LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Huma ma żammewx il-wegħda tagħhom
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • L-Iżraelin ikantaw u jiżfnu madwar l-għoġol tad-deheb

      LEZZJONI 24

      Huma ma żammewx il-wegħda tagħhom

      Ġeħova qal lil Mosè: ‘Itlaʼ ħdejja fuq il-​muntanja. Jien se nikteb il-​liġijiet tiegħi fuq twavel tal-​ġebel u nagħtihom lilek.’ Mosè telaʼ fuq il-​muntanja u baqaʼ hemm għal 40 jum u 40 lejl. Waqt li kien hemm, Ġeħova kiteb għaxar liġijiet importanti fuq żewġ twavel tal-​ġebel u tahom lil Mosè. Dawn il-​liġijiet jissejħu l-​Għaxar Kmandamenti.

      Mosè isabbat it-twavel tal-ġebel mal-art

      Wara ftit taż-​żmien, l-​Iżraelin ħasbu li Mosè kien telaqhom. Għalhekk qalu lil Aron: ‘Aħna rridu lil xi ħadd biex imexxina. Agħmlilna alla!’ Aron qalilhom: ‘Tuni d-​deheb tagħkom.’ Hu dewweb id-​deheb u għamel statwa t’għoġol. In-​nies qalu: ‘Dan l-​għoġol hu l-​Alla tagħna li ħariġna mill-​Eġittu!’ Huma bdew jagħtu qima lill-​għoġol tad-​deheb, u għamlu festa. Kienu qed jagħmlu sew? Le, għax in-​nies kienu wiegħdu li se jqimu biss lil Ġeħova. Imma issa, il-​wegħda li għamlu ma żammewhiex.

      Ġeħova ra x’kienu qed jagħmlu, u qal lil Mosè: ‘Mur, inżel ħdejn in-​nies għax mhumiex qed jobduni u qed iqimu lil alla falz.’ Mosè niżel minn fuq il-​muntanja biż-​żewġ twavel f’idejh.

      Kif kien kważi wasal ħdejn il-​kampijiet, Mosè semaʼ lin-​nies ikantaw. Imbagħad rahom jiżfnu u jqimu lill-​għoġol. Mosè rrabja ħafna. Hu sabbat it-​twavel mal-​art, u dawn inkisru f’biċċiet. Hu mill-​ewwel qered l-​istatwa. Imbagħad qal lil Aron: ‘In-​nies kif ikkonvinċewk tagħmel ħaġa ħażina bħal din?’ Aron qallu: ‘Tirrabjax. Taf kif inhuma dawn in-​nies. Huma riedu alla, u allura jien qbadt id-​deheb tagħhom, tfajtu fin-​nar u ħareġ dan l-​għoġol!’ Aron qatt ma missu għamel hekk. Mosè reġaʼ telaʼ fuq il-​muntanja u talab mill-​qalb lil Ġeħova biex jaħfrilhom.

      Ġeħova ħafer lil dawk li kienu lesti li jobdu Lilu. Qed tara kemm kien importanti għall-​Iżraelin li dejjem jobdu dak li kien jgħidilhom Ġeħova permezz taʼ Mosè!

      “Kulmeta twiegħed wegħda lil Alla, taħsibhiex darbtejn biex troddha, għax ma fihomx għaxqa l-​istupidi. Dak li twiegħed, roddu.”—Ekkleżjasti 5:4

      Mistoqsijiet: X’għamlu l-​Iżraelin meta Mosè ma kienx hemm? X’għamel Mosè xħin niżel?

      Eżodu 24:12-18; 32:1-30

  • Tabernaklu għall-qima
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • It-tabernaklu u l-bitħa

      LEZZJONI 25

      Tabernaklu għall-qima

      Meta Mosè kien fuq il-​Muntanja Sinaj, Ġeħova qallu biex jibni tinda speċjali, li tissejjaħ tabernaklu, fejn l-​Iżraelin setgħu jqimu lil Alla. It-​tabernaklu kien se jkun jistaʼ jinġarr.

      Ġeħova qallu: ‘Għid lin-​nies ħalli jagħtu dak kollu li jistgħu biex jgħinu fil-​bini tat-​tabernaklu.’ L-​Iżraelin taw deheb, fidda, ram aħmar, ħaġar prezzjuż, u ġojjelli. Taw ukoll suf, għażel fin (linen), ġlud tal-​annimali, u ħafna materjal ieħor. Tant kienu ġenerużi, li Mosè qalilhom: ‘Għandna biżżejjed! Iġġibux iktar.’

      L-Iżraelin iġibu l-kontribuzzjonijiet biex jgħinu fil-bini tat-tabernaklu

      Ħafna rġiel u nisa tas-​sengħa għenu biex jinbena t-​tabernaklu. Ġeħova tahom l-​ispirtu qaddis tiegħu biex ikunu kapaċi jagħmlu x-​xogħol. Uħud minnhom kienu jagħmlu l-​ħajt, id-​drapp, jew jagħmlu disinni fuq id-​drapp bil-​ħajt. Jerġaʼ oħrajn kienu jwaħħlu l-​ħaġar prezzjuż, jagħmlu xogħol bid-​deheb, jew inaqqxu l-​injam.

      In-​nies bnew it-​tabernaklu eżatt kif kien qalilhom Ġeħova. Huma għamlu purtiera mill-​isbaħ biex jifirdu t-​tabernaklu f’żewġ partijiet, il-​Qaddis u l-​Iktar Qaddis. Fl-​Iktar Qaddis kien hemm l-​arka tal-​patt, li kienet magħmula mill-​injam tal-​akaċja u d-​deheb. Fil-​Qaddis kien hemm gandlier tad-​deheb, mejda, u artal għall-​ħruq tal-​inċens. Fil-​bitħa kien hemm vaska tar-​ram aħmar u artal kbir. L-​arka tal-​patt kienet tfakkar lill-​Iżraelin fil-​wegħda li kienu għamlu li se jobdu lil Ġeħova. Int taf x’inhu patt? Patt hu tip taʼ wegħda speċjali.

      Ġeħova għażel lil Aron u lil uliedu biex jaqdu fit-​tabernaklu bħala qassisin. Huma kellhom jieħdu ħsieb it-​tabernaklu u hemm joffru offerti lil Ġeħova. Aron biss, il-​qassis il-​kbir, setaʼ jidħol fl-​Iktar Qaddis. Hu kien jagħmel dan darba fis-​sena biex joffri sagrifiċċju għal dnubietu, għad-​dnubiet tal-​familja tiegħu, u għad-​dnubiet tal-​poplu kollu taʼ Iżrael.

      L-​Iżraelin lestew it-​tabernaklu sena wara li ħarġu mill-​Eġittu. Issa kellhom post fejn iqimu lil Ġeħova.

      Ġeħova wera li kien kuntent, u fuq it-​tabernaklu poġġa sħaba. Meta s-​sħaba kienet tkun fuq it-​tabernaklu, l-​Iżraelin kienu jibqgħu fejn ikunu. Imma meta s-​sħaba kienet titlaʼ ’l fuq, huma kienu jindunaw li kien il-​waqt biex jiċċaqalqu. Kienu jżarmaw it-​tabernaklu u jimxu wara s-​sħaba.

      “U smajt leħen għoli ġej mit-​tron u qal: ‘Ara! It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom.’”—Rivelazzjoni 21:3

      Mistoqsijiet: Ġeħova x’qallu biex jibni lil Mosè? Ġeħova x’responsabbiltajiet tahom lil Aron u lil uliedu?

      Eżodu 25:1-9; 31:1-11; 40:33-38; Ebrej 9:1-7

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja