-
Il-wegħda taʼ ĠeftaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 36
Il-wegħda taʼ Ġefta
L-Iżraelin, għal darb’oħra, telqu lil Ġeħova u bdew iqimu allat foloz. Meta l-Għammonin attakkaw u ġġieldu kontra l-Iżraelin, l-allat foloz tagħhom m’għamlu xejn biex jgħinuhom. Għal ħafna snin, l-Iżraelin batew. Fl-aħħar qalu lil Ġeħova: ‘Aħna għamilna ħafna dnubiet. Jekk jogħġbok salvana mill-għedewwa tagħna.’ Imbagħad, l-Iżraelin qerdu l-idoli u reġgħu bdew iqimu lil Ġeħova. Hu ma riedx jarahom ibatu iktar.
Raġel gwerrier jismu Ġefta kien ġie magħżul biex imexxi lill-Iżraelin fil-battalja kontra l-Għammonin. Hu qal lil Ġeħova: ‘Jekk tgħinna nirbħu din il-battalja, jien inwiegħdek li meta mmur lura d-dar, nagħtik l-ewwel persuna li toħroġ mid-dar tiegħi biex tilqagħni.’ Ġeħova semaʼ t-talba taʼ Ġefta u għenu jirbaħ il-battalja.
Meta Ġefta mar lura d-dar, l-ewwel persuna li ħarġet biex tilqgħu kienet bintu. Hu lilha biss kellu. Hi ħarġet tiżfen u ddoqq it-tanburlin. Issa Ġefta x’kien se jagħmel? Hu ftakar fil-wegħda li kien għamel u qal: ‘Jaħasra, binti! Kif qsamtli qalbi. Jien għamilt wegħda maʼ Ġeħova. Biex inżommha, jien se jkolli nibagħtek taqdi fit-tabernaklu f’Silo.’ Imma bintu qaltlu: ‘Pa, jekk għamilt wegħda maʼ Ġeħova, int għandek iżżommha. Li nitolbok biss hu li tħallini mmur inqattaʼ xahrejn maʼ sħabi l-bniet fuq il-muntanji. Imbagħad immur.’ Bint Ġefta qdiet lealment fit-tabernaklu għal kumplament taʼ ħajjitha. Kull sena, sħabha kienu jmorru Silo biex jarawha.
“Min għandu affezzjoni lejn ibnu jew lejn bintu iktar milli għandu lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi.”—Mattew 10:37
-
-
Ġeħova jkellem lil SamwelLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 37
Ġeħova jkellem lil Samwel
Il-Qassis il-Kbir Għeli kellu żewġt itfal subien li kienu jaqdu bħala qassisin fit-tabernaklu. Dawn kien jisimhom Ħofni u Fineħas. Huma ma kinux qed jobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova, u lin-nies kienu jittrattawhom ħażin ħafna. Meta l-Iżraelin kienu jġibu s-sagrifiċċji tagħhom quddiem Ġeħova, Ħofni u Fineħas kienu jieħdu l-aħjar laħam għalihom stess. Għeli kien semaʼ dwar x’kienu qed jagħmlu wliedu, imma hu m’għamel xejn. Kien Ġeħova se jħalli dan jibqaʼ għaddej?
Għalkemm Samwel kien ħafna iżgħar minn Ħofni u Fineħas, hu m’għamilx bħalhom. Ġeħova kien ferħan b’Samwel. Darba waħda billejl, waqt li kien rieqed, Samwel semaʼ lil xi ħadd jgħajjatlu. Hu qam, u mar jiġri ħdejn Għeli, u qallu: ‘Hawn jien!’ Imma Għeli wieġbu: ‘Jien m’għajjatlekx. Erġaʼ mur orqod.’ Samwel reġaʼ mar fis-sodda. Imbagħad, reġgħet ġrat l-istess ħaġa. Mat-tielet darba, Għeli induna li kien Ġeħova li qed jgħajjatlu. Hu qal lil Samwel li jekk jerġaʼ jismaʼ hekk, hu għandu jgħid: ‘Tkellem, Ġeħova. Il-qaddej tiegħek qed jisimgħek.’
Samwel mar lura fis-sodda. Imbagħad reġaʼ semaʼ: ‘Samwel! Samwel!’ Hu wieġeb: ‘Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qed jismaʼ.’ Ġeħova qallu: ‘Għid lil Għeli li se nikkastiga lilu u lill-familja tiegħu. Hu jaf li t-tfal tiegħu qed jagħmlu affarijiet ħżiena fit-tabernaklu imma xorta ma qed jagħmel xejn dwar dan.’ L-għada filgħodu, Samwel fetaħ il-bibien tat-tabernaklu bħas-soltu. Hu kien qed jibżaʼ jgħid lill-qassis il-kbir dak li kien qallu Ġeħova. Imma Għeli bagħat għalih u staqsieh: ‘Ibni, Ġeħova x’qallek? Għidli kollox.’ Allura, Samwel qallu kollox.
Waqt li Samwel kien qed jikber, Ġeħova kompla jieħu ħsiebu. L-Iżraelin kollha f’dak il-pajjiż kienu jafu li Ġeħova kien għażel lil Samwel biex ikun profeta u mħallef.
“Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.”—Ekkleżjasti 12:1
-