LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Mexxej ġdid u żewġ nisa kuraġġużi
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Barak jgħid lil Debora biex tmur miegħu

      LEZZJONI 32

      Mexxej ġdid u żewġ nisa kuraġġużi

      Wara li kien mexxa lill-​poplu t’Alla għal ħafna snin, Ġożwè miet fl-​età taʼ 110. Sakemm hu kien ħaj, l-​Iżraelin qiemu lil Ġeħova. Imma wara li Ġożwè miet, huma bdew iqimu l-​idoli bħall-​Kangħanin. Minħabba li ma baqgħux jobduh, Ġeħova ppermetta li sultan Kangħani, li kien jismu Ġabin, jagħmlilhom ħajjithom diffiċli. In-​nies talbu bil-​ħerqa lil Ġeħova għall-​għajnuna. Għalhekk, Ġeħova tahom lil Barak biex ikun il-​mexxej ġdid tagħhom. Hu kien se jgħin lin-​nies jerġgħu jduru lejn Ġeħova.

      Debora, li kienet profetessa (profetessa jew profeta hu xi ħadd li jgħid dak li Ġeħova qallu biex jgħid), bagħtet għal Barak. Hi kellha messaġġ għalih mingħand Ġeħova: ‘Ħu 10,000 raġel, u mur iltaqaʼ mal-​armata taʼ Ġabin fil-​wied taʼ Kison. Hemm se tirbaħ lil Sisera, il-​kap tal-​armata taʼ Ġabin.’ Barak qal lil Debora: ‘Jien immur, imma int trid tiġi miegħi.’ Hi qaltlu: ‘Jien niġi miegħek. Imma kun af li mhux int se toqtol lil Sisera. Ġeħova qal li mara se tkun li toqtlu.’

      Debora marret maʼ Barak u l-​armata tiegħu fuq il-​Muntanja Tabor biex ilestu għall-​battalja. Hekk kif Sisera semaʼ dwar dan, ġabar is-​suldati tiegħu u l-​karrijiet tal-​gwerra fil-​wied. Debora qalet lil Barak: ‘Illum Ġeħova se jagħtik ir-​rebħa.’ Barak u l-​10,000 raġel tiegħu niżlu minn fuq il-​muntanja biex jiltaqgħu mal-​armata b’saħħitha taʼ Sisera.

      Imbagħad, Ġeħova ġiegħel li l-​wied taʼ Kison jimtela bl-​ilma. Il-​karrijiet taʼ Sisera bdew jeħlu fit-​tajn. Minħabba dan, Sisera niżel minn fuq il-​karru tiegħu u telaq jiġri. Barak u s-​suldati tiegħu rebħu lill-​armata taʼ Sisera. Imma Sisera rnexxielu jaħrab! Fl-​aħħar, wasal ħdejn kamp taʼ mara jisimha Ġagħel u daħal jistaħba fih. Hi tagħtu jixrob il-​ħalib u mbagħad għattietu b’kutra. Sisera kien għajjien u raqad. Imbagħad, Ġagħel resqet lejh inkiss inkiss, daħħlitlu musmar f’rasu, u qatlitu.

      Barak u Debora jfaħħru lil Ġeħova bil-​kant

      Barak ġie jfittex lil Sisera. Ġagħel ħarġet mill-​kamp u qaltlu: ‘Idħol. Jien se nurik ir-​raġel li qed tfittex.’ Barak daħal ġewwa u ra lil Sisera mejjet. Barak u Debora faħħru lil Ġeħova bil-​kant talli kien ta r-​rebħa lill-​Iżraelin. Imbagħad, għal 40 sena, f’Iżrael kien hemm il-​paċi.

      “In-​nisa li qed ixandru l-​aħbar tajba huma armata kbira.”—Salm 68:11

      Mistoqsijiet: Debora kif għenet lill-​Iżraelin? Ġagħel kif uriet kuraġġ?

      Imħallfin 4:1-24; 5:1-31

  • Rut u Nagħomi
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Nagħomi tgħid lil Rut biex tmur lura għand familtha

      LEZZJONI 33

      Rut u Nagħomi

      Fiż-​żmien taʼ ġuħ kbir f’Iżrael, mara Iżraelija jisimha Nagħomi marret toqgħod fl-​art taʼ Mowab maʼ żewġha u ż-​żewġ subien tagħha. Maż-​żmien, ir-​raġel taʼ Nagħomi miet. It-​tfal tagħha żżewġu lil Rut u lil Għorfa, li kienu Mowabin. B’dispjaċir, maż-​żmien anki t-​tfal tagħha mietu.

      Meta Nagħomi semgħet li l-​ġuħ f’Iżrael kien spiċċa, hi ddeċidiet li tmur lura f’art twelidha. Rut u Għorfa vvjaġġaw magħha imma fit-​triq Nagħomi qaltilhom: ‘Intom kontu nisa tajbin għal uliedi u kontu qalbkom tajba miegħi. Jien nixtieqkom terġgħu tiżżewġu. Morru lura f’Mowab.’ In-​nisa qalulha: ‘Aħna nħobbuk! Ma rridux nitilquk.’ Imma Nagħomi baqgħet tgħidilhom biex imorru. Fl-​aħħar, Għorfa marret lura imma Rut baqgħet magħha. Nagħomi qaltilha: ‘Għorfa sejra lura għand tal-​familja u l-​allat tagħha. Mur magħha, u mur għand dar ommok.’ Imma Rut qaltilha: ‘M’iniex se nitilqek. Il-​poplu tiegħek ikun il-​poplu tiegħi, u Alla tiegħek ikun Alla tiegħi.’ Kif taħseb li ħassitha Nagħomi xħin Rut qaltilha dan il-​kliem?

      Rut u Nagħomi waslu f’Iżrael fiż-​żmien il-​ħsad tax-​xgħir (barley). Ġurnata minnhom, Rut marret biex tiġbor ix-​xgħir li kien baqaʼ mill-​għalqa taʼ raġel jismu Bogħaż, li kien it-​tifel taʼ Raħab. Hu kien semaʼ li Rut kienet Mowabija li b’lealtà kienet baqgħet maʼ Nagħomi. Hu qal lill-​ħaddiema tiegħu biex iħallu ftit xgħir żejjed fl-​għalqa ħalli Rut tkun tistaʼ tiġbru.

      Rut tiġbor ix-xgħir mill-għalqa taʼ Bogħaż

      Filgħaxija, xħin marret lura d-​dar, Nagħomi staqsiet lil Rut: ‘Fl-​għalqa taʼ min kont qed taħdem illum?’ Rut wiġbitha: ‘Fl-​għalqa taʼ wieħed jismu Bogħaż.’ Nagħomi qaltilha: ‘Bogħaż jiġi minni, jiġi mill-​familja tar-​raġel tiegħi. Ibqaʼ aħdem fl-​għalqa tiegħu man-​nisa l-​oħra. Hemmhekk mhu se jiġrilek xejn.’

      Nagħomi maʼ Bogħaż, Rut, u Għobed

      Rut baqgħet taħdem fl-​għalqa tiegħu sakemm spiċċa żmien il-​ħsad. Bogħaż kien innota li kienet taħdem iebes u li kienet mara tajba. F’dak iż-​żmien, jekk raġel kien imut u ma kienx ikollu subien, raġel mill-​familja tiegħu kien jiżżewweġ lill-​armla. Allura, Bogħaż iżżewweġ lil Rut. Huma kellhom tifel jismu Għobed, li maż-​żmien sar in-​nannu tas-​Sultan David. Il-​ħbieb taʼ Nagħomi kienu ferħanin ħafna għaliha. Huma qalulha: ‘Ġeħova l-​ewwel tak lil Rut, li kienet t’għajnuna kbira għalik, u issa tak neputi. Jalla Ġeħova jiġi mfaħħar.’

      “Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.”—Proverbji 18:24

      Mistoqsijiet: Rut kif uriet imħabba lejn Nagħomi? Ġeħova kif ħa ħsieb lil Rut u ’l Nagħomi?

      Rut 1:1-22; 2:1-23; 3:1-18; 4:1-22; Mattew 1:5

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja