-
Ilsir li obda lil AllaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 14
Ilsir li obda lil Alla
Ġużeppi kien wieħed mis-subien iż-żgħar taʼ Ġakobb. Ħutu s-subien li kienu akbar minnu raw li Ġużeppi kien il-favorit taʼ missierhom. Kif taħseb li ħassewhom dwar dan? Huma kienu jgħiru għal Ġużeppi u bdew jobogħduh. Meta Ġużeppi kien joħlom ħolm stramb, hu kien imur jgħid lil ħutu x’ħolom. Dan il-ħolm kien ifisser li huma xi darba kienu se jmilu quddiemu. Allura, issa bdew jobogħduh saħansitra iktar!
Darba waħda, ħutu s-subien kienu qed jieħdu ħsieb in-nagħaġ viċin il-belt taʼ Sikem. Ġakobb bagħat lil Ġużeppi biex jara kif inhuma sejrin. Mill-bogħod raw lil Ġużeppi ġej u qalu lil xulxin: ‘Ara, ġej dak li jħobb joħlom. Ejja noqtluh!’ Huma qabduh u tefgħuh f’bir vojt. Imma Ġuda, wieħed mill-aħwa, qal: ‘Toqtluhx! Ejja nbigħuh bħala lsir minflok.’ Għalhekk, biegħu lil Ġużeppi għal 20 biċċa tal-fidda lil negozjanti minn Midjan li kienu fi triqithom lejn l-Eġittu.
Imbagħad, ħut Ġużeppi ċappsu sew il-libsa tiegħu bid-demm taʼ bodbod, u bagħtuha lil missierhom, u qalulu: ‘Din mhux il-libsa taʼ ibnek?’ Minħabba f’hekk, Ġakobb ħaseb li Ġużeppi kien ġie maqtul minn annimal salvaġġ. Hu baqaʼ jibki lil Ġużeppi u ħadd ma setaʼ jtih faraġ.
Fl-Eġittu, Ġużeppi kien mibjugħ bħala lsir lil uffiċjal importanti jismu Potifar. Imma Ġeħova kien maʼ Ġużeppi. Potifar induna li Ġużeppi kien tajjeb f’xogħlu u li setaʼ jafdah. Fi żmien qasir, Potifar għamel lil Ġużeppi responsabbli fuq kull ħaġa li kellu.
Il-mara taʼ Potifar innotat li Ġużeppi kien gustuż u mibni. Jum wara jum, hi kienet tgħid lil Ġużeppi biex jimtedd magħha. X’kien se jagħmel Ġużeppi? Hu m’aċċettax u qalilha: ‘Le! Dak li qed tgħidli biex nagħmel hu ħażin. Int l-mara tiegħu, u sidi lili jafdani. Jekk nimtedd miegħek, jien inkun qed nagħmel dnub kontra Alla!’
Darba waħda, il-mara taʼ Potifar sforzat lil Ġużeppi biex jimtedd magħha. Hi qabditu minn ħwejġu, imma hu ħarab jiġri ’l barra. Meta Potifar ġie lura d-dar, hi qaltlu li Ġużeppi pprova jimtedd magħha. Imma hi ma kinitx qed tgħid il-verità. Potifar tant irrabja li tefaʼ lil Ġużeppi fil-ħabs. Imma Ġeħova qatt ma nesieh lil Ġużeppi.
“Għalhekk, umiljaw ruħkom taħt l-id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-żmien xieraq.”—1 Pietru 5:6
-
-
Ġeħova qatt ma nesa lil ĠużeppiLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 15
Ġeħova qatt ma nesa lil Ġużeppi
Waqt li Ġużeppi kien fil-ħabs, il-Fargħun, is-sultan tal-Eġittu, kellu ħolm li ħadd ma setaʼ jfissirhulu. Wieħed mill-qaddejja qallu li Ġużeppi setaʼ jgħidlu x’kien ifisser il-ħolm tiegħu. Il-Fargħun mill-ewwel bagħat għal Ġużeppi.
Il-Fargħun staqsieh: ‘Tistaʼ tispjegali l-ħolm tiegħi?’ Ġużeppi qallu: ‘L-Eġittu se jkollu ħafna ikel għal sebaʼ snin, imma mbagħad jiġu sebaʼ snin taʼ ġuħ kbir. Qabbad lil xi ħadd kapaċi ħalli jerfaʼ l-ikel biex in-nies tiegħek ma jmutux bil-ġuħ.’ Il-Fargħun wieġbu: ‘Jien nagħżel lilek! Int tkun it-tieni l-iktar raġel importanti fl-Eġittu!’ Ġużeppi kif kien jaf xi jfisser il-ħolm tal-Fargħun? Kien bl-għajnuna taʼ Ġeħova.
Matul dawk is-sebaʼ snin, Ġużeppi ħażen l-ikel. Imbagħad, waqaʼ ġuħ kbir fuq l-art kollha, eżatt kif kien qal hu. In-nies bdew ġejjin minn kullimkien biex jixtru l-ikel mingħand Ġużeppi. Missieru, Ġakobb, semaʼ li fl-Eġittu kien hemm l-ikel, u allura bagħat għaxra minn uliedu subien biex imorru jixtru.
Xħin dawn ġew quddiem Ġużeppi, hu mill-ewwel għarafhom. Imma ħutu ma ndunawx li kien Ġużeppi. Huma mielu quddiemu, eżatt kif kien ħolom meta kien għadu żgħir. Ġużeppi ried ikun jaf jekk ħutu kinux għadhom kattivi. Allura qalilhom: ‘Intom spiji. Intom ġejtu titkixxfu dwar il-pajjiż tagħna.’ Huma wiġbuh: ‘Le! Aħna 12-il aħwa minn Kangħan. Wieħed minn ħutna mejjet, u ż-żgħir qiegħed maʼ missierna.’ Ġużeppi mbagħad qalilhom: ‘Ġibuli lil ħukom iż-żgħir hawnhekk u nemminkom.’ Allura marru lura d-dar għand missierhom.
Meta reġaʼ spiċċalhom l-ikel, Ġakobb bagħat lil uliedu subien lura l-Eġittu. Din id-darba huma ħadu magħhom lil Benjamin, ħuhom iż-żgħir. Biex jittestja lil ħutu, Ġużeppi ħeba t-tazza tal-fidda tiegħu fl-ixkora tal-qamħ taʼ Benjamin u mbagħad akkuża lil ħutu li serquha. Meta l-qaddejja taʼ Ġużeppi sabu t-tazza fl-ixkora taʼ Benjamin, ħutu ma setgħux jemmnu. Huma talbu bil-ħniena lil Ġużeppi biex jikkastiga lilhom minflok lil ħuhom.
Issa Ġużeppi induna li ħutu kienu nbidlu. Hu ma felaħx iktar iżomm lura l-emozzjonijiet tiegħu u nfaqaʼ jibki. Imbagħad qalilhom: ‘Jien ħukom Ġużeppi. Missieri għadu ħaj?’ Ħutu baqgħu mbellhin. Hu qalilhom: ‘Tħossukomx ħatjin għal dak li għamiltuli. Alla bagħatni hawn biex insalvalkom ħajjitkom. Issa morru malajr u ġibuli lil missieri.’
Huma marru lura biex jgħidu lil missierhom bl-aħbar sabiħa u biex jiħduh l-Eġittu. Sa fl-aħħar, wara ħafna snin, Ġużeppi u missieru reġgħu ngħaqdu flimkien.
“Jekk ma taħfrux lill-bnedmin in-nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-nuqqasijiet tagħkom.”—Mattew 6:15
-