministeru, u meta tieħu ħsieb responsabbiltajiet spiritwali oħrajn. Barra minn hekk, f’pajjiżi fejn il-konsum taʼ l-alkoħol huwa projbit jew permess biss għal dawk li qabżu ċerta età, il-Kristjani għandhom jagħtu kas il-liġijiet tal-pajjiż.—Rumani 13:1.
16. Kif għandek tiddeċiedi x’tagħmel meta jpoġġulek quddiemek xarba alkoħolika?
16 Meta xi ħadd joffrilek jew ipoġġilek quddiemek xarba alkoħolika, l-ewwel mistoqsija li għandek tistaqsi hija: ‘Għandi nixrob?’ Jekk tiddeċiedi li tixrob, żomm sew f’moħħok x’inhu l-limitu tiegħek, u taqbiżx dak il-limitu. Tiġix influwenzat minn xi ħadd li jkun ġeneruż miegħek. U oqgħod attent meta jkun hemm xi bar li jservi x-xorb b’xejn jew bla limitu f’okkażjonijiet bħalma huma riċevimenti tat-tieġ. F’ħafna postijiet, il-liġi tippermetti li t-tfal ikollhom aċċess għall-alkoħol. Hija r-responsabbiltà tal-ġenituri li jgħallmu lil uliedhom dwar l-użu taʼ l-alkoħol u joqogħdulhom għassa f’dan ir-rigward.—Proverbji 22:6.
Problema li Tistaʼ Tiffaċċjaha u Ssolviha
17. X’jistaʼ jgħinek tinduna jekk għandikx problema bl-abbuż taʼ l-alkoħol?
17 Huwa l-użu ħażin taʼ l-inbid u x-xorb qawwi problema għalik? Tistaʼ tibqaʼ ċert li jekk l-abbuż taʼ l-alkoħol qed isir dnub bil-moħbi, illum jew għada se tħoss l-effetti tiegħu. Għalhekk, kun onest u eżamina lilek innifsek sew billi tistaqsi mistoqsijiet bħal: ‘Qiegħed nixrob iktar spiss milli kont qabel? Qiegħed nixrob alkoħol iktar qawwi minn qabel? Nuża l-alkoħol biex ninsa l-ħsibijiet, it-tensjoni, jew il-problemi? Kien hemm xi membru tal-familja jew xi ħabib li deher inkwetat minħabba x-xorb tiegħi? Kelli problemi fil-familja minħabba x-xorb? Insibha diffiċli biex ngħaddi mingħajr l-alkoħol għal ġimgħa, xahar, jew diversi xhur? Noqgħod naħbi u ma nurix lin-nies kemm nieħu nbid jew xorb?’ Xi ngħidu jekk weġibt iva għal xi wħud minn dawn il-mistoqsijiet? Tkunx bħal xi ħadd li ‘jħares lejn wiċċu naturali f’mera u minnufih jinsa liema xorta taʼ bniedem hu.’ (Ġakbu 1:22-24) Ħu passi biex tirranġa l-problema. X’tistaʼ tagħmel?
18, 19. Kif tistaʼ tieqaf milli tuża l-alkoħol mingħajr moderazzjoni?
18 L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani: “Tiskrux bl-inbid, li fih hemm il-ħajja bla rażan, imma ibqgħu imtlew bl-ispirtu.” (Efesin 5:18) Iddeċiedi x’inhu l-limitu xieraq għalik u tixrobx iżjed minn hekk. Kun determinat li ma taqbiżx il-limitu; eżerċita r-rażna. (Galatin 5:22, 23) Tagħmilha maʼ xi nies li jagħmlulek pressjoni biex tixrob iżżejjed? Oqgħod attent. “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref,” tgħid il-Bibbja, imma “min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.”—Proverbji 13:20.
19 Jekk qed tuża l-alkoħol biex taħrab minn xi problema, aqbad u iffaċċja l-problema. Il-problemi tistaʼ tiffaċċjahom u ssolvihom billi tapplika l-pariri mill-Kelma t’Alla. (Salm 119:105) Toqgħodx taħsibha biex tfittex l-għajnuna t’anzjan Kristjan li tafdah. Uża tajjeb il-provvedimenti taʼ Ġeħova sabiex tibni l-ispiritwalità tiegħek. Saħħaħ ir-relazzjoni tiegħek m’Alla. Itolbu regolarment—speċjalment dwar id-dgħjufijiet tiegħek. Għid lil Alla biex jirfinalek il-kliewi u qalbek. (Salm 26:2, NW) Bħalma ġie diskuss fl-artiklu taʼ qabel, agħmel ħiltek biex timxi fit-triq taʼ l-integrità.
20. X’passi għandek mnejn tieħu sabiex tiffaċċja u ssolvi problema kontinwa taʼ xorb żejjed?
20 X’tistaʼ tagħmel jekk minkejja l-isforzi tiegħek, il-problema tax-xorb żejjed tibqaʼ hemm? Imbagħad, trid timxi fuq il-parir taʼ Ġesù: “Jekk idek tfixklek, aqtagħha barra; ikun aħjar għalik li tidħol immankat fil-ħajja milli tmur b’idejk it-tnejn f’Geħenna.” (Marku 9:43) It-tweġiba hi: Tiħux qatra waħda. Waħda mara li se nsejħulha Irene hekk iddeċidiet li tagħmel. “Wara kważi sentejn u nofs mingħajr alkoħol,” hi tgħid, “bdejt naħseb li ma jkun ġara xejn jekk forsi nieħu grokk wieħed biss, hekk, sempliċement biex nara kif immur. Imma malli nħossni b’dan il-mod, naqbad u nitlob lil Ġeħova mill-ewwel. Jien determinata li lanqas grokk wieħed ma nieħu sas-sistema l-ġdida—u forsi lanqas dakinhar.” Li taqtaʼ x-xorb għalkollox m’huwiex sagrifiċċju daqshekk kbir biex tikseb il-ħajja fid-dinja ġdida u ġusta t’Alla.—2 Pietru 3:13.
‘Iġri b’Tali Mod li Tiksbu’
21, 22. Liema ostaklu jistaʼ jwaqqafna milli naslu fil-final tat-tellieqa għall-ħajja, u kif nistgħu nevitawh?
21 Billi qabbel il-ħajja taʼ Kristjan maʼ tellieqa, jew kompetizzjoni, l-appostlu Pawlu qal: “Ma tafux li f’tellieqa l-ġerrejja kollha jiġru, imma wieħed biss jirċievi l-premju? Iġru b’tali mod li tiksbuh. Iktar minn hekk, kulmin jieħu sehem f’kompetizzjoni jeżerċita r-rażna f’kollox. Naturalment, dan huma jagħmluh biex jiksbu kuruna li tidbiel, imma aħna waħda li ma tidbielx. Għalhekk, m’iniex niġri b’mod inċert; m’iniex nimmira d-daqqiet tiegħi b’tali mod li nkun qed nagħti fl-arja; imma nsawwat lil ġismi u njassru, sabiex, wara li nkun ippridkajt lil oħrajn, jien stess ma niġix diżapprovat b’xi mod.”—1 Korintin 9:24-27.
22 Il-premju jingħata biss lil dawk li jispiċċaw it-tellieqa b’suċċess. Fit-tellieqa għall-ħajja, l-abbuż taʼ l-alkoħol jistaʼ ma jħalliniex niġru t-tellieqa sa l-aħħar. Irridu neżerċitaw ir-rażna. Biex niġru b’mod ċert jeħtieġ li ma ningħatawx għal “xorb żejjed taʼ nbid.” (1 Pietru 4:3) Għall-kuntrarju, irridu neżerċitaw ir-rażna f’kollox. Meta niġu għax-xorb alkoħoliku, inkunu għaqlin jekk “inwarrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u x-xewqat tad-dinja u ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla.”—Titu 2:12.
[Nota taʼ taħt]
a Kif jintuża f’dan l-artiklu, “l-alkoħol” japplika għall-birra, l-inbid, u spirti oħrajn.
Tiftakar Int?
• X’inhu l-abbuż taʼ l-alkoħol?
• Xi ħsara tirriżulta mill-użu ħażin taʼ l-alkoħol?
• Kif tistaʼ tevita l-perikli taʼ l-abbuż taʼ l-alkoħol?
• Kif jistaʼ individwu jiffaċċja u jsolvi l-problema taʼ l-abbuż taʼ l-alkoħol?
[Stampa f’paġna 19]
L-inbid “iferraħ qalb il-bniedem”
[Stampa f’paġna 20]
Irridu nagħrfu l-limitu persunali u nżommu miegħu
[Stampa f’paġna 21]
Iddeċiedi minn qabel fejn għandek taqtaʼ linja
[Stampa f’paġna 22]
Itlob lil Ġeħova regolarment dwar id-dgħjufijiet tiegħek
[Stampa f’paġna 23]
Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà li jgħallmu lil uliedhom dwar l-użu taʼ l-alkoħol