LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Ġonatan kien kuraġġuż u leali
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġonatan u l-qaddej li jġorrlu l-armi

      LEZZJONI 42

      Ġonatan kien kuraġġuż u leali

      Ġonatan, it-​tifel il-​kbir tas-​Sultan Sawl, kien gwerrier kuraġġuż. David kien qal li Ġonatan kien ħafif iktar minn ajkla u b’saħħtu iktar minn iljun. Darba waħda, Ġonatan ra xi suldati Filistin fuq għolja. Hu qal lill-​qaddej li kien iġorrlu l-​armi: ‘Aħna nattakkawhom biss jekk Ġeħova jagħtina sinjal. Jekk il-​Filistin jgħidulna biex nitilgħu, imbagħad inkunu nafu li għandna nattakkawhom.’ Il-​Filistin għajtu: ‘Itilgħu ħa niġġieldu!’ Għalhekk, huma telgħu għalihom fuq l-​għolja u rebħu lil 20 suldat.

      Ġonatan jagħti lil David ftit mill-affarijiet personali tiegħu

      Wara Sawl, suppost Ġonatan kien imiss fil-​linja biex ikun sultan. Minkejja Ii Ġonatan kien jaf li Ġeħova kien għażel lil David biex ikun is-​sultan li jmiss taʼ Iżrael; hu ma kienx jgħir għalih. Ġonatan u David saru ħbieb tal-​qalb. Huma wiegħdu lil xulxin li kienu se jipproteġu u jaqbżu għal xulxin. Bħala sinjal tal-​ħbiberija tiegħu, Ġonatan ta lil David il-​libsa, is-​sejf, il-​qaws, u ċ-​ċinturin tiegħu.

      Meta David kien qed jaħrab minn Sawl, Ġonatan mar għand David u qallu: ‘Agħmel kuraġġ. Ġeħova għażel lilek biex tkun sultan. Anki missieri jafu dan.’ Tixtieq li jkollok ħabib taʼ veru bħal Ġonatan?

      Iktar minn darba, Ġonatan issogra ħajtu biex jgħin lill-​ħabib tiegħu David. Hu kien jaf li s-​Sultan Sawl ried joqtlu, allura qal lil missieru: ‘Ikun dnub għalik jekk toqtol lil David; hu m’għamel xejn ħażin.’ Sawl irrabja ħafna maʼ Ġonatan.

      Xi snin wara, Sawl u Ġonatan mietu flimkien fil-​gwerra. Wara li Ġonatan miet, David mar ifittex lil Mefiboset, it-​tifel taʼ Ġonatan. Meta sabu, David qallu: ‘Minħabba li missierek kien ħabib taʼ veru għalija, jien se nieħu ħsiebek għal ħajtek kollha. Int tgħix u tiekol fil-​palazz miegħi.’ David qatt ma nesa lill-​ħabib tiegħu Ġonatan.

      “Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu [jew, ħajtu] għal ħbiebu.”—Ġwanni 15:12, 13

      Mistoqsijiet: Ġonatan kif wera li kien kuraġġuż? Ġonatan kif wera li kien leali?

      1 Samwel 14:1-23; 18:1-4; 19:1-6; 20:32-42; 23:16-18; 31:1-7; 2 Samwel 1:23; 9:1-13

  • Id-dnub tas-Sultan David
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Il-profeta Natan iwissi lis-Sultan David

      LEZZJONI 43

      Id-dnub tas-Sultan David

      Wara li miet Sawl, David sar sultan. Hu kellu 30 sena. Wara li kien ilu sultan għal xi snin, hu għamel dnub serju ħafna. Darba waħda filgħaxija, meta kien fuq il-​bejt tal-​palazz tiegħu, ra mara sabiħa. David sar jaf li kien jisimha Bat-​seba, u li kienet miżżewġa lil suldat jismu Urija. David bagħat għal Bat-​seba biex tmur il-​palazz tiegħu. Huma kellhom x’jaqsmu flimkien u hi ħarġet tqila. David ipprova jaħbi dak li kien għamel. Hu qal lill-​kap tal-​armata tiegħu biex jitfaʼ lil Urija fuq quddiem. Imbagħad waqt l-​attakk tal-​battalja, is-​suldati kellhom jersqu lura minn Urija. Wara li Urija nqatel fil-​battalja, David iżżewweġ lil Bat-​seba.

      Is-Sultan David jitlob għall-maħfra

      Imma Ġeħova ra dawn l-​affarijiet ħżiena kollha. X’kien se jagħmel? Ġeħova bagħat lill-​profeta Natan għand David. Natan qallu: ‘Raġel sinjur kellu ħafna nagħaġ, u raġel fqir kellu ħarufa żgħira biss, li kien iħobbha ħafna. Ir-​raġel sinjur ħa l-​unika ħarufa li kellu r-​raġel fqir.’ David irrabja u qallu: ‘Dak ir-​raġel sinjur jistħoqqlu jmut!’ Imbagħad Natan qal lil David: ‘Int hu dak ir-​raġel sinjur!’ David iddispjaċieh ħafna, u ammetta maʼ Natan: ‘Jien dnibt kontra Ġeħova.’ Dan id-​dnub ġab ħafna problemi fuq David u l-​familja tiegħu. Ġeħova kkastiga lil David imma ħallieh jgħix għax hu kien onest u umli.

      David ried jibni tempju għal Ġeħova, imma Ġeħova għażel lil Salamun, it-​tifel tiegħu, biex jibni t-​tempju. David beda jipprepara l-​affarijiet għal Salamun u qal: ‘It-​tempju taʼ Ġeħova jrid ikun kbir u sabiħ ħafna. Salamun għadu żgħir, imma jien se ngħinu billi nipprepara l-​affarijiet.’ David ta ħafna mill-​flus tiegħu biex ikun jistaʼ jinbena t-​tempju. Hu sab ħaddiema tas-​sengħa. Ġabar deheb u fidda, u ġab ukoll injam taċ-​ċedru minn Tir u Sidon. Meta David kiber fiż-​żmien, hu ta l-​pjanti lil Salamun taʼ kif għandu jibni t-​tempju. Hu qallu: ‘Ġeħova qalli biex nikteb dawn l-​affarijiet għalik. Ġeħova se jgħinek. Tibżax, kun kuraġġuż u agħmel ix-​xogħol.’

      David jitkellem dwar il-pjanti tat-tempju maż-żagħżugħ Salamun

      “Min jgħatti n-​nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.”—Proverbji 28:13

      Mistoqsijiet: X’kien id-​dnub li għamel David? David x’għamel biex jgħin lit-​tifel tiegħu Salamun?

      2 Samwel 5:3, 4, 10; 7:1-16; 8:1-14; 11:1-27; 12:1-14; 1 Kronaki 22:1-19; 28:11-21; Salm 51:1-19

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja