-
Ġeħova juri li hu l-Alla l-veruLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 46
Ġeħova juri li hu l-Alla l-veru
L-għaxar tribujiet tas-saltna taʼ Iżrael kellhom ħafna slaten li kienu ħżiena, imma Aħab kien wieħed mill-agħar slaten. Hu żżewweġ mara kattiva ħafna li kienet tqim lil Bagħal. Din kien jisimha Ġeżabel. Aħab u Ġeżabel imlew l-art bil-qima taʼ Bagħal u qatlu lill-profeti taʼ Ġeħova. Ġeħova x’għamel? Hu bagħat lill-profeta Elija għand Aħab biex jagħtih messaġġ.
Elija qal lis-Sultan Aħab li minħabba l-ħażen tiegħu ma kinitx se tagħmel xita f’Iżrael. Għal iktar minn tliet snin, il-ħxejjex ma kibrux u n-nies kienu bil-ġuħ. Imbagħad, Ġeħova bagħat lil Elija lura għand Aħab. Is-sultan qallu: ‘Int qlajt dan l-inkwiet! Kollu tort tiegħek.’ Elija wieġbu: ‘Mhux jien kont li ġegħelt biex ma tagħmilx xita. Ġara hekk għax int qed tqim lil Bagħal. Ejja naraw min hu l-Alla l-veru! Iġbor lin-nies kollha u lill-profeti taʼ Bagħal fuq il-Muntanja Karmel.’
In-nies inġabru fuq il-muntanja. Elija qal: ‘Issa ddeċiedu. Jekk hu Ġeħova l-Alla l-veru, aqdu lilu. Imma jekk hu Bagħal, aqdu lilu. Ejja naraw! L-450 profeta taʼ Bagħal għandhom jippreparaw offerta u jgħajtu lill-alla tagħhom, u jien nipprepara offerta u ngħajjat lil Ġeħova. Il-wieħed li jwieġeb bin-nar ikun l-Alla l-veru.’ In-nies qablu li jsir hekk.
Il-profeti taʼ Bagħal ippreparaw l-offerta. Damu ġurnata sħiħa jgħajtu lill-alla tagħhom: ‘O Bagħal, wiġibna!’ Meta Bagħal ma wiġibhomx, Elija beda jwaqqaʼ ’l-alla tagħhom għaċ-ċajt, u jgħidilhom: ‘Għajtu kemm tifilħu. Forsi raqad, u hemm bżonn li xi ħadd iqajmu.’ Wasal filgħaxija, u l-profeti taʼ Bagħal baqgħu jgħajtulu. Imma baqaʼ ma wiġibhomx.
Elija poġġa l-offerta tiegħu fuq l-artal u ferraʼ l-ilma fuqha. Imbagħad hu talab: ‘O Ġeħova, jekk jogħġbok, ħalli n-nies jaraw li int l-Alla l-veru.’ Mill-ewwel, Ġeħova bagħat nar mis-sema biex jaħraq l-offerta. In-nies għajtu b’leħen għoli: ‘Ġeħova hu l-Alla l-veru!’ Elija qalilhom: ‘Tħallux lill-profeti taʼ Bagħal jaħarbu!’ Dakinhar inqatlu l-450 profeta taʼ Bagħal.
Meta dehret sħaba żgħira fuq il-baħar, Elija qal lil Aħab: ‘Ġejja maltempata. Arma l-karru u mur id-dar.’ Is-sema ddallmet bis-sħab, ir-riħ beda jonfoħ, u bdiet nieżla ħafna u ħafna xita. Fl-aħħar, in-nixfa kienet spiċċat. Aħab saq il-karru tiegħu b’kemm kellu saħħa. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, Elija tant ġera li għadda lil Aħab! Imma l-problemi t’Elija kienu spiċċaw? Ejja naraw.
“Biex in-nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.”—Salm 83:18
-
-
Ġeħova jsaħħaħ lil ElijaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 47
Ġeħova jsaħħaħ lil Elija
Ġeżabel, xħin semgħet xi ġralhom il-profeti taʼ Bagħal, irrabjat ħafna. Hi bagħtet messaġġ lil Elija: ‘Għada, int se tmut bħall-profeti taʼ Bagħal.’ Elija beda jibżaʼ u telaq jiġri fid-deżert. Hu beda jitlob: ‘Ġeħova, ma niflaħx nissaporti iżjed. Ħallini mmut.’ Elija ħassu għajjien ħafna u għalhekk raqad taħt siġra.
Anġlu qajmu u bil-ħlewwa qallu: ‘Qum u kul.’ Elija ra ftira fuq ġebel sħun u buqar bl-ilma. Hu kiel u xorob u reġaʼ mar jorqod. L-anġlu reġaʼ qajmu u qallu: ‘Kul. Għandek bżonn li tkun f’saħħtek biex tivvjaġġa.’ Allura Elija kiel ftit ieħor. Imbagħad, hu vvjaġġa 40 ġurnata u 40 lejl, sakemm wasal ħdejn il-Muntanja Ħoreb. Hemmhekk, Elija ra għar u daħal ġo fih biex jorqod. Imma Ġeħova kellmu u qallu: ‘X’qed tagħmel hawn, Elija?’ Hu wieġbu: ‘L-Iżraelin ma żammewx il-wegħda li għamlu miegħek. Huma kissru l-artali tiegħek u qatlu lill-profeti tiegħek. Issa qed jipprovaw joqtlu lili wkoll.’
Ġeħova qallu: ‘Oħroġ mill-għar u ibqaʼ wieqaf hemm, fuq il-muntanja.’ L-ewwel, għadda riħ qawwi ħafna minn quddiem l-għar. Imbagħad, kien hemm terremot u wara kien hemm nar. Fl-aħħar, Elija semaʼ leħen kalm u fil-baxx. Hu għatta wiċċu bil-libsa tiegħu u baqaʼ hemm, quddiem l-għar. Imbagħad, Ġeħova staqsieh għala kien ħarab. Elija wieġbu: ‘Jien biss għadni naqdi lilek.’ Imma Ġeħova qallu: ‘Int m’intix waħdek. Hemm 7,000 Iżraeli ieħor li għadu jqim lili. Mur u agħmel lil Eliżew profeta minflokok.’ Minnufih, Elija telaq biex jagħmel dak li kien qallu Ġeħova. Taħseb li Ġeħova se jgħin anke lilek meta tagħmel dak li jgħidlek hu? Iva, hu żgur li jgħinek. Ejja nitgħallmu dwar xi ħaġa li ġrat fiż-żmien meta ma kinitx qed tagħmel xita.
“Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki [jew, talb bil-ħerqa] flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.”—Filippin 4:6
-