LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Sitt kastigi oħra
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Qtajjaʼ ġurati

      LEZZJONI 20

      Sitt kastigi oħra

      Mosè u Aron marru għand il-​Fargħun biex jgħidulu l-​messaġġ t’Alla: ‘Jekk m’intix ħa tħalli lill-​poplu tiegħi jitlaq, jien se nibgħat id-​dubbien fuq l-​art.’ Ammont kbir taʼ dubbien daħal fid-​djar tal-​Eġizzjani, sinjuri u fqar. L-​art kollha mtliet bid-​dubbien. Imma fl-​art taʼ Gosen, fejn kienu jgħixu l-​Iżraelin, ma kienx hemm dubbiena waħda. Mill-​bidu tar-​rabaʼ kastig, bdew jintlaqtu biss l-​Eġizzjani. Il-​Fargħun qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex ineħħi dan id-​dubbien u n-​nies tiegħek ikunu jistgħu jmorru.’ Imma xħin Ġeħova neħħa d-​dubbien, il-​Fargħun biddel fehmtu. Kien il-​Fargħun se jitgħallem il-​lezzjoni?

      Ġeħova qal: ‘Jekk il-​Fargħun ma jħallix lill-​poplu tiegħi jitlaq, l-​annimali tal-​Eġizzjani kollha se jimirdu u jmutu.’ L-​għada, l-​annimali bdew imutu. Imma l-​annimali tal-​Iżraelin ma mitux. Xorta waħda, il-​Fargħun webbes rasu, u ma kienx lest li jċedi.

      Wara dan, Ġeħova qal lil Mosè biex imur lura għand il-​Fargħun u jitfaʼ rmied fl-​arja. L-​irmied sar trab, mela l-​arja, u dan niżel fuq l-​Eġizzjani. B’dan it-​trab, l-​Eġizzjani u l-​annimali kollha tagħhom imtlew bi msiemer kbar li weġġgħuhom ħafna. Minkejja dan, il-​Fargħun irrifjuta li jħalli lill-​Iżraelin jitilqu.

      Mir-rabaʼ sas-sitt kastig tal-Eġizzjani: id-dubbien, il-mewt tal-annimali, l-imsiemer

      Ġeħova għal darb’oħra bagħat lil Mosè għand il-​Fargħun b’dan il-​messaġġ: ‘Għadek ma tridx tħalli lill-​poplu tiegħi jitlaq? Għada, se tinżel fuq l-​art xita taʼ silġ.’ L-​għada, Ġeħova bagħat silġ, ragħad, u nar. Kienet l-​agħar maltempata li l-​Eġittu qatt ra. Is-​siġar u l-​ħxejjex tar-​rabaʼ nqerdu, imma dawk f’Gosen ma ġralhom xejn. Il-​Fargħun qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex dan jieqaf! Imbagħad tistgħu tmorru.’ Imma hekk kif is-​silġ u x-​xita waqfu, il-​Fargħun biddel fehmtu.

      Wara dan Mosè qal: ‘Issa se jiġu l-​ġurati u jieklu l-​ħxejjex li baqaʼ wara l-​maltempata.’ Miljuni taʼ ġurati kielu kulma sabu fl-​għelieqi u fis-​siġar. Il-​Fargħun imbagħad qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex ikeċċi l-​ġurati.’ Imma anke wara li Ġeħova keċċa l-​ġurati, il-​Fargħun xorta baqaʼ rasu iebsa.

      Ġeħova qal lil Mosè: ‘Għolli idek lejn is-​smewwiet.’ Xħin Mosè għamel hekk, waqaʼ dlam ċappa. Għal tlett ijiem, l-​Eġizzjani ma setgħu jaraw xejn u lil ħadd. Kien hemm id-​dawl biss fejn l-​Iżraelin kienu qed jgħixu.

      Mis-sebaʼ sad-disaʼ kastig tal-Eġizzjani: is-silġ, il-ġurati, id-dlam

      Il-​Fargħun qal lil Mosè: ‘Int u n-​nies tiegħek tistgħu tmorru. Imma tridu tħallu l-​annimali tagħkom hawnhekk.’ Mosè qallu: ‘L-​annimali rridu niħduhom magħna biex noffruhom lil Alla tagħna.’ Il-​Fargħun irrabja ħafna u għajjat: ‘Itlaq minn quddiemi! Jekk nerġaʼ narak noqtlok!’

      “Intom terġgħu taraw id-​distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.”—Malakija 3:18

      Mistoqsijiet: Ġeħova liema kastigi oħra bagħtilhom? Dawn kif kienu differenti mill-​ewwel tlieta?

      Eżodu 8:20-32; 9:1-35; 10:1-29

  • L-għaxar kastig
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Raġel Iżraeli jċappas id-demm mad-daħla tal-bieb

      LEZZJONI 21

      L-għaxar kastig

      Mosè wiegħed lill-​Fargħun li kien se jipprova ma jerġax jidher quddiemu. Imma qabel telaq, qal lill-​Fargħun: ‘F’nofsillejl, kull l-​ewwel tifel imwieled fl-​art tal-​Eġittu, mill-​iben tal-​Fargħun sa wlied l-​ilsiera, ħa jmut.’

      Ġeħova qal lill-​Iżraelin biex jagħmlu ikla speċjali. Hu qalilhom: ‘Oqtlu ħaruf raġel taʼ sena tan-​nagħaġ jew tal-​mogħoż, u ċappsu ftit mid-​demm tiegħu mad-​daħla tal-​bieb tad-​dar tagħkom. Ixwu l-​laħam, u kuluh mal-​ħobż bla ħmira. Araw li tkunu lebsin u jkollkom is-​sandli f’saqajkom, lesti biex titilqu. Dal-​lejl jien se nsalvakom.’ Tistaʼ timmaġina kemm kienu eċċitati l-​Iżraelin?

      F’nofsillejl, l-​anġlu taʼ Ġeħova mar f’kull dar fl-​Eġittu. L-​ewwel tifel imwieled fid-​djar li ma kellhomx id-​demm imċappas mad-​daħla tal-​bieb, miet. Imma l-​anġlu qabeż id-​djar li kellhom il-​marka tad-​demm. Kull familja Eġizzjana, sinjura u fqira, tilfet iben. Imma ħadd mit-​tfal tal-​Iżraelin ma miet.

      Anke iben il-​Fargħun miet. Il-​Fargħun ma felaħx iżjed. Minnufih qal lil Mosè u ’l Aron: ‘Itilqu minn hawn. Morru aqdu lil Alla tagħkom. Ħudu l-​annimali tagħkom u itilqu!’

      Taħt qamar kwinta, l-​Iżraelin ħarġu ’l barra mill-​Eġittu, organizzati f’familji u fi tribujiet (gruppi tal-​istess familja). Kien hemm 600,000 raġel Iżraeli u ħafna nisa u tfal. Ukoll, ħafna nies oħra marru magħhom biex huma wkoll ikunu jistgħu jqimu lil Ġeħova. L-​Iżraelin sa fl-​aħħar ma baqgħux taħt l-​Eġizzjani!

      Biex jiftakru kif Ġeħova kien salvahom, huma kellhom jagħmlu din l-​ikla speċjali kull sena. Din kienet imsejħa l-​ikla tal-​Qbiż.

      L-Iżraelin ħerġin mill-Eġittu

      “Għal dan l-​istess skop ħallejtek tibqaʼ, biex permezz tiegħek nuri l-​qawwa tiegħi u ismi jixxandar fl-​art kollha.”—Rumani 9:17

      Mistoqsijiet: X’kien l-​għaxar kastig? X’kellhom jagħmlu l-​Iżraelin biex ikunu protetti minn dan il-​kastig?

      Eżodu 11:1-10; 12:1-42; 13:3-10

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja