-
Ġeħova Hu “Dak li Jirrivela s-Sigrieti”It-Torri tal-Għassa—2012 | Ġunju 15
-
-
Ġeħova Hu “Dak li Jirrivela s-Sigrieti”
“Tassew li l-Alla tagħkom hu Alla taʼ l-allat, Sid is-slaten, u Dak li jirrivela s-sigrieti.”—DAN. 2:47.
INT KIF TWIEĠEB?
Ġeħova rrivelalna liema dettalji dwar il-futur?
L-ewwel sitt irjus tal-bhima salvaġġa x’jirrappreżentaw?
Liema partijiet tal-bhima salvaġġa u tax-xbieha fil-ħolma taʼ Nebukadnessar ifissru l-istess affarijiet?
1, 2. Ġeħova xi rrivelalna, u għala għamel dan?
EŻATT qabel ma s-saltna t’Alla teqred lill-gvernijiet umani kollha, liema minnhom se jkun l-iktar setgħan? It-tweġiba nafuha għax Alla Ġeħova hu “Dak li jirrivela s-sigrieti,” u rrivelahielna f’dak li kiteb il-profeta Danjel u l-appostlu Ġwanni.
2 Ġeħova ta lil Danjel u lil Ġwanni diversi viżjonijiet taʼ bhejjem salvaġġi. Ukoll, lil Danjel spjegalu x’kienet tfisser ħolma profetika dwar xbieha enormi tal-metall. Ġeħova għamel ċert li dawn ir-rakkonti jinkitbu u jiġu preservati fil-Bibbja għall-ġid tagħna. (Rum. 15:4) Dan għamlu biex isaħħaħ it-tama tagħna li dalwaqt Saltnatu se tfarrak lill-gvernijiet umani kollha.—Dan. 2:44.
3. Biex nifhmu l-profeziji fil-Bibbja, xi rridu nifhmu l-ewwel, u għala?
3 Il-profeziji taʼ Danjel u Ġwanni jirrivelaw informazzjoni dwar tmien slaten, jew ħakmiet umani, u juru f’liema ordni kellhom jidhru. Imma dawn il-profeziji nistgħu nifhmuhom biss jekk nifhmu l-ewwel profezija fil-Bibbja. Għala? Għax il-Bibbja kollha u l-profeziji kollha li hemm fiha huma konnessi mal-ewwel profezija.
IN-NISEL TAS-SERP U L-BHIMA SALVAĠĠA
4. (a) Min huma ż-żewġ partijiet tan-nisel tal-mara? (b) Dan in-nisel x’se jagħmel?
4 Ftit wara r-ribelljoni fl-Għeden, Ġeħova wiegħed li “mara” kienet se tipproduċi ‘nisel.’a (Aqra Ġenesi 3:15.) Dan in-nisel kien eventwalment se jisħaq lil Satana f’rasu. Ġeħova iktar tard irrivela li n-nisel kellu jkun dixxendent t’Abraham, mill-ġens t’Iżrael, mit-tribù taʼ Ġuda, u mill-familja tas-Sultan David. (Ġen. 22:15-18; 49:10; Salm 89:3, 4; Lq. 1:30-33) Kristu Ġesù hu l-parti prinċipali tan-nisel. (Gal. 3:16) Il-parti sekondarja tan-nisel hi magħmula mill-membri tal-kongregazzjoni Kristjana li huma midlukin bl-ispirtu. (Gal. 3:26-29) Flimkien, Ġesù u dawn l-uħud midlukin jifformaw is-Saltna t’Alla. Alla se juża lil din is-Saltna biex jeqred lil Satana.—Lq. 12:32; Rum. 16:20.
5, 6. (a) Danjel u Ġwanni kemm-il gvern setgħan jidentifikaw? (b) Xi jfissru l-irjus tal-bhima salvaġġa tar-Rivelazzjoni?
5 Din l-ewwel profezija li ngħatat fl-Għeden stqarret ukoll li Satana kien se jipproduċi ‘nisel.’ In-nisel tiegħu kien se jkollu għadwa, jew mibegħda, għan-nisel tal-mara. Min jifforma n-nisel tas-serp? Dawk kollha li jimitaw il-mibegħda taʼ Satana għal Alla u li jopponu lill-poplu t’Alla. Minbarra organizzazzjonijiet reliġjużi u militari, Satana organizza wkoll lil nislu f’bosta gvernijiet, jew saltniet. (Lq. 4:5, 6) Uħud biss minn dawn il-gvernijiet iġġieldu direttament kontra l-poplu t’Alla, jiġifieri, kontra l-ġens t’Iżrael jew il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. Dan jgħinna nifhmu għala l-viżjonijiet taʼ Danjel u Ġwanni jsemmu biss tmien qawwiet setgħanin avolja kien hemm oħrajn.
6 Kważi elfejn sena ilu, Ġesù rxoxtat ta lill-appostlu Ġwanni serje taʼ viżjonijiet impressjonanti ħafna. (Riv. 1:1) F’waħda minnhom, Ġwanni ra lix-Xitan, rappreżentat bħala dragun, bilwieqfa f’xatt taʼ baħar kbir. (Aqra Rivelazzjoni 13:1, 2.) Ġwanni ra wkoll bhima salvaġġa stramba ħierġa mill-baħar. Din kellha sebat irjus u ngħatat awtorità kbira mix-Xitan. Iktar tard, Ġwanni ra bhima lewn l-iskarlat li wkoll kellha sebat irjus. Din kienet xbieha tal-bhima salvaġġa taʼ Rivelazzjoni 13:1. Anġlu qal lil Ġwanni li s-sebat irjus tal-bhima lewn l-iskarlat ifissru “sebaʼ slaten,” jew gvernijiet. (Riv. 13:14, 15; 17:3, 9, 10) Meta Ġwanni kiteb il-ktieb tar-Rivelazzjoni, ħamsa minn dawn kienu waqgħu, wieħed kien qed jaħkem, u l-ieħor kien “għadu ma wasalx.” X’inhi l-identità taʼ dawn is-saltniet, jew qawwiet dinjin? Ejja nikkunsidraw kull waħda mill-irjus tal-bhima deskritta fir-Rivelazzjoni. Ukoll, se nitgħallmu iktar dwar ħafna minn dawn il-gvernijiet mill-ktieb taʼ Danjel. Il-profeziji taʼ Danjel taw dettalji dwar ftit minn dawn il-gvernijiet mijiet taʼ snin saħansitra qabel ma kienu jeżistu.
L-EWWEL ŻEWĠT IRJUS IFISSRU L-EĠITTU U L-ASSIRJA
7. L-ewwel ras x’tirrappreżenta, u għala?
7 L-ewwel ras tal-bhima tirrappreżenta lill-Eġittu. Għala? Għax l-Eġittu kien l-ewwel qawwa dinjija li wera għadwa lejn il-poplu t’Alla. Id-dixxendenti t’Abraham—li minnhom kellu jiġi n-nisel imwiegħed tal-mara—kotru fl-Eġittu. Imbagħad, l-Eġittu ħaqar lil Iżrael. Satana pprova jġib lill-poplu t’Alla fix-xejn qabel ma setaʼ jasal in-nisel. Kif? Billi qanqal lill-Fargħun biex joqtol lit-tfal subien Iżraelin kollha. Imma Ġeħova ma ħalliex dan jiġri lil niesu u ħelishom mill-Eġittu. (Eżo. 1:15-20; 14:13) Iktar tard, lill-Iżraelin tahom l-Art Imwiegħda.
8. (a) X’inhi l-identità tat-tieni ras? (b) Din xi pprovat tagħmel?
8 It-tieni ras tal-bhima tirrappreżenta lill-Assirja. Din is-saltna setgħana wkoll ipprovat telimina lill-poplu t’Alla. Huwa minnu li Ġeħova uża l-Assirja biex jikkastiga lis-saltna b’għaxar tribujiet minħabba l-idolatrija u r-ribelljoni tagħhom. Madankollu, l-Assirja mbagħad attakkat lil Ġerusalemm. Forsi Satana ried jeqred lill-familja taʼ slaten f’Ġerusalemm għax Ġesù kellu jiġi minn din il-familja. Dan l-attakk ma kienx parti mill-iskop taʼ Ġeħova, u b’mod mirakoluż ħeles lill-poplu leali tiegħu billi qered lill-armata Assirjana.—2 Slat. 19:32-35; Is. 10:5, 6, 12-15.
IT-TIELET RAS TFISSER BABILONJA
9, 10. (a) Ġeħova x’ħalliehom jagħmlu lill-Babiloniżi? (b) Sabiex titwettaq il-profezija, x’kellu jiġri?
9 It-tielet ras tal-bhima li ra Ġwanni tirrappreżenta lis-saltna li Babilonja kienet il-belt kapitali tagħha. Ġeħova ħalla lill-Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u jieħdu lill-poplu tiegħu fil-jasar. Iżda qabel ma ppermetta din l-umiljazzjoni, Ġeħova wissa lill-Iżraelin ribellużi li kienu se jintlaqtu minn traġedja bħal din. (2 Slat. 20:16-18) Ġeħova qal ukoll lill-Iżraelin li ma kienx se jibqaʼ jħalli lis-slaten tagħhom joqogħdu fuq “it-tron” tiegħu f’Ġerusalemm. (1 Kron. 29:23) Madankollu, Ġeħova wiegħed li dixxendent tas-Sultan David, wieħed li kellu “d-dritt legali,” kien se jmur u jieħu lura din l-awtorità.—Eżek. 21:25-27.
10 Profezija oħra indikat li l-Lhud kienu se jkunu għadhom qed iqimu fit-tempju f’Ġerusalemm meta jasal il-Messija mwiegħed, jew il-Midluk. (Dan. 9:24-27) U qabel ma l-Iżraelin kienu priġunieri f’Babilonja, profezija oħra qalet li l-Messija kien se jitwieled f’Betlehem. (Mik. 5:2) Biex dawn il-profeziji jitwettqu, il-Lhud kellhom jinħelsu mill-jasar, imorru lura art twelidhom, u jerġgħu jibnu t-tempju. Imma ma kinitx id-drawwa tal-Babiloniżi li jeħilsu lill-priġunieri tagħhom. Kif kienet se tingħeleb din l-isfida? Ġeħova rrivela t-tweġiba lill-profeti tiegħu.—Għam. 3:7.
11. L-Imperu Babiloniż hu rappreżentat b’liema modi differenti? (Ara n-nota taʼ taħt.)
11 Il-profeta Danjel kien fost il-priġunieri li ttieħdu Babilonja. (Dan. 1:1-6) Ġeħova rrivela lil Danjel li wara Babilonja kien se jkun hemm qawwiet dinjin oħrajn li kellhom jiġu waħda wara l-oħra. Ġeħova għarraf dawn is-sigrieti billi uża għadd taʼ simboli differenti. Pereżempju, lis-Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja tah ħolma dwar xbieha enormi li kienet magħmula minn metalli differenti. (Aqra Danjel 2:1, 19, 31-38.) Permezz taʼ Danjel, Ġeħova rrivela li r-ras tad-deheb tax-xbieha ssimbolizzat l-Imperu Babiloniż.b Il-qawwa dinjija wara Babilonja hi rappreżentata mis-sider u d-dirgħajn tal-fidda. X’kienet se tkun din il-qawwa, u kif kienet se tittratta lill-poplu t’Alla?
IR-RABAʼ RAS TFISSER IL-MEDO-PERSJA
12, 13. (a) Ġeħova xi rrivela dwar il-qawwa dinjija li kienet se tegħleb lil Babilonja? (b) Il-Medo-Persja għala b’mod xieraq hi rappreżentata mir-rabaʼ ras tal-bhima salvaġġa?
12 Iktar minn seklu qabel żmien Danjel, permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova rrivela dettalji dwar il-qawwa dinjija li kienet se tegħleb lil Babilonja. Ġeħova ma għarrafx biss b’liema mod kienet se tintrebaħ il-belt taʼ Babilonja imma wkoll ta l-isem taʼ min kien se jegħlibha. Dan il-mexxej kien Ċiru l-Persjan. (Is. 44:28–45:2) Danjel ingħata żewġ viżjonijiet oħrajn dwar il-Qawwa Dinjija Medo-Persjana. F’waħda minnhom, is-saltna kienet deskritta bħal ors li fuq ġenb wieħed kien merfugħ ’il fuq. Intqallu biex ‘jiekol ħafna laħam.’ (Dan. 7:5) F’viżjoni oħra, Danjel ra lil din il-qawwa dinjija simbolizzata minn muntun b’żewġt iqrun.—Dan. 8:3, 20.
13 Ġeħova uża l-Medo-Persja biex tegħleb lil Babilonja u tħalli lill-Iżraelin imorru lura f’arthom, eżatt bħalma kien bassar. (2 Kron. 36:22, 23) Imma iktar tard, il-Medo-Persja pprovat teqred lill-poplu t’Alla. Fil-ktieb Bibliku t’Ester naqraw li Ħaman, uffiċjal importanti ferm tal-Persja, ried joqtol lil-Lhud kollha li kienu jgħixu f’din is-saltna kbira. Ħaman qal lin-nies madwar l-imperu kollu biex joqtlu lil-Lhud kollha f’ġurnata magħżula minnu. Madankollu, Ġeħova għal darb’oħra pproteġa lill-poplu tiegħu mill-mibegħda tan-nisel taʼ Satana. (Est. 1:1-3; 3:8, 9; 8:3, 9-14) Għalhekk, il-Medo-Persja b’mod xieraq hi rappreżentata mir-rabaʼ ras tal-bhima tar-Rivelazzjoni.
IL-ĦAMES RAS TFISSER IL-GREĊJA
14, 15. Ġeħova liema dettalji jirrivela dwar l-Imperu Grieg tal-qedem?
14 Il-ħames ras tal-bhima salvaġġa tar-Rivelazzjoni tirrappreżenta lill-Greċja. Bħalma kien irrivela Danjel iktar qabel meta interpreta l-ħolma taʼ Nebukadnessar, din l-istess qawwa hi simbolizzata miż-żaqq u l-koxxtejn tar-ram aħmar tax-xbieha. Danjel ingħata wkoll żewġ viżjonijiet li jipprovdu dettalji tal-għaġeb kemm dwar is-saltna tal-Greċja kif ukoll dwar l-akbar ħakkiem tagħha.
15 F’viżjoni minnhom, Danjel ra lill-Greċja rappreżentata minn leopard b’erbaʼ ġwienaħ, u dan indika li dan l-imperu kien se jegħleb nazzjonijiet oħrajn malajr ħafna. (Dan. 7:6) F’viżjoni oħra, Danjel iddeskriva kif bodbod b’qarn wieħed prominenti malajr joqtol muntun b’żewġt iqrun, il-Medo-Persja. Ġeħova qal lil Danjel li l-bodbod irrappreżenta lill-Greċja u l-qarn il-kbir irrappreżenta wieħed mis-slaten tagħha. Danjel kiteb ukoll li l-qarn il-kbir kien se jinkiser u erbat iqrun iżgħar kienu se jikbru floku. Avolja din il-profezija nkitbet mijiet taʼ snin qabel ma l-Greċja saret dominanti, kull dettall seħħ. Alessandru l-Kbir, l-iktar sultan prominenti tal-Greċja tal-qedem, mexxa lill-armata Griega kontra l-Medo-Persja. Però, dan il-qarn ma damx ma nkiser għax fl-età taʼ 32 sena biss is-sultan kbir miet fl-aqwa tal-poter tiegħu. Imbagħad, is-saltna tiegħu eventwalment inqasmet bejn erbgħa mill-ġenerali tiegħu.—Aqra Danjel 8:20-22.
16. X’għamel Antijoku IV?
16 Wara li għelbet lill-Persja, il-Greċja ħakmet fuq Iżrael. Sadanittant, il-Lhud kienu reġgħu ssetiljaw fl-Art Imwiegħda u kienu reġgħu bnew it-tempju f’Ġerusalemm. Kienu għadhom il-poplu magħżul t’Alla, u t-tempju mibni mill-ġdid kien għadu ċ-ċentru għall-qima vera. Madankollu, fit-tieni seklu Q.E.K., il-Greċja, il-ħames ras tal-bhima salvaġġa, attakkat lill-poplu t’Alla. Antijoku IV, wieħed mill-werrieta tal-imperu maqsum t’Alessandru, poġġa artal pagan fit-tempju f’Ġerusalemm u qal li dawk li pprattikaw ir-reliġjon tal-Lhud kellhom jiġu kastigati bil-mewt. X’att taʼ mibegħda minn parti min-nisel taʼ Satana! Iżda qawwa dinjija oħra ma damitx ma ħadet post il-Greċja. X’kien se jkun is-sitt ras tal-bhima salvaġġa?
IS-SITT RAS TFISSER RUMA, LI KIENET “TAL-BIŻAʼ U TERRIBBLI”
17. Is-sitt ras kellha liema rwol importanti fit-twettiq taʼ Ġenesi 3:15?
17 Ruma kienet il-qawwa dinjija meta Ġwanni ngħata l-viżjoni tal-bhima salvaġġa. (Riv. 17:10) Din is-sitt ras kellha rwol importanti fit-twettiq tal-profezija mniżżla f’Ġenesi 3:15. Satana uża uffiċjali Rumani biex jisħqu lin-nisel fl-‘għarqub.’ Ir-Rumani ttrattaw lil Ġesù bħala ribell li ġġieled kontra l-gvern tagħhom, iġġudikawh, u qatluh. (Mt. 27:26) Imma din il-ferita ma damitx ma fieqet għax Ġeħova qajjem lil Ġesù mill-mewt.
18. (a) Ġeħova għażel liema ġens ġdid, u għala? (b) In-nisel tas-serp kif baqaʼ juri mibegħda lejn in-nisel tal-mara?
18 Il-mexxejja reliġjużi t’Iżrael ikkonfoffaw maʼ Ruma kontra Ġesù, u l-biċċa l-kbira mill-ġens ukoll ċaħduh. B’hekk, Ġeħova ċaħad lil Iżrael naturali milli jkun il-poplu tiegħu. (Mt. 23:38; Atti 2:22, 23) Issa hu għażel ġens ġdid, “l-Israel t’Alla.” (Gal. 3:26-29; 6:16) Dan il-ġens kien il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin magħmula kemm minn Lhud kif ukoll minn Ġentili. (Efes. 2:11-18) Wara l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù, in-nisel tas-serp baqaʼ juri mibegħda lejn in-nisel tal-mara. Iktar minn darba, Ruma pprovat iġġibha fix-xejn lill-kongregazzjoni Kristjana, il-parti sekondarja tan-nisel.c
19. (a) Danjel kif jiddeskrivi s-sitt qawwa dinjija? (b) L-artiklu f’paġna 14 se jwieġeb liema mistoqsijiet?
19 Fil-ħolma li Danjel interpreta għal Nebukadnessar, Ruma hi rappreżentata mir-riġlejn tal-ħadid. (Dan. 2:33) Danjel ra wkoll viżjoni li tiddeskrivi tajjeb mhux biss l-Imperu Ruman imma wkoll il-qawwa dinjija li jmiss li kienet se toħroġ minn Ruma. (Aqra Danjel 7:7, 8.) Għal mijiet taʼ snin, Ruma kienet bħal bhima “tal-biżaʼ u terribbli u b’saħħitha iktar mis-soltu.” Madankollu, il-profezija bassret li “għaxart iqrun” kienu se jikbru minn dan l-imperu u wieħed b’mod partikulari kien se jikseb prominenza. X’inhuma dawn l-għaxart iqrun, u x’inhi l-identità tal-qarn żgħir? Il-qarn żgħir b’liema mod jaqbel mad-deskrizzjoni tax-xbieha enormi li ra Nebukadnessar? L-artiklu f’paġna 14 se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Noti ta’ taħt]
a Din il-mara tfisser il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova fis-sema li huma bħal mara għalih.—Is. 54:1; Gal. 4:26; Riv. 12:1, 2.
b Ir-ras tax-xbieha fil-ktieb taʼ Danjel u t-tielet ras tal-bhima salvaġġa fir-Rivelazzjoni t-tnejn ifissru Babilonja. Ara t-tabella f’paġni 12-13.
c Sakemm Ruma qerdet lil Ġerusalemm fis-sena 70 E.K., Iżrael ma kienx għadu l-ġens magħżul t’Alla. Għaldaqstant, il-qerda taʼ Ġerusalemm ma kinitx attakk fuq in-nisel tal-mara u ma kinitx qed twettaq Ġenesi 3:15.
-
-
Ġeħova Jirrivela “Dak li Jrid Iseħħ Dalwaqt”It-Torri tal-Għassa—2012 | Ġunju 15
-
-
Ġeħova Jirrivela “Dak li Jrid Iseħħ Dalwaqt”
“Rivelazzjoni minn Ġesù Kristu, li tahielu Alla, biex juri lill-ilsiera tiegħu dak li jrid iseħħ dalwaqt.”—RIV. 1:1.
INT KIF TWIEĠEB?
Liema partijiet tax-xbieha enormi jissimbolizzaw il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana?
Liema parti mill-viżjoni taʼ Ġwanni turi li l-Ġnus Magħquda tikseb il-poter tagħha mill-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana?
Danjel u Ġwanni kif juru li l-gvernijiet kollha tad-dinja se jinqerdu?
1, 2. (a) X’nistgħu nifhmu meta nqabblu l-profeziji taʼ Danjel u Ġwanni? (b) L-ewwel sitt irjus tal-bhima salvaġġa x’jirrappreżentaw?
META nqabblu l-profeziji taʼ Danjel u Ġwanni, nifhmu ħafna affarijiet li qed iseħħu fid-dinja llum u dak li se jseħħ fil-futur. X’nistgħu nitgħallmu mill-viżjoni taʼ Ġwanni tal-bhima salvaġġa b’sebat irjus, mill-viżjoni taʼ Danjel tal-bhima b’għaxart iqrun, u minn dak li qal Danjel dwar ix-xbieha enormi fil-ħolma taʼ Nebukadnessar? U dawn il-profeziji x’għandhom iqanqluna nagħmlu?
2 Ejja nikkunsidraw il-viżjoni taʼ Ġwanni tal-bhima salvaġġa. (Riv., kap. 13) Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, l-ewwel sitt irjus tal-bhima jirrappreżentaw lill-Eġittu, l-Assirja, Babilonja, il-Medo-Persja, il-Greċja, u Ruma. Dawn kollha wrew mibegħda lejn in-nisel tal-mara. (Ġen. 3:15) Meta Ġwanni kiteb dwar il-viżjoni tiegħu, Ruma kienet il-qawwa dinjija. Din baqgħet b’saħħitha għal mijiet taʼ snin wara dan. Maż-żmien, is-sebaʼ ras kienet se tieħu post Ruma. Liema qawwa dinjija politika kienet din, u kif kienet se tittratta lin-nisel tal-mara?
IL-BRITANNJA U L-ISTATI UNITI JIKSBU L-POTER
3. (a) Il-bhima tal-biżaʼ b’għaxart iqrun x’tirrappreżenta? (b) Xi jfissru l-għaxart iqrun?
3 Nistgħu nidentifikaw is-sebaʼ ras tal-bhima salvaġġa taʼ Rivelazzjoni kapitlu 13 billi nqabblu l-viżjoni taʼ Ġwanni mal-viżjoni taʼ Danjel tal-bhima tal-biżaʼ b’għaxart iqrun.a (Aqra Danjel 7:7, 8, 23, 24.) Il-bhima li ra Danjel irrappreżentat lill-Qawwa Dinjija Rumana. (Ara t-tabella f’paġni 12-13.) Fil-ħames seklu, l-Imperu Ruman beda jinqasam f’saltniet iżgħar. L-għaxart iqrun tal-bhima li ra Danjel ifissru s-saltniet li ħarġu mill-Imperu Ruman.
4, 5. (a) Il-qarn żgħir x’għamel? (b) X’inhi l-identità tas-sebaʼ ras tal-bhima salvaġġa?
4 Fil-profezija taʼ Danjel tal-bhima b’għaxart iqrun, qarn ieħor, wieħed żgħir, jitlaʼ u jieħu post tlieta mill-għaxart iqrun. Dan kif seħħ? Il-Britannja kienet parti żgħira mill-Imperu Ruman, imma iktar tard saret saltna. Spanja, l-Olanda, u Franza kienu wkoll parti mill-Imperu Ruman. Sas-seklu 17, dawn kienu saltniet ħafna iktar importanti milli kienet il-Britannja. Imma l-Britannja ġġieldet kontrihom wieħed wieħed u saret iktar importanti minnhom. Matul is-seklu 18, il-Britannja kienet qed issir l-iktar saltna setgħana fid-dinja. Imma ma kinitx għadha saret is-sebaʼ ras tal-bhima salvaġġa.
5 Għalkemm il-Britannja saret l-iktar saltna setgħana, il-kolonji tagħha fl-Amerika taʼ Fuq irribellaw u saru l-Istati Uniti. Il-Britannja ma waqqfitx lill-Istati Uniti milli ssir pajjiż b’saħħtu u saħansitra pproteġietha bil-flotta Britannika (British Navy). Fl-1914, meta beda jum il-Mulej, il-Britannja kienet l-akbar imperu li qatt eżista u l-Istati Uniti kellha l-iktar industriji b’saħħithom fid-dinja.b Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Istati Uniti żviluppat sħubija speċjali mal-Britannja. Is-sebaʼ ras tal-bhima issa kienet ħarġet bħala l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Din ir-ras kif ittrattat lin-nisel tal-mara?
6. Is-sebaʼ ras kif ittrattat lill-poplu t’Alla?
6 Ftit wara l-bidu taʼ jum il-Mulej, is-sebaʼ ras fetħet attakk fuq il-poplu t’Alla—dawk minn ħut Kristu li kienu għadhom fuq l-art. (Mt. 25:40) Ġesù indika li matul il-preżenza tiegħu, fdal tan-nisel kien se jkun attiv fuq l-art. (Mt. 24:45-47; Gal. 3:26-29) Il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana ggwerrat kontra dawn il-qaddisin. (Riv. 13:3, 7) Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, din ippersegwitat lill-poplu t’Alla, ipprojbiet ftit mill-pubblikazzjonijiet tagħhom, u tefgħet lil rappreżentanti tal-klassi tal-ilsir leali l-ħabs. Dan kważi waqqaf, jew qatel, ix-xogħol tal-ippritkar tagħhom. F’viżjoni, Ġeħova qal lil Ġwanni li dan kien se jiġri. Imma Alla qallu wkoll li dawn il-qaddisin li kienu parti min-nisel tal-mara kienu se jerġgħu jibdew ix-xogħol tal-ippritkar, jew jerġgħu jieħdu l-ħajja. (Riv. 11:3, 7-11) L-istorja tal-qaddejja taʼ Ġeħova fi żmienna tikkonferma li dawn il-ġrajjiet seħħew.
IL-QAWWA DINJIJA ANGLO-AMERIKANA U S-SAQAJN TAL-ĦADID U T-TAFAL
7. X’inhi r-relazzjoni bejn is-sebaʼ ras tal-bhima salvaġġa u x-xbieha enormi?
7 X’inhi r-relazzjoni bejn is-sebaʼ ras tal-bhima salvaġġa u x-xbieha enormi? Il-Britannja ħarġet mill-Imperu Ruman. U peress li l-Istati Uniti ħarġet mill-Britannja, nistgħu ngħidu li, b’mod indirett, l-Istati Uniti wkoll ħarġet minn Ruma. Iżda xi ngħidu dwar is-saqajn tax-xbieha? Huma deskritti bħala taħlita taʼ ħadid u tafal. (Aqra Danjel 2:41-43.) Din id-deskrizzjoni tas-saqajn qed titkellem dwar l-istess ġrajja taʼ meta tidher is-sebaʼ ras tal-bhima salvaġġa. Dan hu ż-żmien meta kellha tqum il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Sewwasew bħalma xi ħaġa magħmula mill-ħadid imħallat bit-tafal hi iktar dgħajfa minn xi ħaġa magħmula minn ħadid waħdu, il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana hi iktar dgħajfa mill-qawwa li ħarġet minnha. X’għamel lill-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana iktar dgħajfa?
8, 9. (a) Is-sebaʼ qawwa dinjija kif uriet qawwa bħall-ħadid? (b) Xi jfisser it-tafal fis-saqajn tax-xbieha?
8 Xi drabi, is-sebaʼ ras tal-bhima wriet karatteristiki bħall-ħadid. Pereżempju, tat prova tal-qawwa tagħha billi rebħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-qawwa tas-sebaʼ ras li kienet bħall-ħadid kienet evidenti wkoll.c Wara din il-gwerra, is-sebaʼ ras kultant xorta wriet karatteristiki bħall-ħadid. Madankollu, minn kmieni, dan il-ħadid tħallat mat-tafal.
9 Għal żmien twil, il-qaddejja taʼ Ġeħova riedu jifhmu xi jfissru s-saqajn tax-xbieha. Danjel 2:41 juri li s-saqajn magħmulin mill-ħadid imħallat bit-tafal huma “saltna” waħda, mhux ħafna. Allura nistgħu nifhmu li t-tafal ifisser li xi ħaġa fil-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana tagħmilha iktar dgħajfa mill-Imperu Ruman, li kien deskritt bħala riġlejn magħmulin minn ħadid waħdu. Il-profezija taʼ Danjel tgħid li t-tafal ifisser “ulied il-bnedmin,” jew in-nies komuni. (Dan. 2:43) In-nies dgħajfu l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana meta ġġieldu għal drittijiet ċivili, biex ikollhom iktar drittijiet fuq il-post tax-xogħol, u saħansitra biex isiru nazzjonijiet indipendenti. In-nies komuni jagħmluha diffiċli għal din il-qawwa dinjija biex tkun b’saħħitha bħall-ħadid. In-nies għandhom ideat politiċi differenti. U meta xi mexxej jirbaħ elezzjoni bi ftit voti biss, ma jkollux biżżejjed awtorità biex iwettaq dak li jkun wiegħed. Danjel qal: “Is-saltna għad tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa.”—Dan. 2:42; 2 Tim. 3:1-3.
10, 11. (a) X’se jiġri lis-“saqajn” tax-xbieha? (b) X’nistgħu nikkonkludu dwar in-numru taʼ swabaʼ tas-saqajn?
10 Fi żmienna, il-Britannja u l-Istati Uniti għad għandhom sħubija speċjali. Spiss jikkooperaw maʼ xulxin fi kwistjonijiet importanti. Fil-profezija dwar ix-xbieha enormi, is-saqajn huma l-aħħar parti tax-xbieha. Fil-profezija dwar il-bhima salvaġġa, is-sebaʼ ras hi l-aħħar ras. Dan ifisser li l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana mhix se tiġi sostitwita minn qawwa dinjija oħra. U avolja mhix b’saħħitha daqs Ruma, ir-riġlejn tal-ħadid, mhix se tintemm waħedha.
11 Għandu xi tifsir speċjali n-numru taʼ swabaʼ tas-saqajn tax-xbieha? Ikkunsidra dan: F’viżjonijiet oħrajn, Danjel isemmi numri speċifiċi—pereżempju, in-numru taʼ qrun fuq l-irjus taʼ diversi bhejjem. Dawn in-numri huma sinifikanti. Madankollu, meta Danjel jiddeskrivi x-xbieha, ma jsemmix in-numru taʼ swabaʼ tas-saqajn. Għalhekk, jidher li n-numru taʼ swabaʼ tas-saqajn mhuwiex importanti, sewwasew bħalma mhuwiex importanti n-numru taʼ dirgħajn, idejn, swabaʼ tal-id, riġlejn, jew saqajn tax-xbieha. Danjel isemmi speċifikament li s-swabaʼ tas-saqajn kienu se jkunu magħmulin mill-ħadid u t-tafal. Mid-deskrizzjoni tiegħu, aħna nistgħu nikkonkludu li l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana se tkun il-qawwa dinjija meta l-“ġebla,” li tfisser is-Saltna t’Alla, tolqot saqajn ix-xbieha.—Dan. 2:45.
L-ANGLO-AMERIKA U L-BHIMA SALVAĠĠA B’ŻEWĠT IQRUN
12, 13. X’tirrappreżenta l-bhima salvaġġa b’żewġt iqrun, u x’tagħmel?
12 Għalkemm il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana hi taħlita taʼ ħadid u tafal, il-viżjonijiet li Ġesù ta lil Ġwanni juru li din il-qawwa kien se jkompli jkollha rwol fundamentali matul l-aħħar jiem. B’liema mod? Ġwanni ra viżjoni taʼ bhima salvaġġa b’żewġt iqrun li tkellmet bħal dragun. X’tirrappreżenta din il-bhima stramba? Il-fatt li għandha żewġt iqrun ifisser li hi żewġ gvernijiet imseħbin. Din il-bhima tfisser ukoll il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana, imma issa tagħmel xi ħaġa speċjali.—Aqra Rivelazzjoni 13:11-15.
13 Din il-bhima salvaġġa “tgħid” lin-nies biex jagħmlu xbieha tal-bhima salvaġġa b’sebat irjus. Ġwanni kiteb li x-xbieha tal-bhima kienet se tidher, tgħib, u mbagħad terġaʼ tqum. Dan hu eżattament dak li ġara lil organizzazzjoni appoġġata mill-Britannja u l-Istati Uniti, waħda li suppost kienet se tgħaqqad u tirrappreżenta lis-saltniet tad-dinja.d Din l-organizzazzjoni dehret wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u kienet magħrufa bħala l-Lega tan-Nazzjonijiet. Din sparixxiet meta bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija. Matul din il-gwerra, il-poplu t’Alla ddikjara li skont il-profezija fir-Rivelazzjoni, ix-xbieha tal-bhima salvaġġa kienet se terġaʼ tqum. U hekk għamlet—bħala l-Ġnus Magħquda.—Riv. 17:8.
14. Ix-xbieha tal-bhima salvaġġa f’liema sens hi t-“tmien” sultan?
14 Ġwanni ddeskriva x-xbieha tal-bhima bħala t-“tmien” sultan. F’liema sens? Mhijiex deskritta bħala t-tmien ras tal-bhima salvaġġa oriġinali. Hija biss xbieha taʼ dik il-bhima. Il-qawwa taʼ din ix-xbieha tiġi min-nazzjonijiet li huma membri tal-Ġnus Magħquda, speċjalment mill-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. (Riv. 17:10, 11) Imma tingħata awtorità biex taġixxi bħal sultan ħalli twettaq inkarigu speċifiku, wieħed li jagħti bidu għal sensiela taʼ ġrajjiet li se jeffettwaw lid-dinja kollha.
IX-XBIEHA TAL-BHIMA TEQRED LILL-PROSTITUTA
15, 16. (a) X’tissimbolizza l-prostituta? (b) X’qed jiġrilha r-reliġjon illum?
15 Ġwanni ddeskriva wkoll prostituta riekba fuq bhima salvaġġa lewn l-iskarlat. Din il-bhima hi l-istess bħax-xbieha tal-bhima salvaġġa b’sebat irjus. Il-prostituta jisimha “Babilonja l-Kbira.” (Riv. 17:1-6) Din il-prostituta b’mod xieraq tirrappreżenta lir-reliġjon falza kollha, u fuq quddiem nett hemm il-knejjes tal-Kristjaneżmu. Ir-reliġjonijiet foloz appoġġaw pubblikament lix-xbieha tal-bhima, jiġifieri, il-Lega tan-Nazzjonijiet u l-Ġnus Magħquda, u pprovaw jidderieġu lil dawn l-organizzazzjonijiet.
16 Madankollu, matul jum il-Mulej, Babilonja l-Kbira rat l-ilmijiet, in-nies li jappoġġawha, jinxfu b’mod drammatiku. (Riv. 16:12; 17:15) Pereżempju, l-ewwel darba li dehret ix-xbieha tal-bhima, il-knejjes tal-Kristjaneżmu—parti minn Babilonja l-Kbira li għandha influwenza qawwija—kellhom ħafna poter fil-biċċa l-kbira mill-pajjiżi tal-Punent. Illum, il-knejjes u l-ministri tagħhom tilfu r-rispett u l-appoġġ taʼ bosta nies. Ħafna saħansitra jemmnu li r-reliġjon hi l-kaġun tal-problemi fid-dinja. Oħrajn jgħidu bil-miftuħ li d-dinja għandha teħles mir-reliġjonijiet kollha.
17. (a) Ir-reliġjon falza x’se jiġrilha dalwaqt? (b) Dan għala se jiġri?
17 Ir-reliġjon falza mhix se titlef il-poter tagħha bil-mod il-mod u mbagħad tgħib. Il-prostituta se jibqaʼ jkollha l-qawwa u tipprova ġġiegħel lis-slaten jagħmlu dak li trid hi. Imma Alla dalwaqt se ‘jdaħħlilhom fi qlubhom li jwettqu l-ħsieb tiegħu.’ (Aqra Rivelazzjoni 17:16, 17.) Ġeħova se jġiegħel lill-gvernijiet tas-sistema taʼ Satana, rappreżentati mill-Ġnus Magħquda, biex jattakkaw lir-reliġjon falza. Il-prostituta mhix se jirnexxilha tkompli tikkontrolla lil dawn il-gvernijiet, u se titlef l-għana kollu tagħha. Għoxrin jew tletin sena ilu, il-biċċa l-kbira min-nies kienu jaħsbu li r-reliġjon dejjem se tkun rispettata u b’saħħitha. Issa dan qed jibda jinbidel. Imma l-prostituta mhux se titlef il-poter tagħha bil-mod il-mod. Se tinqered f’daqqa waħda.—Riv. 18:7, 8, 15-19.
IL-BHEJJEM JINQERDU
18. (a) X’se tagħmel il-bhima salvaġġa, u b’liema riżultat? (b) Danjel 2:44 jirreferi għas-Saltna t’Alla bħala li teqred liema saltniet? (Ara l-kaxxa f’paġna 17.)
18 Wara li tinqered ir-reliġjon falza, il-bhima salvaġġa, il-gvernijiet taʼ Satana fuq l-art, se tattakka lis-Saltna t’Alla. Is-slaten tal-art mhux se jkunu jistgħu jattakkaw lis-Saltna t’Alla fis-sema, u allura se jipprovaw jiġġieldu kontra dawk fuq l-art li jappoġġawha. Dan jirriżulta f’battalja finali m’Alla. (Riv. 16:13-16; 17:12-14) Danjel jiddeskrivi aspett wieħed minn din il-battalja finali. (Aqra Danjel 2:44.) Il-bhima salvaġġa msemmija f’Rivelazzjoni 13:1, ix-xbieha tagħha, u l-bhima salvaġġa b’żewġt iqrun se jinqerdu.
19. Liema fiduċja jistaʼ jkollna, u x’għandna nagħmlu issa?
19 Aħna qed ngħixu fi żmien is-sebaʼ ras. Mhux se jidhru iktar irjus fuq din il-bhima qabel ma tinqered. Il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana se tkun għadha l-qawwa dinjija meta tinqered ir-reliġjon falza. Il-profeziji taʼ Danjel u Ġwanni twettqu sal-iċken dettall. Nistgħu nkunu fiduċjużi li l-qerda tar-reliġjon falza u l-battalja t’Armageddon dalwaqt se jseħħu. Alla rrivela dawn id-dettalji bil-quddiem. Se nagħtu kashom aħna t-twissijiet profetiċi? (2 Pt. 1:19) Issa huwa ż-żmien li nieħdu waqfa fuq in-naħa taʼ Ġeħova u li nappoġġaw lis-Saltna tiegħu.—Riv. 14:6, 7.
[Noti ta’ taħt]
a Fil-Bibbja, in-numru għaxra spiss jissimbolizza grupp sħiħ—f’dan il-każ, is-saltniet kollha li ħarġu mill-Imperu Ruman.
b Kemm l-Imperu Britanniku kif ukoll l-Istati Uniti eżistew mis-seklu 18 ’il quddiem. Imma l-viżjoni li ra Ġwanni turi li fil-bidu taʼ jum il-Mulej, huma kienu se jkunu qawwa dinjija waħda. Il-viżjonijiet fir-Rivelazzjoni kienu profeziji dwar “jum il-Mulej.” (Riv. 1:10) Kien matul l-Ewwel Gwerra Dinjija li l-Britannja u l-Istati Uniti bdew jaħdmu flimkien bħala qawwa dinjija waħda.
c Sewwasew bħalma bassar Danjel, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana kkaġunat rovina kbira. (Dan. 8:24) Pereżempju, l-Istati Uniti tefgħet żewġ bombi atomiċi fuq għadu tal-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Dawn il-bombi kkaġunaw rovina b’mod ġdid u terribbli.
d Ara l-ktieb Revelation—Its Grand Climax at Hand! paġni 240, 241, 253.
[Kaxxa f’paġna 17]
“DAWN IS-SALTNIET KOLLHA” LIL MIN JINKLUDU?
Il-profezija f’Danjel 2:44 tgħid li s-Saltna t’Alla “se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha.” Din il-profezija tirreferi biss għas-saltniet li huma parti mix-xbieha.
Xi ngħidu għall-gvernijiet umani l-oħrajn kollha? Il-profezija fir-Rivelazzjoni li hi dwar l-istess suġġett tgħidilna iktar. Turi li “s-slaten taʼ l-art abitata kollha” se jkunu miġburin kontra Ġeħova fil-“jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Riv. 16:14; 19:19-21) Għaldaqstant, mhux biss is-saltniet tax-xbieha imma wkoll il-gvernijiet umani l-oħrajn kollha se jinqerdu f’Armageddon.
-
-
Tmien Slaten Jiġu RivelatiIt-Torri tal-Għassa—2012 | Ġunju 15
-
-
Tmien Slaten Jiġu Rivelati
Il-profeziji fil-ktieb taʼ Danjel u fil-ktieb tar-Rivelazzjoni jirrivelaw informazzjoni dwar tmien slaten, jew ħakmiet umani, u l-ordni li dawn kienu se jidhru fih. Nistgħu nifhmu dawn il-profeziji jekk nifhmu l-ewwel profezija fil-Bibbja.
Matul l-istorja, Satana organizza lil nislu f’bosta gvernijiet, jew saltniet. (Lq. 4:5, 6) Uħud minn dawn il-gvernijiet iġġieldu direttament kontra l-poplu t’Alla, jiġifieri, kontra l-ġens t’Iżrael jew kontra l-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. Il-viżjonijiet taʼ Danjel u Ġwanni jiddeskrivu tmienja biss minn dawn il-gvernijiet setgħanin.
[Tabella/Stampi f’paġni 12, 13]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
PROFEZIJI PROFEZIJI
FIL-KTIEB TAʼ DANJEL FIL-KTIEB TAR-
RIVELAZZJONI
1. L-Eġittu
2. L-Assirja
3. Babilonja
4. Il-Medo-
Persja
5. Il-Greċja
6. Ruma
7. Il-Britannja u
l-Istati Uniti tal-Amerika*
8. Il-Lega tan-Nazzjonijiet
u l-Ġnus Magħqudaa
IL-POPLU T’ALLA
2000 Q.E.K.
Abraham
1500
Il-ġens t’Iżrael
1000
Danjel 500
Q.E.K./E.K.
Ġwanni
L-Iżrael t’Alla 500
1000
1500
2000 E.K.
[Nota ta’ taħt]
[Stampi]
Ix-xbieha enormi (Dan. 2:31-45)
Erbaʼ bhejjem telgħin mill-baħar (Dan. 7:3-8, 17, 25)
Il-muntun u l-bodbod (Dan., kap. 8)
Il-bhima salvaġġa b’sebat irjus (Riv. 13:1-10, 16-18)
Il-bhima b’żewġt iqrun tħeġġeġ lin-nies jagħmlu xbieha tal-bhima salvaġġa (Riv. 13:11-15)
[Sorsi]
Krettu għar-ritratti: Eġittu u Ruma: Photograph taken by courtesy of the British Museum; Il-Medo-Persja: Musée du Louvre, Paris
-