-
Ftakar fil-mara taʼ LotLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 10
Ftakar fil-mara taʼ Lot
Lot kien jgħix m’Abraham, li kien zijuh, fl-art taʼ Kangħan. Imma maż-żmien, Abraham u Lot tant kellhom annimali li ma kienx hemm biżżejjed art għalihom kollha. Allura, Abraham qal lil Lot: ‘Ma nistgħux nibqgħu ngħixu flimkien fl-istess post. Jekk jogħġbok, agħżel liema naħa tixtieq tmur, u jien immur in-naħa l-oħra.’ Abraham wera li ma kienx egoist, hux veru?
Lot ra li l-art qrib il-belt taʼ Sodoma kienet sabiħa. Kien hemm ħafna ilma u ħafna ħaxix aħdar. Allura, hu għażel dan il-post u mar mal-familja tiegħu jgħix fil-belt taʼ Sodoma.
Viċin il-belt taʼ Sodoma, kien hemm belt oħra jisimha Gomorra. In-nies taʼ dawn il-bliet kienu ħżiena ħafna. Tant kienu ħżiena li Ġeħova ddeċieda li jeqred lil dawn il-bliet. Imma Alla ried isalva lil Lot u lill-familja tiegħu, allura bagħat żewġ anġli biex javżawhom: ‘Ħaffu! Oħorġu minn din il-belt! Ġeħova se jeqridha.’
Lot ma telaqx mill-ewwel. Baqaʼ jiħodha bil-mod. Għalhekk l-anġli qabdu lil Lot, lill-mara tiegħu, u liż-żewġt ibniet tiegħu minn idhom u ħarġuhom bil-ħeffa ’l barra mill-belt, billi qalulhom: ‘Iġru! Aħarbu ħa ssalvaw ħajjitkom, u tħarsux lura. Jekk tħarsu lura, tmutu żgur!’
Meta waslu fil-belt taʼ Sogħar, Ġeħova bagħat xita taʼ nar u kubrit fuq Sodoma u Gomorra. Dawn iż-żewġt ibliet ġew meqrudin għalkollox. Meta l-mara taʼ Lot m’obdietx lil Ġeħova u ħarset lura, hi saret kolonna tal-melħ! Imma Lot u l-bniet tiegħu salvaw għax obdew lil Ġeħova. Min jaf kemm kienu mnikktin minħabba li hi ma kinitx obdiet. Minn dan, aħna nistgħu nitgħallmu kemm hu importanti li nobdu dak kollu li jgħidilna Ġeħova.
“Ftakru f’mart Lot.”—Luqa 17:32
-
-
Prova tal-fidiLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 11
Prova tal-fidi
Abraham għallem lil ibnu Iżakk biex iħobb lil Ġeħova u biex jafda fil-wegħdi kollha taʼ Ġeħova. Imma meta Iżakk kellu madwar 25 sena, Ġeħova talab lil Abraham biex jagħmel xi ħaġa li kienet se tkun diffiċli ħafna. Taf x’kienet?
Alla qal lil Abraham: ‘Jekk jogħġbok, ħu lill-uniku iben tiegħek u offrih bħala sagrifiċċju fuq muntanja fl-art taʼ Morija.’ Abraham ma kellu l-ebda idea għala Ġeħova kien qallu biex jagħmel hekk. Imma hu xorta obda lil Ġeħova.
Kmieni l-għada filgħodu, Abraham ħa lil Iżakk u tnejn mill-qaddejja tiegħu u telqu lejn Morija. Wara tlett ijiem, bdew jaraw il-muntanji fil-bogħod. Abraham qal lill-qaddejja tiegħu biex jistennew waqt li hu u Iżakk imorru biex joffru sagrifiċċju. Abraham qabbad lil Iżakk biex iġorr l-injam għan-nar, u hu ġarr is-sikkina. Iżakk staqsa lil missieru: ‘Fejn hu l-annimal li se noffru?’ Abraham wieġbu: ‘Ibni, Ġeħova se jipprovdihulna.’
Meta fl-aħħar waslu fuq il-muntanja, huma bnew artal. Imbagħad, Abraham lil Iżakk rabatlu jdejh u saqajh u poġġieh fuq l-artal.
Abraham qabad is-sikkina f’idu. F’dak il-mument, l-anġlu taʼ Ġeħova sejjaħlu mis-smewwiet: ‘Abraham! Toqtlux lit-tifel! Issa naf li int għandek fidi f’Alla għax kont lest li tissagrifika lil ibnek.’ Imbagħad Abraham ra muntun maqbud minn qrunu fil-friegħi tas-siġra. Abraham ħall lil Iżakk u minflok offra l-muntun bħala sagrifiċċju.
Minn dakinhar ’il quddiem, Ġeħova sejjaħ lil Abraham il-ħabib tiegħu. Taf għala? Għax Abraham dejjem għamel dak li Ġeħova qallu biex jagħmel, anke meta ma fehemx għala Ġeħova kien qallu biex jagħmel hekk.
Imbagħad, Ġeħova rripeta l-wegħda lil Abraham: ‘Jien se nbierkek, u nislek, jew uliedek, se jiżdiedu.’ Dan kien ifisser li Ġeħova kien se jbierek lin-nies tajbin kollha mill-familja t’Abraham.
“Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16
-