Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Hemm Ħażin li Tagħmel Xalata bix-Xorb?
“Avolja konna ilna nixorbu għal sigħat sħaħ, jien u l-ħabib tiegħi tlaqna mill-‘party’ fis-siegħa taʼ fil-għodu u ħadna magħna flixkun wiski. Bdejna mexjin lejn id-dar—nimxu u nixorbu. Li niftakar wara dan kien li bdiet tielgħa x-xemx, u rrealizzajt li konna mxejna fid-direzzjoni l-ħażina. Fil-fatt, konna mxejna fi triq prinċipali. Miraklu li ma tajruniex!”—Clay.a
XALATI BIX-XORB. Għal xi wħud dan sempliċement ifisser li tixrob sa ma tisker. Rapport mill-Istitut Nazzjonali taʼ l-Istati Uniti dwar l-Abbuż taʼ l-Alkoħol u l-Alkoħoliżmu pprova jkun iktar speċifiku. Fih jintqal li xalata bix-xorb “normalment tfisser li jixorbu ħames drinks jew iktar f’nifs wieħed, fil-każ taʼ l-irġiel, u erbgħa jew iktar, fil-każ tan-nisa.”
L-uffiċjali tas-saħħa fl-Istati Uniti jsejħu x-xalati bix-xorb “problema ewlenija tas-saħħa pubblika.” Skond studju li sar fuq tfal tas-sekondarja fl-Ingilterra, l-Iskozja, u Wales, “taʼ l-inqas kwart mit-tfal taʼ 13 u 14-il sena kienu xorbu minn taʼ l-inqas ħames xarbiet alkoħoliċi f’sessjoni waħda.” Madwar nofs dawk kollha li ġew intervistati u li għandhom 15 jew 16-il sena qalu li kienu għamlu l-istess.
Fi studju li sar fl-Istati Uniti, tnejn minn kull ħames studenti tas-sekondarja kienu għamlu xalata bix-xorb minn taʼ l-inqas darba matul il-ġimagħtejn taʼ qabel l-istħarriġ. Skond id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Istati Uniti, “madwar 10.4 miljuni t’adoloxxenti bejn it-12 u l-20 sena qalu li kienu
jixorbu l-alkoħol. Minn dawn, 5.1 miljuni kienu jagħmlu xalati bix-xorb, u fosthom kien hemm 2.3 miljuni li kienu jixorbu esaġerat u li kienu jagħmlu xalata bix-xorb minn taʼ l-inqas ħames darbiet fix-xahar.” Studju li sar fl-Awstralja wera li f’dak il-pajjiż il-bniet jagħmlu xalati bix-xorb iktar mis-subien u jikkonsmaw bejn 13 u 30 xarba alkoħolika f’sessjoni waħda!
Ħafna jixorbu għax jiġu inkuraġġiti minn żgħażagħ oħrajn. L-istudjuża Carol Falkowski tgħid: “Logħob ġdid u riskjuż li jinvolvi x-xorb daħal sew: attivitajiet taʼ gruppi bil-ħsieb li jixorbu sa ma jiskru. Per eżempju, f’xi logħob minn dan, min jieħu sehem irid jixrob grokk f’ħin speċifiku taʼ xi programm televiżiv jew matul il-konversazzjoni tal-grupp.”
Il-Perikli tax-Xalati bix-Xorb
Filwaqt li xi wħud għandhom mnejn iqisu x-xorb eċċessiv bħala xi logħba, din hi logħba perikoluża ħafna! Ammonti kbar t’alkoħol ma jħallux l-ossiġnu jasal fil-moħħ u l-ġisem ma jibqax jiffunzjona kif suppost. Wieħed jistaʼ jibda jkollu sintomi bħal remettar, jintilef minn sensih, u jonqoslu n-nifs jew ma jibdiex jieħu n-nifs b’mod regulari. F’xi każi, l-alkoħol jistaʼ anki jwassal għall-mewt. Wara xi xahar li ggradwat, Kim, li kellha 17-il sena, marret party minn dawk li fihom tistaʼ tixrob kemm trid u kollox ikun imħallas. Kim ħadet 17-il drink qabel ma ntilfet minn sensiha. Imbagħad ġiet oħtha akbar minnha u ħaditha d-dar. L-għada, ommha sabitha mejta.
Ix-xorb żejjed forsi rari jikkaġuna l-mewt direttament, imma xorta hu taʼ theddida għas-saħħa. “L-alkoħol jistaʼ jikkaġuna ħsara serja lil kwalunkwe organu taʼ ġismek,” jgħid Jerome Levin, espert tas-saħħa mentali. “L-iktar organi li jistgħu jiġu effettwati mill-alkoħol huma s-sistema nervuża, il-fwied, u l-qalb.” Artiklu fir-rivista Discover jgħid: “Riċerka reċenti tissuġġerixxi li ż-żgħażagħ li jixorbu qed jistiednu l-periklu. Peress li sakemm ikollhom għoxrin sena moħħhom ikun għadu qed jiżviluppa, l-adoloxxenti li jixorbu b’mod eċċessiv jistgħu jkunu qed jeqirdu ammont sinifikanti mill-kapaċità mentali tagħhom.” Konsum taʼ l-alkoħol bla kontroll jistaʼ wkoll jikkaġuna ponot fil-wiċċ, tikmix tal-ġilda qabel il-waqt, żjieda fil-piż, ħsara lill-organi interni, dipendenza fuq l-alkoħol, u l-vizzju tad-drogi.
Hemm perikli oħrajn assoċjati max-xorb żejjed. Jekk tisker, hemm ċans kbir li tiġi trattat ħażin. Tistaʼ ssir vittma t’attakki fiżiċi jew anki taʼ stupru. Fl-istess ħin, x’aktarx li tistaʼ tkun taʼ periklu għal oħrajn billi ġġib ruħek bla kontroll u tagħmel xi ħaġa li meta tkun f’sensik lanqas biss toħlom li tagħmilha. Għalhekk, il-Bibbja twissi li jekk tixrob iżżejjed, “għajnejk jaraw kollox bil-maqlub, u minn moħħok joħroġ kliem imħawwad.” (Proverbji 23:33) Dan jistaʼ jkollu konsegwenzi taʼ wġigħ il-qalb, bħalma huma ħbiberiji mkissrin, riżultati ħżiena fl-iskola u fuq ix-xogħol, rekord kriminali, u faqar.b—Proverbji 23:21.
Il-Pressjoni biex Tixrob
Minkejja dawn il-perikli, l-alkoħol hu reklamat b’mod esaġerat u f’ħafna pajjiżi jinkiseb faċilment. Fil-fatt, ir-reklami fuq it-televixin u fir-rivisti jagħmlu x-xorb taʼ l-alkoħol jidher affaxxinanti. Iżda, spiss iż-żgħażagħ jagħmlu xalati bix-xorb għax iċedu għall-pressjoni minn dawk taʼ mparhom.
Fi stħarriġ dwar l-alkoħol li sar fl-Awstralja, 36 fil-mija miż-żgħażagħ li ġew intervistati qalu li huma kienu jixorbu primarjament biex “f’attivitajiet soċjali ma jidhrux differenti minn sħabhom.” Fl-atmosfera storbjuża taʼ party fejn tinxtorob ħafna birra, bniedem li normalment ikun mistħi jistaʼ jsir l-individwu ċentrali li jdaħħaq u li jagħti pjaċir hekk kif sħabu jinkuraġġuh biex jixrob tazza birra wara l-oħra. Iż-żagħżugħa Katie ttieħdet id-dar f’koma wara li xorbot ħafna. Il-“ħabib” tagħha kien taha l-alkoħol u qalilha: “Ejja, Katie, issa int m’għadikx tifla żgħira. Għandek titgħallem tlegilgu.”
Ix-xewqa li wieħed jieħu pjaċir u li jkun bħall-oħrajn tant hi qawwija li minkejja l-evidenza konvinċenti li x-xalati bix-xorb huma perikolużi, dawn xorta jibqgħu popolari.
X’Għażla Se Tagħmel?
Issa jqumu dawn il-mistoqsijiet: Liema għażliet se tagħmel int rigward ix-xorb? Se tagħmel sempliċement kif jagħmlu sħabek? Ftakar x’tgħid il-Bibbja f’Rumani 6:16: “Ma tafux li jekk tibqgħu tippreżentaw ruħkom lil xi ħadd bħala lsiera biex tobduh tkunu lsiera tiegħu għax tobduh?” Jekk tħalli lil sħabek jikkontrollaw kull mossa li tagħmel, issir sempliċement ilsir tagħhom. Il-Bibbja tħeġġek biex id-deċiżjonijiet tiħodhom int, mhux tħalli lil ħaddieħor jiħodhom għalik. (Proverbji 1:4) Fiha pariri li jistgħu jgħinuk tevita żbalji serji. Ikkunsidra x’għandha xi tgħid dwar l-alkoħol.
Fil-fatt, il-Bibbja ma tikkundannax ix-xorb taʼ l-alkoħol, lanqas ma tipprojbixxi liż-żgħażagħ milli jieħdu gost. Iżda, hija twissi kontra x-xorb żejjed. “L-inbid jagħmlek vjolenti, u x-xorb qawwi storbjuż; m’huwiex għaqli min jingħata għalihom,” jgħid Proverbji 20:1. Iva, l-alkoħol jistaʼ jġiegħel lil individwu jkun ridikolu u storbjuż, saħansitra vjolenti! Veru, għal ftit mumenti jistaʼ jkun pjaċevoli, iżda jekk tixrob iżżejjed, “bħal serp jigdmek,” u jħallilek ħafna ħsara fiżika u emozzjonali.—Proverbji 23:32.
Xi ħaġa oħra li għandek taħseb dwarha hi li f’ħafna pajjiżi tiġi stabbilita età minima biex wieħed ikun jistaʼ jixrob. Il-Kristjani jobduhom dawn il-liġijiet. (Titu 3:1) Dawn qegħdin hemm għall-protezzjoni tiegħek.
Fl-aħħarnett, u l-iktar importanti, ikkunsidra l-ħsara spiritwali li jistaʼ jikkaġuna x-xorb żejjed. Alla Ġeħova jridek taqdih “b’moħħok kollu”—mhux b’moħħ li jkun ġie mħassar bla bżonn minħabba x-xorb żejjed taʼ l-alkoħol! (Mattew 22:37) Il-Kelma t’Alla tikkundanna kemm ix-“xorb żejjed taʼ nbid” u kemm l-“imħatri min jixrob l-iktar.” (1 Pietru 4:3) Għalhekk, li nagħmlu xalati bix-xorb imur kontra r-rieda tal-Ħallieq tagħna. Imġiba eċċessiva bħal din tistaʼ ttellef lil dak li jkun milli jgawdi relazzjoni mill-qrib m’Alla.
X’għandek tagħmel jekk inqbadt fin-nassa tax-xalati bix-xorb? Fittex l-għajnuna immedjatament billi titkellem maʼ wieħed mill-ġenituri jew maʼ xi Kristjan matur.c Irrikorri għand Alla Ġeħova bit-talb u itolbu bil-ħniena għall-għajnuna tiegħu. Wara kollox, hu “għajnuna li fid-dwejjaq insibuha dejjem.” (Salm 46:2, Saydon [46:1, NW]) Ladarba x-xalati bix-xorb u x-xorb minn uħud taħt l-età spiss isiru minħabba l-pressjoni minn żgħażagħ oħrajn, int forsi jkollok bżonn tagħmel bidliet sostanzjali fl-għażla tiegħek tal-ħbieb u d-divertiment. Ma jkunx faċli li tagħmel dawn il-bidliet, iżda tistaʼ tirnexxi bl-għajnuna taʼ Ġeħova.
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Skond studju li sar fl-Istati Uniti, “hemm tmien darbiet iktar ċans għal dawk li spiss jagħmlu xalati bix-xorb li jfallu u jaqgħu lura fix-xogħol taʼ l-iskola, li jweġġgħu jew ikorru, u li jagħmlu ħsara lill-proprjetà milli għal dawk li ma jixorbux b’dan il-mod.”
c F’xi każi jistaʼ jkun hemm bżonn l-għajnuna taʼ xi professjonista mediku.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]
Xalati bix-Xorb—Statistiċi tal-Biżaʼ
L-istatistiċi li ġejjin juru l-konsegwenzi taʼ niket li jġibu magħhom ix-xalati bix-xorb fost l-istudenti universitarji fl-Istati Uniti:
Imwiet: Kull sena 1,400 student universitarju bejn it-18 u l-24 sena jmutu minn korrimenti aċċidentali relatati max-xorb, inkluż ħabtiet bil-karozzi
Korrimenti: 500,000 student bejn it-18 u l-24 sena jkorru aċċidentalment meta jkunu taħt l-influwenza tax-xorb
Attakki: Iktar minn 600,000 student bejn it-18 u l-24 sena jiġu attakkati minn xi student ieħor li jkun xorob
Abbużi Sesswali: Iktar minn 70,000 student bejn it-18 u l-24 sena huma vittmi t’attakki sesswali minn nies li jafuhom, jew li ma jkunux jafuhom, u li jkunu taħt l-effett taʼ l-alkoħol
[Sors]
Sors: L-Istitut Nazzjonali taʼ l-Istati Uniti dwar l-Abbuż taʼ l-Alkoħol u l-Alkoħoliżmu
[Stampa f’paġna 13]
Forsi sħabek iħeġġuk biex tagħmel xalata bix-xorb