-
“Is-Sultan tat-Tramuntana” fi Żmien it-TmiemIt-Torri tal-Għassa (Studju)—2020 | Mejju
-
-
ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 19
“Is-Sultan tat-Tramuntana” fi Żmien it-Tmiem
“Fi żmien it-tmiem, is-sultan tan-nofsinhar jinvolvi ruħu f’konfront miegħu [is-sultan tat-tramuntana].”—DAN. 11:40.
GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek
ĦARSA BIL-QUDDIEMa
1. Il-profeziji tal-Bibbja, x’jgħinuna nkunu nafu?
IN-NIES taʼ Ġeħova, x’se jiġrilhom fil-futur qarib? It-tweġiba nistgħu nkunu nafuha. Il-profeziji tal-Bibbja jgħidulna affarijiet importanti li se jiġru dalwaqt u li se jaffettwaw lilna lkoll. Profezija partikolari tgħinna naraw x’se jagħmlu xi wħud mill-iktar gvernijiet b’saħħithom li hawn fuq l-art. Din il-profezija hi miktuba f’Danjel kapitlu 11. Din titkellem dwar żewġ slaten li se jiġġieldu kontra xulxin, u dawn is-slaten, jew mexxejja, huma msejħin is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar. Il-biċċa l-kbira taʼ din il-profezija diġà twettqet, għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li l-kumplament tagħha se jitwettaq ukoll.
2. Skont Ġenesi 3:15, Rivelazzjoni 11:7 u 12:17, liema affarijiet importanti għandna niftakru meta nistudjaw il-profezija taʼ Danjel?
2 Biex nifhmu l-profezija miktuba f’Danjel kapitlu 11, irridu niftakru li din titkellem biss dwar slaten li mexxew f’pajjiżi fejn ħafna min-nies t’Alla għexu jew dwar slaten li ppersegwitaw in-nies t’Alla. Minkejja li n-nies t’Alla huma vera ftit meta mqabblin man-nies tad-dinja kollha, għala l-mira taʼ dawn il-gvernijiet hi li jattakkaw lin-nies t’Alla? Għax il-mira prinċipali taʼ Satana u s-sistema kollha tiegħu hi li jeqirdu lil dawk li jaqdu lil Ġeħova u lil Ġesù. (Aqra Ġenesi 3:15 u Rivelazzjoni 11:7; 12:17.) Apparti minn hekk, il-profezija miktuba minn Danjel għandha taqbel maʼ profeziji oħra fil-Kelma t’Alla. Fil-fatt, aħna nistgħu nifhmu tajjeb il-profezija taʼ Danjel biss jekk inqabbluha maʼ partijiet oħra mill-Bibbja.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu u taʼ warajh?
3 B’dan f’moħħna, issa se neżaminaw Danjel 11:25-39. Se naraw min kienu s-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar mill-1870 sal-1991. U se naraw għala għandna raġunijiet tajba biex nibdlu l-mod kif nifhmu parti minn din il-profezija. Fl-artiklu li jmiss, aħna se niddiskutu Danjel 11:40 sa 12:1, u se nispjegaw aħjar x’tgħidilna din il-parti tal-profezija mill-1991 sal-gwerra taʼ Armageddon. Hekk kif tistudja dawn iż-żewġ artikli, se jkun t’għajnuna għalik jekk tuża ċ-ċart “Żewġ Slaten li Jiġġieldu Kontra Xulxin fi Żmien it-Tmiem.” Però, l-ewwel irridu nkunu nafu min huma ż-żewġ slaten f’din il-profezija.
KIF NISTGĦU NKUNU NAFU MIN HUMA Ż-ŻEWĠ SLATEN?
4. Liema tliet affarijiet se jgħinuna nkunu nafu min huma s-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar?
4 Oriġinarjament, it-titlu “sultan tat-tramuntana” kien jirreferi għall-mexxej tal-inħawi tat-tramuntana t’Iżrael u t-titlu “sultan tan-nofsinhar” kien jirreferi għall-mexxej tal-inħawi tan-nofsinhar t’Iżrael. Għala ngħidu dan? Innota x’qal l-anġlu lil Danjel: “U ġejt inġiegħlek tifhem x’se jiġrilu l-poplu tiegħek [il-poplu t’Alla] fl-aħħar parti tal-jiem.” (Dan. 10:14) Sa Pentekoste tas-sena 33 wara Kristu (WK), il-poplu t’Iżrael kien il-poplu t’Alla. Imma minn dakinhar ʼl hawn, Ġeħova għamilha ċara li d-dixxipli taʼ Kristu kienu n-nies tiegħu. Allura, il-biċċa l-kbira tal-profezija taʼ Danjel kapitlu 11 hi dwar id-dixxipli taʼ Kristu, u mhux dwar il-poplu t’Iżrael. (Atti 2:1-4; Rum. 9:6-8; Gal. 6:15, 16) U maż-żmien, mexxejja u gvernijiet differenti saru s-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar. Imma dawn il-mexxejja kellhom xi ħaġa komuni. L-ewwel, dawn is-slaten jew mexxew f’pajjiżi fejn ħafna min-nies t’Alla għexu jew inkella ppersegwitaw in-nies t’Alla. It-tieni, bil-mod kif trattaw lin-nies t’Alla, huma wrew li jobogħdu lill-Alla l-veru, Ġeħova. U t-tielet, iż-żewġ slaten, ikkompetew kontra xulxin għall-qawwa.
5. Bejn is-sena 100 u l-1870, kien hemm sultan tat-tramuntana u sultan tan-nofsinhar? Spjega.
5 Madwar 100 sena wara l-mewt taʼ Ġesù, żdiedu ħafna Kristjani foloz fil-kongregazzjoni Kristjana vera. Huma għallmu ideat reliġjużi foloz u ħbew veritajiet li hemm fil-Kelma t’Alla. Minn dak iż-żmien sal-1870, Alla ma kellux organizzazzjoni fuq l-art. Il-Kristjani foloz żdiedu bħal sikrana f’għalqa. Minħabba dan, kien sar diffiċli ħafna biex tkun taf min huma l-Kristjani veri. (Mt. 13:36-43) Għala huwa importanti li nkunu nafu dan? Għax dan juri li s-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar ma kinux s-slaten jew il-gvernijiet li mexxew bejn is-sena 100 u l-1870. Dan minħabba li ma kienx hemm organizzazzjoni t’Alla biex jippersegwitaw fuq l-art.b Però, kif nafu li ftit wara l-1870 kien possibbli li jerġaʼ jkun hemm sultan tat-tramuntana u sultan tan-nofsinhar?
6. In-nies t’Alla meta reġgħu bdew jingħaqdu bħala grupp? Spjega.
6 Mill-1870 ʼil quddiem, in-nies t’Alla bdew jingħaqdu bħala grupp. Kien f’dik is-sena li Charles T. Russell u sħabu fformaw klassi biex jistudjaw il-Bibbja. Ħuna Russell u sħabu aġixxew bħala l-messaġġier li ħejja t-triq qabel is-Saltna Messjanika kienet twaqqfet. (Mal. 3:1) Għal darba oħra kien hemm grupp organizzat li kien qed jaqdi lil Ġeħova b’mod tajjeb! Dak iż-żmien, kien hemm gvernijiet li mexxew fejn ħafna min-nies t’Alla għexu jew inkella ppersegwitawhom? Ejja naraw.
MIN HU S-SULTAN TAN-NOFSINHAR?
7. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, min kien is-sultan tan-nofsinhar?
7 Sal-1870, il-Brittanja mexxiet fuq ħafna pajjiżi iktar minn kull pajjiż ieħor u kellha l-iktar qawwa militari b’saħħitha fid-dinja. Il-profezija taʼ Danjel titkellem dwar qarn żgħir li ħa post tlett iqrun oħra. Il-qarn iż-żgħir jirrappreżenta lill-Brittanja u l-qrun l-oħrajn jirrappreżentaw lil Spanja, lil Franza, u lin-Netherlands. (Dan. 7:7, 8) Il-Brittanja kienet is-sultan tan-nofsinhar matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Matul l-istess żmien, l-Istati Uniti tal-Amerka kienet saret l-iktar pajjiż sinjur fid-dinja u bdiet taħdem mill-qrib mal-Brittanja.
8. Min kien is-sultan tan-nofsinhar matul l-aħħar jiem?
8 Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Istati Uniti u l-Brittanja ngħaqdu flimkien u saru b’saħħithom ħafna. F’dak iż-żmien, il-Brittanja u l-Istati Uniti saru l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Bħalma kien bassar Danjel, dan is-sultan kien ġabar “qawwa militari kbira u setgħana wisq.” (Dan. 11:25) Matul l-aħħar jiem, is-sultan tan-nofsinhar dejjem kien l-Anglo-Amerikan.c Imma min sar is-sultan tat-tramuntana?
MIN HU S-SULTAN TAT-TRAMUNTANA?
9. Meta kien hemm sultan ġdid tat-tramuntana, u l-kliem taʼ Danjel 11:25 kif twettaq?
9 Fl-1871, sena wara li Russell u sħabu fformaw grupp biex jistudjaw il-Bibbja, kien hemm sultan tat-tramuntana ġdid. Dik is-sena, Otto von Bismarck għaqqad diversi territorji flimkien u dawn saru nazzjon b’saħħtu, il-Ġermanja. Wilhelm I sar is-sultan tal-Ġermanja u kien għażel lil Bismarck biex ikun il-mexxej taʼ dan il-pajjiż.d Mas-snin, il-Ġermanja ħadet taħt idejha xi pajjiżi fl-Afrika u l-Oċean Paċifiku, u ppruvat issir iktar b’saħħitha mill-Brittanja. (Aqra Danjel 11:25.) Il-Ġermanja rnexxielha tibni qawwa militari b’saħħitha kważi daqs tal-Brittanja. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Ġermanja użat din il-qawwa militari biex tiġġieled kontra l-għedewwa tagħha.
10. Dak li hemm miktub f’Danjel 11:25b, 26, kif twettaq?
10 Danjel bassar ukoll x’kien se jiġri lill-gvern Ġermaniż u lill-qawwa militari li kellu. Il-profezija qalet li s-sultan tat-tramuntana “ma jżommx wieqaf.” Għala? “Għaliex huma jfasslu proġetti kontrih. U jkissruh dawk stess li jieklu l-ikel mill-aqwa tiegħu.” (Dan. 11:25b, 26a) Fi żmien Danjel, dawk li kienu jieklu “mill-ikel mill-aqwa tas-sultan” kien jinkludi lill-uffiċjali rjali li kienu jaqdu fil-palazz. (Dan. 1:5) Din il-profezija, għal min tirreferi hawn? Din tirreferi għan-nies taʼ poter fil-gvern Ġermaniż u uffiċjali militari li ħadmu mill-qrib mas-sultan. Minħabba dak li għamlu dawn in-nies taʼ poter, is-sultan tilef il-qawwa tiegħu u ġie ffurmat gvern ġdid fil-Ġermanja.e Il-profezija bassret ukoll x’kien se jkun ir-riżultat tal-gwerra mas-sultan tan-nofsinhar. Meta l-profezija semmiet is-sultan tat-tramuntana, din qalet: “Inkwantu għall-qawwa militari tiegħu, din tiġi mgħarrqa, u ħafna jaqgħu maqtulin.” (Dan. 11:26b) Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, kif kien ġie mbassar, l-armata Ġermaniża ġiet megħluba u ħafna nies ġew maqtula. Qatt qabel ma kienu mietu daqshekk nies fi gwerra.
11. X’għamlu s-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar?
11 Danjel 11:27, 28 jiddeskrivu l-affarijiet li ġraw qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija. Hemm jgħid li s-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar kienu se jkunu ‘fuq mejda waħda jgħidu l-gideb.’ Jgħid ukoll li s-sultan tat-tramuntana kien se jiġbor “ammont kbir taʼ ġid.” Dan hu eżatt dak li ġara. Il-Ġermanja u l-Brittanja qalu lil xulxin li riedu l-paċi, imma meta bdew jiġġieldu kontra xulxin fl-1914, deher ċar li kienet gidba. U sal-1914, il-Ġermanja kienet saret it-tieni l-iktar pajjiż sinjur fid-dinja. Imbagħad, biex jitwettaq Danjel 11:29 u l-ewwel parti taʼ vers 30, il-Ġermanja, jiġifieri s-sultan tat-tramuntana, iġġieldet mas-sultan tan-nofsinhar u tilfet telfa kbira.
IS-SLATEN JIĠĠIELDU KONTRA N-NIES T’ALLA
12. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, x’għamlu s-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar?
12 Mill-1914 ʼl hawn, iż-żewġ slaten komplew jiġġieldu kontra xulxin u l-iktar kontra n-nies t’Alla. Pereżempju, il-gvern Ġermaniż u l-gvern tal-Brittanja ppersegwitaw lill-qaddejja t’Alla għax dawn irrifjutaw li jiġġieldu fil-gwerer. U l-gvern tal-Istati Uniti, tefaʼ fil-ħabs lil dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar. Din il-persekuzzjoni wettqet il-profezija mniżżla f’Rivelazzjoni 11:7-10.
13. Wara l-1930 u matul it-Tieni Gwerra Dinjija, x’għamel is-sultan tat-tramuntana?
13 Imbagħad, wara l-1930 u speċjalment matul it-Tieni Gwerra Dinjija, is-sultan tat-tramuntana ppersegwita bl-aħrax lin-nies taʼ Ġeħova. Meta n-Nazisti ħadu l-kontroll tal-Ġermanja, Hitler u dawk li appoġġjawh ma ħallewx ix-xogħol tan-nies t’Alla jsir. Is-sultan tat-tramuntana qatel mijiet taʼ Xhieda u bagħat eluf oħrajn fil-kampijiet tal-konċentrament. Dawn il-ġrajjiet kienu mbassrin minn Danjel. Meta s-sultan tat-tramuntana ma ħalliex ix-xogħol tal-ippritkar isir, hu ‘pprofana s-santwarju’ u ‘neħħa s-sagrifiċċju offrut regolarment.’ (Dan. 11:30b, 31a) Hitler, il-mexxej tal-Ġermanja, wiegħed ukoll li kien se joqtol lin-nies t’Alla kollha li kien hemm fil-Ġermanja.
SULTAN ĠDID TAT-TRAMUNTANA
14. Min sar is-sultan tat-tramuntana wara t-Tieni Gwerra Dinjija? Spjega.
14 Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Unjoni Sovjetika saret is-sultan tat-tramuntana. Din bdiet tmexxi fuq territorji kbar li qabel kienu tal-Ġermanja. Bħal gvern Nazist, l-Unjoni Sovjetika ppersegwitat bl-aħrax lil dawk kollha li poġġew il-qima tal-Alla l-veru l-ewwel f’ħajjithom.
15. Wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, x’għamel is-sultan tat-tramuntana?
15 Ftit wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, is-sultan il-ġdid tat-tramuntana, l-Unjoni Sovjetika, attakka lin-nies t’Alla. Rivelazzjoni 12:15-17 tqabbel il-persekuzzjoni tan-nies t’Alla maʼ “xmara.” Fi qbil maʼ din il-profezija, is-sultan tat-tramuntana ma ħalliex ix-xogħol tal-ippritkar isir, u ġiegħel lil eluf taʼ Xhieda jmorru s-Siberja. Għalhekk, minn meta bdew l-aħħar jiem, is-sultan tat-tramuntana kompla jippersegwita lin-nies t’Alla, imma qatt ma rnexxielu jwaqqaf għalkollox ix-xogħol tagħhom.f
16. L-Unjoni Sovjetika kif wettqet Danjel 11:37-39?
16 Aqra Danjel 11:37-39. Is-sultan tat-tramuntana kif ma wera ebda konsiderazzjoni “lill-Alla taʼ missirijietu”? L-Unjoni Sovjetika riedet teqred ir-reliġjonijiet kollha, għalhekk pruvat tiħdilhom il-qawwa tagħhom. Biex il-gvern tal-Unjoni Sovjetika jilħaq din il-mira, fl-1918, kien diġà ordna biex l-iskejjel jgħallmu li Alla ma jeżistix. Is-sultan tat-tramuntana kif ta “glorja lill-alla tal-fortizzi”? L-Unjoni Sovjetika nefqet ammont kbir taʼ flus biex ikollha armata kbira u pproduċiet eluf taʼ armi nukleari biex tkompli ssir b’saħħitha. Kemm is-sultan tat-tramuntana u kemm is-sultan tan-nofsinhar kellhom biżżejjed armi biex joqtlu biljuni taʼ nies!
IŻ-ŻEWĠ SLATEN JAĦDMU FLIMKIEN
17. X’inhi “l-ħaġa moqżieża li qed iġġib ħerba”?
17 Is-sultan tat-tramuntana ħadem mas-sultan tan-nofsinhar biex jagħmlu xi ħaġa importanti. Huma ħadmu biex “ipoġġu f’postha l-ħaġa moqżieża li qed iġġib ħerba.” (Danjel 11:31) Din “il-ħaġa moqżieża” hija l-Ġnus Magħquda.
18. Il-Ġnus Magħquda għala hija deskritta bħala “l-ħaġa moqżieża”?
18 L-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda hija deskritta bħala “l-ħaġa moqżieża” għaliex hi tgħid li tistaʼ ġġib il-paċi fid-dinja, xi ħaġa li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ tagħmel. U l-profezija tgħid li l-ħaġa moqżieża “ġġib ħerba” minħabba li se tattakka u teqred ir-reliġjonijiet foloz kollha.—Ara ċ-ċart “Żewġ Slaten li Jiġġieldu Kontra Xulxin fi Żmien it-Tmiem.”
GĦALA GĦANDNA BŻONN DIN L-INFORMAZZJONI?
19-20. (a) Għala għandna bżonn inkunu nafu din l-informazzjoni? (b) Liema mistoqsija se nwieġbu fl-artiklu li jmiss?
19 Għandna bżonn din l-informazzjoni għax din tagħti prova li mill-1870 sal-1991, il-profezija taʼ Danjel dwar is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar twettqet. Għalhekk, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li l-kumplament tal-profezija se titwettaq ukoll.
20 Fl-1991, l-Unjoni Sovjetika waqgħet. Allura, min hu s-sultan tat-tramuntana llum? L-artiklu li jmiss se jwieġeb din il-mistoqsija.
GĦANJA 128 Nissaportu sat-tmiem
a Il-profezija taʼ Danjel dwar “is-sultan tat-tramuntana” u “s-sultan tan-nofsinhar” qed tkompli titwettaq. X’evidenza qed naraw? Kif nistgħu nkunu daqshekk ċerti? U għala għandna bżonn nifhmu d-dettalji taʼ din il-profezija?
b Għal din ir-raġuni, aħna mhux se nkomplu ngħidu li l-Imperatur Ruman Awreljanu (270-275 WK) kien “is-sultan tat-tramuntana” jew li s-Sultana Żenobja (267-272 WK) kienet “is-sultan tan-nofsinhar,” għax dak iż-żmien ma kienx hemm grupp taʼ nies li qdew lil Ġeħova b’mod tajjeb. Dan jieħu post dak li hemm miktub fil-ktieb Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel! kapitli 13 u 14.
c Ara l-kaxxa “Il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana fil-Profezija tal-Bibbja.”
d Fl-1890, Bismarck kellu jitlaq il-pożizzjoni tiegħu minħabba s-Sultan Kaiser Wilhelm II.
e Huma għamlu ħafna affarijiet li wasslu lill-gvern tagħhom biex jitlef il-poter tiegħu malajr. Pereżempju, huma waqfu jgħinu lis-sultan, kixfu informazzjoni sigrieta dwar il-gwerra m’oħrajn, u ġiegħlu lis-sultan jirriżenja.
f Kif juri Danjel 11:34, għal żmien qasir, is-sultan tat-tramuntana ma baqax jippersegwita lin-nies t’Alla. Pereżempju, dan ġara meta l-Unjoni Sovjetika waqgħet fl-1991.
-
-
Min Hu “s-Sultan tat-Tramuntana” Llum?It-Torri tal-Għassa (Studju)—2020 | Mejju
-
-
ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 20
Min Hu “s-Sultan tat-Tramuntana” Llum?
“[Hu] jkollu jiġi t-triq kollha sa tmiemu, u ma jkunx hemm min jgħinu.”—DAN. 11:45.
GĦANJA 95 Id-dawl qed jitqawwa
ĦARSA BIL-QUDDIEMa
1-2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
IKTAR minn qatt qabel, aħna għandna evidenza ċara li qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema. Dalwaqt, Ġeħova u Ġesù Kristu se jeqirdu l-gvernijiet kollha li jopponu s-Saltna. Imma qabel iseħħ dan, is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar se jkomplu jiġġieldu kontra xulxin u kontra n-nies t’Alla.
2 F’dan l-artiklu se niddiskutu l-profezija mniżżla f’Danjel 11:40-45 u 12:1. Aħna se nitgħallmu min hu s-sultan tat-tramuntana llum, u se niddiskutu wkoll għala nistgħu nibqgħu kalmi u nkunu ċerti li Ġeħova se jsalvana jiġri x’jiġri.
SULTAN ĠDID TAT-TRAMUNTANA
3-4. Min hu s-sultan tat-tramuntana llum? Spjega.
3 Wara li l-Unjoni Sovjetika waqgħet fl-1991, in-nies t’Alla li kienu taħt it-tmexxija tagħha kellhom il-libertà għal xi żmien. Danjel jiddeskrivi din il-libertà bħala “ftit għajnuna.” (Dan. 11:34) B’riżultat taʼ dan, huma setgħu jippritkaw bil-libertà, u malajr kien hemm mijiet taʼ eluf taʼ pubblikaturi fil-pajjiżi li qabel kienu jagħmlu parti mill-Unjoni Sovjetika. Imma wara xi snin, ir-Russja u l-pajjiżi li appoġġjawha saru s-sultan tat-tramuntana. Kif iddiskutejna fl-artiklu taʼ qabel, gvern kellu jagħmel tlett affarijiet biex ikun is-sultan tat-tramuntana jew is-sultan tan-nofsinhar: (1) imexxi f’pajjiż fejn ħafna min-nies t’Alla jgħixu jew jippersegwita n-nies t’Alla, (2) bl-azzjonijiet tiegħu juri li jobgħod lil Ġeħova u lin-nies tiegħu, u (3) kellu jiġġieled kontra s-sultan l-ieħor.
4 Dawn huma r-raġunijiet għala nistgħu ngħidu li r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha huma s-sultan tat-tramuntana. (1) Huma attakkaw lin-nies t’Alla meta ma ħallewhomx jippritkaw u ppersegwitaw lill-mijiet t’eluf t’aħwa li jgħixu taħt it-tmexxija tagħhom. (2) B’dawn l-azzjonijiet juru li jobogħdu lil Ġeħova u lin-nies tiegħu. (3) Huma qed jipprovaw isiru iktar b’saħħithom mis-sultan tan-nofsinhar, jiġifieri l-Brittanja u l-Istati Uniti. Ejja naraw x’għamlu r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha u għala dan jagħti prova li huma s-sultan tat-tramuntana.
IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA U TAN-NOFSINHAR IKOMPLU JOPPONU LIL XULXIN
5. Dwar liema perjodu titkellem il-profezija taʼ Danjel 11:40-43?
5 Aqra Danjel 11:40-43. Dil-parti tal-profezija titkellem dwar il-perjodu tal-aħħar żminijiet. Din tiddeskrivi kif is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar jiġġieldu kontra xulxin. Danjel bassar, li fi żmien it-tmiem, is-sultan tan-nofsinhar kien se jkollu “konfront,” jiġifieri jiġġieled, mas-sultan tat-tramuntana.—Dan. 11:40.
6. Is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar kif jopponu lil xulxin?
6 Is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar jiġġieldu kontra xulxin għax it-tnejn iridu jkunu l-iktar gvern b’saħħitu fid-dinja. Pereżempju, aħseb x’ġara wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Unjoni Sovjetika bdiet tiddomina parti kbira tal-Ewropa. Għalhekk, is-sultan tan-nofsinhar ftiehem maʼ pajjiżi oħra biex jużaw l-armati tagħhom flimkien kontra s-sultan tat-tramuntana. Din l-organizzazzjoni hi magħrufa bħala n-NATO. Ukoll, is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar nefqu ħafna flus biex ikollhom l-iktar armata b’saħħitha. Barra minn hekk, huma ġġieldu kontra xulxin b’mod indirett billi użaw nazzjonijiet oħra biex jiġġieldu kontra l-għadu tagħhom. Dan ġara fl-Afrika, fl-Asja u f’partijiet tal-Amerika t’Isfel. Fi snin riċenti, ir-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha komplew jiksbu l-poter mad-dinja kollha. Dawn qed jiġġieldu mas-sultan tan-nofsinhar ukoll permezz tat-teknoloġija (cyber warfare). Is-slaten akkużaw lil xulxin li użaw programmi tal-kompjuters biex itellfu l-flus u jagħmlu ħsara lill-gvern tagħhom. U kif bassar Danjel, is-sultan tat-tramuntana kompla l-attakk tiegħu fuq in-nies t’Alla.—Dan. 11:41.
IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA “JIDĦOL UKOLL FIL-PAJJIŻ TAD-DEKORAZZJONI”
7. X’inhu “l-pajjiż tad-Dekorazzjoni”?
7 Danjel 11:41 jgħid li s-sultan tat-tramuntana se “jidħol ukoll fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni.” X’inhu dan il-pajjiż? Fi żminijiet Bibliċi, Iżrael kien ikkunsidrat l-isbaħ pajjiż. Huwa għalhekk li fil-Bibbja kien jissejjaħ “id-dekorazzjoni taʼ l-artijiet kollha.” (Eżek. 20:6) Imma dan il-pajjiż kien speċjali ħafna għax kien il-post fejn in-nies qdew lil Ġeħova. Minn Pentekoste tas-sena 33 WK, “il-pajjiż tad-Dekorazzjoni” ma baqax pajjiż speċifiku fuq l-art. Illum, dan jagħmel sens għax in-nies taʼ Ġeħova huma madwar id-dinja kollha. Minflok, illum, “il-pajjiż tad-Dekorazzjoni” huwa l-attivitajiet spiritwali tan-nies taʼ Ġeħova li jinkludu affarijiet bħall-qima tagħhom lejh fil-laqgħat u fil-ministeru.
8. Is-sultan tat-tramuntana kif daħal “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni”?
8 Matul l-aħħar jiem, is-sultan tat-tramuntana daħal ħafna drabi “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni.” Pereżempju, meta n-Nazi Ġermaniża kienet is-sultan tat-tramuntana, speċjalment matul it-Tieni Gwerra Dinjija, is-sultan daħal “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni” billi ppersegwita u qatel lin-nies t’Alla. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-Unjoni Sovjetika saret is-sultan tat-tramuntana, is-sultan daħal “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni” meta ppersegwita lin-nies t’Alla u sforzahom biex jitilqu minn pajjiżhom.
9. Fi snin riċenti, ir-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha kif daħlu “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni”?
9 Fi snin riċenti, anki r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha daħlu “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni.” Kif? Fl-2017, dan is-sultan tat-tramuntana ma ħalliex lin-nies taʼ Ġeħova jagħmlu x-xogħol u tefaʼ lil xi wħud minn ħutna rġiel u nisa fil-ħabs. Hu anki pprojbixxa l-pubblikazzjonijiet tagħna, inkluż it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Ħa wkoll l-uffiċċju tal-fergħa tagħna fir-Russja u anki s-Swali tas-Saltna u l-Swali tal-Assembleat. Wara dawn l-azzjonijiet, fl-2018 il-Ġemgħa li Tiggverna qalet li r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha huma s-sultan tat-tramuntana. Madankollu, in-nies taʼ Ġeħova ma jagħmlux ħsara lill-gvern jew jipprovaw ibiddluh meta dan il-gvern jippersegwitahom. Minflok, huma jimxu fuq il-parir tal-Bibbja u jitolbu “għal kull min għandu pożizzjoni għolja,” speċjalment meta dawn ikunu se jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jeffettwaw il-libertà tal-qima tagħna.—1 Tim. 2:1, 2.
IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA SE JEQRED LIS-SULTAN TAN-NOFSINHAR?
10. Is-sultan tat-tramuntana se jeqirdu lis-sultan tan-nofsinhar? Spjega.
10 Il-profezija f’Danjel 11:40-45 titkellem l-iktar dwar is-sultan tat-tramuntana. Ifisser dan li hu se jeqred lis-sultan tan-nofsinhar? Le. Is-sultan tan-nofsinhar se jkun ‘għadu ħaj,’ jiġifieri, hu se jkun għadu jeżisti meta Ġeħova u Ġesù se jeqirdu lill-gvernijiet umani kollha fil-gwerra t’Armageddon. (Riv. 19:20) Għala nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Ikkunsidra x’jindikaw il-profeziji taʼ Danjel u Rivelazzjoni.
F’Armageddon, is-Saltna t’Alla, li hi mqabbla maʼ ġebla, se teqred lill-mexxejja umani, li f’din l-istampa huma rappreżentati minn xbieha enormi (Ara paragrafu 11)
11. X’turi l-profezija taʼ Danjel 2:43-45? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
11 Aqra Danjel 2:43-45. Il-profeta Danjel iddeskriva xbieha enormi li l-partijiet tal-ġisem tagħha kienu magħmula b’metalli differenti. Kull parti tirrappreżenta gvern differenti li mexxa fejn ħafna min-nies t’Alla kienu jgħixu. Dawn il-gvernijiet mexxew fi żminijiet differenti. Is-saqajn taʼ din ix-xbieha kienu magħmulin mill-ħadid u t-tafal. Dawn jirrappreżentaw il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Din il-profezija turi li l-Brittanja u l-Amerka se jkunu għadhom imexxu meta s-Saltna t’Alla se teqred lill-gvernijiet umani kollha.
12. Lil min tirrappreżenta s-sebaʼ ras tal-bhima salvaġġa, u għala hu importanti li nkunu nafu dan?
12 L-appostlu Ġwanni wkoll tkellem dwar il-gvernijiet li mexxew fuq in-nies taʼ Ġeħova. Fil-profezija taʼ Ġwanni, dawn il-gvernijiet huma rrappreżentati minn bhima salvaġġa b’sebat irjus. Is-sebaʼ ras tirrappreżenta l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Dan hu importanti għax m’hemmx irjus oħra wara din. Is-sebaʼ ras taʼ din il-bhima se tkun għadha qed tmexxi meta Kristu u l-armata li għandu fis-sema se jeqirduha mal-kumplament tal-bhima.b—Riv. 13:1, 2; 17:13, 14.
X’SE JAGĦMEL IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA FIL-FUTUR QARIB?
13-14. Min hu “Gog taʼ l-art taʼ Magog,” u x’jistaʼ jkun li se jġiegħlu jattakka lin-nies t’Alla?
13 Il-profezija f’Eżekjel 38:10-23 tgħidilna dwar dak li jistaʼ jiġri qabel is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar jiġu meqruda. Jidher li l-profezija taʼ Eżekjel u l-profeziji miktubin f’Danjel 2:43-45; 11:44, 45; 12:1 u Rivelazzjoni 16:13-16, 21, isemmu l-istess żmien u ġrajjiet. Jekk dan hu minnu, jidher li nistgħu nistennew li jseħħu dawn l-affarijiet.
14 Xi żmien wara li tibda t-tribulazzjoni l-kbira, “is-slaten taʼ l-art abitata kollha” se jingħaqdu flimkien biex jifformaw grupp taʼ nazzjonijiet. (Riv. 16:13, 14; 19:19) Il-Bibbja ssejjaħ dan il-grupp taʼ nazzjonijiet “Gog taʼ l-art taʼ Magog.” (Eżek. 38:2) Dan il-grupp taʼ nazzjonijiet se jattakka lin-nies t’Alla kollha u jipprova jeqridhom għalkollox. X’se jġiegħlu jagħmel dan? Fi profezija dwar dan iż-żmien, l-appostlu Ġwanni qal li silġ oħxon ħafna kien se jinżel fuq l-għedewwa t’Alla. Din il-maltempata bis-silġ jistaʼ jkun li tirrappreżenta l-messaġġ qawwi taʼ ġudizzju li se jippritkaw in-nies taʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun li dan il-messaġġ iġiegħel lil Gog taʼ Magog jattakka lin-nies t’Alla biex jipprova jeqridhom kollha.—Riv. 16:21.
15-16. (a) Danjel 11:44, 45, għal liema ġrajjiet jistaʼ jkun li qed jirreferu? (b) X’se jiġrilu s-sultan tat-tramuntana flimkien man-nazzjonijiet l-oħra li jagħmlu parti minn Gog taʼ Magog?
15 Dal-messaġġ qawwi u l-attakk finali mill-għedewwa t’Alla jistaʼ jkun li jirreferu għall-istess ġrajjiet li jsemmi Danjel 11:44, 45. (Aqra.) Hemm, Danjel jgħid li “jkun hemm rapporti . . . , minn tlugħ ix-xemx u mit-tramuntana,” li jħawdu lis-sultan tat-tramuntana u “hu joħroġ b’dagħdigħa kbira.” Is-sultan tat-tramuntana jippjana biex “jeqred lil ħafna.” Milli jidher “lil ħafna” tirreferi għan-nies taʼ Ġeħova.c Jistaʼ jkun li hawnhekk Danjel qed jiddeskrivi l-attakk finali fuq in-nies t’Alla.
16 Meta s-sultan tat-tramuntana u l-gvernijiet l-oħra jattakkaw lin-nies t’Alla, dan se jirrabja ħafna lil Alla li Jistaʼ Kollox, u mbagħad tibda l-gwerra t’Armageddon. (Riv. 16:14, 16) F’dak iż-żmien, is-sultan tat-tramuntana se jinqered u “ma jkunx hemm min jgħinu.” Miegħu se jinqerdu wkoll in-nazzjonijiet l-oħra li jagħmlu parti minn Gog taʼ Magog.—Dan. 11:45.
Fil-gwerra t’Armageddon, Ġesù Kristu u l-armata li għandu fis-sema se jeqirdu lid-dinja ħażina taʼ Satana u jsalvaw lin-nies t’Alla (Ara paragrafu 17)
17. Min hu Mikiel, “il-prinċep il-kbir” li jissemma f’Danjel 12:1, u x’se jagħmel?
17 Il-vers taʼ wara fir-rakkont taʼ Danjel jagħti iktar informazzjoni dwar kif is-sultan tat-tramuntana u l-gvernijiet l-oħra li jappoġġjawh se jiġu meqrudin. Jgħid ukoll kif aħna se niġu salvati. (Aqra Danjel 12:1.) Xi jfisser dan il-vers? Mikiel huwa isem ieħor għas-Sultan tagħna, Kristu Ġesù, li qed imexxi. Hu ilu “wieqaf għan-nom” tan-nies t’Alla mill-1914 meta sar is-Sultan tas-Saltna t’Alla fis-sema. Fil-futur qarib, hu se “jqum,” jew se jeqred lill-għedewwa tiegħu, fil-gwerra t’Armageddon. Din il-gwerra se tkun il-ġrajja finali li Danjel sejħilha l-akbar “żmien taʼ niket” li qatt kien hawn fid-dinja. Ukoll, il-profezija taʼ Ġwanni mniżżla f’Rivelazzjoni tirreferi għaż-żmien eżatt qabel il-gwerra taʼ Armageddon bħala “t-tribulazzjoni l-kbira.”—Riv. 6:2; 7:14.
SE JKUN ISMEK “MIKTUB FIL-KTIEB”?
18. Jiġri x’jiġri fil-futur, għala nistgħu nibqgħu kalmi?
18 Kemm Danjel u kif ukoll Ġwanni qalu li Ġeħova u Ġesù se jsalvaw lill-qaddejja tagħhom matul it-tribulazzjoni l-kbira. Allura, jiġri x’jiġri, aħna nistgħu nibqgħu kalmi. Danjel jgħid li dawk li se jiġu salvati se jkunu n-nies li isimhom se “jinstab miktub fil-ktieb.” (Dan. 12:1) X’nistgħu nagħmlu biex isimna jkun miktub f’dan il-ktieb? Irridu nagħtu prova li għandna fidi f’Ġesù, il-Ħaruf t’Alla. (Ġw. 1:29) Irridu niddedikaw ħajjitna lil Alla u nitgħammdu. (1 Pt. 3:21) U rridu nuru li nappoġġjaw is-Saltna t’Alla billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova.
19. X’għandna nagħmlu issa, u għala?
19 Issa hu ż-żmien li nsaħħu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova u fil-qaddejja leali li għandu fl-organizzazzjoni. Issa hu l-ħin li nappoġġjaw is-Saltna t’Alla. Jekk nagħmlu dan, se niġu salvati meta s-Saltna t’Alla teqred lis-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar.
GĦANJA 149 Għanja tar-rebħa
a Min hu “s-sultan tat-tramuntana” llum, u dan kif se jinqered? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tistaʼ ssaħħaħ iktar il-fidi tagħna u tgħinna nkunu preparati għal dak li se jiġri dalwaqt matul it-tribulazzjoni l-kbira.
b Għal iktar informazzjoni dettaljata taʼ Danjel 2:36-45 u Rivelazzjoni 13:1, 2, ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Ġunju 2012 paġni 7-19.
c Għal iktar informazzjoni, ara l-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Mejju 2015, paġni 27-28.
-
-
Żewġ Slaten li Jiġġieldu Kontra Xulxin fi Żmien it-TmiemIt-Torri tal-Għassa (Studju)—2020 | Mejju
-
-
Żewġ Slaten li Jiġġieldu Kontra Xulxin fi Żmien it-Tmiem
Xi profeziji li huma mniżżlin fiċ-ċart jiddeskrivu ġrajjiet li seħħew fl-istess żmien. Kollha kemm huma jagħtu prova li qed ngħixu fi “żmien it-tmiem.”—Dan. 12:4.
Skrittura(i) Riv. 11:7; 12:13, 17; 13:1-8, 12
Profezija “Il-bhima salvaġġa” ħakmet fuq in-nies tad-dinja għal iktar minn 3,000 sena. Fi żmien it-tmiem, is-sebaʼ ras ġiet midruba. Iktar tard, ir-ras fieqet u “l-art kollha marret wara l-bhima”. Satana juża l-bhima salvaġġa biex “jiggwerra kontra l-bqija taʼ nisilha.”
Twettiq Wara d-Dulluvju, gvernijiet umani li kienu għedewwa taʼ Ġeħova ħakmu fuq in-nies. Iktar minn 3,000 sena wara, wieħed minn dawn il-gvernijiet b’saħħithom, il-Brittanja, tilef ħafna mill-qawwa tiegħu matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-Brittanja reġgħet saret b’saħħitha meta ngħaqdet mal-Istati Uniti. Matul l-aħħar żminijiet, Satana qed juża l-gvernijiet kollha fuq l-art biex jippersegwita lin-nies t’Alla.
Skrittura(i) Dan. 11:25-45
Profezija Fi żmien it-tmiem, is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar iġġieldu kontra xulxin għall-poter.
Twettiq Il-Ġermanja ġġieldet mal-Brittanja u l-Istati Uniti. Fl-1945, l-Unjoni Sovjetika u l-pajjiżi li jappoġġjawha saru s-sultan tat-tramuntana. Fl-1991, l-Unjoni Sovjetika waqgħet, u iktar tard, ir-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha saru s-sultan tat-tramuntana.
Skrittura(i) Is. 61:1; Mal. 3:1; Lq. 4:18
Profezija Ġeħova jibgħat “il-messaġġier” tiegħu biex “iħejji triq” qabel is-Saltna Messjanika tiġi stabbilità. Dan il-grupp beda jipprietka l-“aħbar tajba lill-ġwejdin.”
Twettiq Mill-1870 ’il quddiem, C. T. Russell u oħrajn miegħu studjaw ħafna l-Bibbja biex isibu x’tgħallem verament. Fl-1881, huma rrealizzaw li hu importanti ħafna li l-qaddejja t’Alla jippritkaw. Huma ħarġu artikli bħal “Jinħtieġu 1,000 predikatur” u “Midlukin biex nippritkaw.”
Skrittura(i) Mt. 13:24-30, 36-43
Profezija Raġel żeraʼ żerriegħa tajba f’għalqa. Imbagħad, għadu żeraʼ s-sikrana fl-istess għalqa. Is-sikrana kibret u għattiet il-qamħ. Fi żmien il-ħsad, is-sikrana ġiet separata minn mal-qamħ.
Twettiq Mill-1870 ’il quddiem, id-differenza bejn il-Kristjani veri u l-Kristjani foloz bdiet tidher iktar u iktar ċara. Matul żmien it-tmiem, il-Kristjani veri nġabru f’kongregazzjonijiet u ġew separati mill-Kristjani foloz.
Skrittura(i) Dan. 2:31-33, 41-43
Profezija Is-saqajn tal-ħadid u t-tafal huma taʼ xbieha magħmula minn metall differenti.
Twettiq It-tafal jirrappreżenta nies komuni li huma taħt it-tmexxija tal-Brittanja u l-Istati Uniti u li jirribellaw kontra dawn il-gvernijiet. Minħabba n-nies, dawn il-gvernijiet ma jistgħux jużaw il-qawwa kollha tagħhom.
Skrittura(i) Mt. 13:30; 24:14, 45; 28:19, 20
Profezija “Il-qamħ” jinġabar “fil-maħżen” u “l-ilsir leali u għaqli” jiġi maħtur fuq “il-qaddejja taʼ daru.” “L-aħbar tajba tas-saltna” bdiet tiġi ppritkata “fl-art abitata kollha.”
Twettiq Fl-1919 l-ilsir leali u għaqli ġie maħtur fuq in-nies t’Alla. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Istudenti tal-Bibbja bdew jippritkaw ħafna iktar. Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jippritkaw f’iktar minn 200 pajjiż u jippubblikaw letteratura bbażata fuq l-Bibbja b’iktar minn 1,000 lingwa.
Skrittura(i) Dan. 12:11; Riv. 13:11, 14, 15
Profezija Bhima salvaġġa b’żewġt iqrun tgħid lin-nies biex “jagħmlu xbieha tal-bhima salvaġġa” b’sebat irjus u din “tagħti n-nifs lix-xbieha.”
Twettiq Il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana bdiet il-Lega tan-Nazzjonijiet. Nazzjonijiet oħra ngħaqdu maʼ din l-organizzazzjoni. Mill-1926 sal-1933, is-sultan tat-tramuntana kien membru wkoll tal-Lega tan-Nazzjonijiet. In-nies emmnu li l-Lega setet iġġib il-paċi fid-dinja, xi ħaġa li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ tagħmel. In-nies emmnu wkoll li l-Ġnus Magħquda setgħet tagħmel dan.
Skrittura(i) Dan. 8:23, 24
Profezija Sultan li jidher feroċi “b’mod taʼ l-għaġeb se jikkaġuna rovina.”
Twettiq Il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana qatlet ħafna nies u għamlet ħafna ħsara. Pereżempju, fit-Tieni Gwerra Dinjija, l-Istati Uniti waddbet żewġ bombi atomiċi fuq pajjiż li kien kontra l-Brittanja u l-Istati Uniti. Dawn il-bombi għamlu ħsara enormi li qatt ma kienet saret qabel.
Skrittura(i) Dan. 11:31; Riv. 17:3, 7-11
Profezija Il-“bhima salvaġġa lewn l-iskarlat” b’għaxart iqrun telgħet mill-abbiss u hi t-tmien sultan. Il-ktieb taʼ Danjel jirreferi għal dan is-sultan bħala “l-ħaġa moqżieża li qed iġġib ħerba.”
Twettiq Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Lega tan-Nazzjonijiet spiċċat. Wara l-gwerra, twaqqfet il-Ġnus Magħquda. Bħal-Lega, il-Ġnus Magħquda ħadet unur li jixraq lis-Saltna t’Alla. Il-Ġnus Magħquda se tattakka lir-reliġjon.
Skrittura(i) 1 Tess. 5:3; Riv. 17:16
Profezija Il-mexxejja tad-dinja se jgħidu “paċi u sigurtà,” u “l-għaxart iqrun” u “l-bhima salvaġġa” tattakka “lill-prostituta” u jeqirduha. Wara dan, il-mexxejja tad-dinja jiġu meqruda.
Twettiq Il-mexxejja tad-dinja se jgħidu li ġabu paċi u sigurtà fid-dinja. Imbagħad, il-mexxejja li jagħmlu parti mill-Ġnus Magħquda se jeqirdu l-organizzazzjonijiet reliġjużi. Dan se jkun il-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira. Din it-tribulazzjoni se tispiċċa meta Ġesù jeqred għalkollox id-dinja taʼ Satana.
Skrittura(i) Eżek. 38:11, 14-17; Mt. 24:31
Profezija Gog se jattakka l-pajjiż t’Alla. Imbagħad, l-anġli se jiġbru “l-magħżulin.”
Twettiq Is-sultan tat-tramuntana flimkien mal-gvernijiet tad-dinja se jattakkaw lin-nies t’Alla. Wara li jibda dan l-attakk, il-midlukin li jkun għad fadal fuq l-art, jittieħdu fis-sema.
Skrittura(i) Eżek. 38:18-23; Dan. 2:34, 35, 44, 45; Riv. 6:2; 16:14, 16; 17:14; 19:20
Profezija Dak “riekeb” fuq “żiemel abjad” itemm “ir-rebħa tiegħu” billi jeqred lil Gog u l-armata tiegħu. “Il-bhima salvaġġa” tiġi mixħuta “fl-għadira tan-nar,” u l-ġebla tfarrak ix-xbieha enormi.
Twettiq Ġesù, il-144,000, u l-anġli se jeqirdu lill-grupp taʼ nazzjonijiet li jattakkaw lin-nies t’Alla. Dan ikun it-tmiem għad-dinja taʼ Satana.
-