LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 12/1 pp. 24-28
  • “Intom Ma Tafux X’Għad Isir Għada”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Intom Ma Tafux X’Għad Isir Għada”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nimxi ’l Quddiem maʼ Sħabi fil-​Qima
  • L-​Iskola taʼ Gilgħad u Nerħilha Lejn il-​Gold Coast
  • Jum l-​“Għada” Mhux Mistenni
  • Jehovah Jipprovdi Għajnuna Permezz tal-​Poplu Tiegħu
  • Nitgħallem Inkampa
  • “Għada” Aħjar mil-​Lum
  • Jehovah Dejjem Jippremja lil Kulmin Hu Leali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Ħajja mill-Isbaħ fis-Servizz taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 12/1 pp. 24-28

Bijografija

“Intom Ma Tafux X’Għad Isir Għada”

KIF RAKKONTATA MINN HERBERT JENNINGS

“Mill-​belt fejn hemm il-​port taʼ Tema kont sejjer lura lejn l-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society fil-​Gana meta waqaft biex irrikkeb lil wieħed żagħżugħ li xtaq li xi ħadd iwasslu sal-​belt. Ħtaft l-​opportunità biex nagħtih xiehda. Ħsibt li kont sejjer tajjeb ħafna! Madankollu, malli wasalna fejn iż-​żagħżugħ xtaq imur, dan ħareġ mit-​trakk bil-​ħeffa u telaq jiġri.”

DAN l-​inċident tani ħjiel dwar xi ħaġa mhux tas-​soltu li kienet bdiet isseħħ f’ħajti. Qabel ma nirrakkonta x’ġara, ħallini ngħidlek l-​ewwel kif jien, raġel Kanadiż, sibt ruħi ngħix fil-​Gana.

Immorru lura għal nofs ix-​xahar taʼ Diċembru taʼ l-​1949 f’belt lejn it-​tramuntana taʼ Toronto, il-​Kanada. Konna għadna kif spiċċajna nħaffru trinka twila fl-​art kollha silġ biex inwasslu s-​servizz taʼ l-​ilma ġo dar ġdida. Inġazzati bil-​bard u għajjenin, aħna l-​ħaddiema tgezzizna madwar ħuġġieġa tal-​ħatab, nistennew it-​trakk jiġi jiġborna. F’daqqa waħda, Arnold Lorton, wieħed mill-​ħaddiema, beda jgħid xi ħaġa dwar “gwerer u xnigħat taʼ gwerer,” “tmiem id-​dinja,” u beda juża frażijiet oħrajn li jien qatt ma kont smajthom qabel. Mill-​ewwel kulħadd għalaq ħalqu u beda jħossu skomdu. Kien hemm min anki ħadha bil-​herra kontrih. Niftakarni naħseb: ‘Dal-baħbuħ veru kuraġġuż! Hawnhekk ħadd ma jrid jisimgħu, u xorta jibqaʼ sejjer.’ Imma dak li kien qed jgħid laqatni. It-​Tieni Gwerra Dinjija ma kinitx ilha li ntemmet, u jien qatt ma kont smajt ħwejjeġ bħal dawn fir-​reliġjon tal-​Kristadelfjani li l-​familja tiegħi kienet tagħmel parti minnha għal bosta ġenerazzjonijiet. Ftaħt widnejja beraħ għax l-​ispjegazzjonijiet li ta laqtuni.

Ma domtx m’avviċinajt lil Arnold biex nieħu iktar tagħrif. Meta noqgħod niftakar, nirrealizza kemm kienu paċenzjużi u qalbhom tajba miegħi hu u martu Jean dak iż-​żmien, meta jien kelli biss 19-il sena u kont mingħajr esperjenza. Spiss kont immur għandhom bla mistenni, mingħajr ma nkun mistieden, biex nitkellem magħhom. Qabbduni t-​triq id-​dritta u għenuni negħleb it-​taqlib li kien għaddej mill-​moħħ żagħżugħ tiegħi f’dak li għandu x’jaqsam maʼ livelli u morali. Għaxar xhur wara dik l-​esperjenza inizjali ħdejn il-​ħuġġieġa fil-​ġenb tat-​triq, tgħammidt nhar it-​22 t’Ottubru, 1950, bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah u sseħibt mal-​Kongregazzjoni taʼ Willowdale f’North York, li llum hija parti minn Toronto.

Nimxi ’l Quddiem maʼ Sħabi fil-​Qima

Il-​ħajja fid-​dar bdiet issir dejjem iktar iebsa meta missieri rrealizza li jien kont determinat li ngħix ħajti fi qbil mar-​reliġjon il-​ġdida tiegħi. Ftit qabel, missieri kien weġġaʼ sew f’ħabta kerha kaġunata minn sewwieq fis-​sakra, u b’hekk rari kien ikun burdata tajba. Il-​ħajja kienet diffiċli għal ommi u għaż-​żewġ ħuti subien u ż-​żewġ ħuti bniet. It-​tensjoni dwar il-​verità tal-​Bibbja kompliet tiżdied. Allura deherli li jkun aħjar jekk nitlaq mid-​dar biex inżomm il-​paċi mal-​ġenituri tiegħi u nistabbilixxi ruħi fit-​“triq tal-​verità.”​—2 Pietru 2:2.

Lejn tmiem is-​sajf taʼ l-​1951, bdejt nagħmel parti minn kongregazzjoni żgħira f’Coleman, Alberta. Hemm kien hemm żewġ żgħażagħ, Ross Hunt u Keith Robbins, li kienu ħabrieka fl-​ippridkar pubbliku l-​ħin kollu, magħruf bħala xogħol taʼ pijunier regulari. Għenuni biex nintefaʼ nagħmel dan l-​istess ministeru volontarju. Nhar l-​1 taʼ Marzu, 1952, sirt wieħed mill-​pijunieri regulari.

Għandi memorji sbieħ ħafna taʼ l-​inkuraġġiment li rċivejt. Kelli ħafna x’nitgħallem, u din kienet il-​prova tiegħi. Iktar tard, wara li qattajt madwar sena naqdi bħala pijunier mal-​Kongregazzjoni taʼ Lethbridge, Alberta, irċivejt stedina bla mistennija biex naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. Ridt naqdi lill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah mxerrdin mal-​kosta tal-​lvant tal-​Kanada, minn Moncton fi New Brunswick sa Gaspé fi Quebec.

Kelli 24 sena u billi ma tantx kont ili fil-​verità, ħassejtni skomdu mhux ħażin, speċjalment ipparagunat max-​Xhieda maturi li lilhom ridt naqdi. Għamilt sforz sinċier matul il-​bosta xhur li ġew wara. Imbagħad ġiet sorpriża oħra.

L-​Iskola taʼ Gilgħad u Nerħilha Lejn il-​Gold Coast

F’Settembru taʼ l-​1955, ġejt mistieden ningħaqad maʼ xi mitt student ieħor għas-​26 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) f’South Lansing, New York. Dawk il-​ħames xhur taʼ taħriġ intensiv u taʼ studju kienu sewwa sew dak li kelli bżonn. L-​entużjażmu tiegħi ssaħħaħ bis-​sħubija tiegħi maʼ dak il-​grupp hekk imqanqal għax-​xogħol. Matul dan iż-​żmien, kien hemm żvilupp ieħor li mlieli ħajti bir-​riżq sal-​lum.

Fost dawk l-​istudenti li kienu qed iħejju għal attività missjunarja kien hemm waħda oħt żagħżugħa, Aileen Stubbs. F’Aileen rajt ċerta stabbilità. Kienet bniedma prattika u serja, b’attitudni modesta u ferriħija. Naħseb li ħsadtha meta għedtilha bla tlaqliq li xtaqtha tkun marti. Madankollu, ma qaltlix le! Qbilna t-​tnejn li Aileen tmur twettaq l-​inkarigu missjunarju tagħha fil-​Kosta Rika u jien immur inwettaq tiegħi fil-​Gold Coast (illum il-​Gana), fl-​Afrika tal-​Punent.

Għodwa waħda f’Mejju taʼ l-​1956, sibt ruħi fl-​uffiċċju taʼ Ħuna Nathan Knorr, fl-​għaxar sular, fi Brooklyn, New York. Dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Society. Kont qed ningħata l-​inkarigu taʼ qaddej tal-​fergħa biex nieħu ħsieb ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fil-​Gold Coast, f’Togoland (illum Togo), fil-​Kosta taʼ l-​Avorju (illum Côte d’Ivoire), fl-​Upper Volta (illum Burkina Faso) u fil-​Gambja.

Kliem Ħuna Knorr niftakru qisu qaluli l-​bieraħ. “M’għandekx għalfejn tieħu kollox f’idejk mill-​ewwel,” qalli. “Ħudha bil-​mod; tgħallem mill-​aħwa taʼ esperjenza t’hemmhekk. Imbagħad meta tħossok li int lest, ibda aqdi bħala l-​qaddej tal-​fergħa. . . . Hawn hi l-​ittra tal-​ħatra tiegħek. Wara sebat ijiem li tkun ilek hemm, għandek tieħu kollox f’idejk.”

‘Sebat ijiem biss?’ għedt bejni u bejn ruħi. ‘Imbasta qalli “ħudha bil-​mod”!’ Ħriġt minn ħdejh mibluh.

Il-ftit jiem taʼ wara għaddew bħal żiffa riħ. Ma domtx ma kont fuq il-​gverta taʼ vapur tal-​merkanzija, inbaħħar fuq l-​East River minn quddiem l-​uffiċċji tas-​Soċjetà fi Brooklyn, fil-​bidu taʼ vjaġġ taʼ 21 jum sal-​Gold Coast.

Jien u Aileen tajniehom x’jagħmlu mhux ħażin is-​servizzi postali minn pajjiż għall-​ieħor. Erġajna ltqajna fl-​1958 u żżewwiġna fit-​23 t’Awissu taʼ dik is-​sena. Ma nieqaf qatt nirringrazzja lil Jehovah talli tani sieħba mill-​aqwa.

Għal 19-il sena apprezzajt il-​privileġġ li naqdi flimkien maʼ sħabi l-​missjunarji u ħuti Afrikani rġiel u nisa fl-​uffiċċju tal-​fergħa tas-​Soċjetà. Il-​familja Betel kibret minn grupp żgħir ħafna għal madwar 25 f’dak il-​perijodu. Dawk kienu jiem produttivi, mimlijin attività, u taʼ sfida għalina. Però, irrid inkun onest. Personalment inħoss li l-​klima sħuna u umda kienet taʼ sfida partikulari għalija. Donni kont dejjem għarqan, dejjem imdellek u xi kultant nervuż. Xorta waħda, iżda, kien taʼ ferħ kbir għalija li naqdi, hekk kif l-​għadd tagħna fil-​Gana żdied minn ftit iktar minn 6,000 pubblikatur tas-​Saltna fl-​1956 għal 21,000 fl-​1975. U huwa taʼ sodisfazzjon doppju li issa nara iktar minn 60,000 Xhieda ħabrieka hemmhekk.

Jum l-​“Għada” Mhux Mistenni

Madwar l-​1970, bdejt għaddej minn problema taʼ saħħa li kienet diffiċli biex tagħraf x’inhi. It-​tobba eżaminawni minn fuq s’isfel kemm-il darba, u kull darba kienu jgħiduli li m’għandi xejn. Allura għala kont dejjem inħossni tant mhux floki, tant għajjien, tant bla sabar? Ġraw żewġ affarijiet li tawni t-​tweġiba, u ħasduni ferm. Tabilħaqq, bħalma kiteb Ġakbu: “Intom ma tafux x’għad isir għada.”​—Ġakbu 4:​14.

L-ewwel ħjiel kienet l-​esperjenza li kelli maʼ dak iż-​żagħżugħ li tajtu xiehda waqt li kont qed inwasslu sal-​belt. Lanqas biss irrealizzajt li kont qed inlablab bla ma naqtaʼ xejn u iktar ma jmur iktar nitkellem ngħaġġel u ngħajjat. Meta liż-​żagħżugħ wassaltu fejn ried imur, inħsadt meta qabeż ’il barra mit-​trakk u telaq jiġri kemm jiflaħ. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies fil-​Gana huma min-​natura tagħhom kalmi u friski bħal ħassa, u donnu xejn ma jdejjaqhom. Il-​mod kif irreaġixxa kien mhux tas-​soltu għall-​aħħar. Bqajt bil-​qegħda hemm naħseb. Irrealizzajt li kelli problema. Sewwa sew x’kienet, ma kontx naf. Imma żgur li kelli problema.

It-tieni, wara diskussjoni li fiha dħalna partikolarment fil-​fond, Aileen issuġġeriet: “Mela, jekk din il-​problema mhix waħda fiżika, allura trid bilfors tkun waħda mentali.” Għalhekk bir-​reqqa niżżilt bil-​miktub is-​sintomi kollha li kelli u mort għand psikjatra. Meta qrajtlu l-​lista, it-​tweġiba tiegħu kienet: “Dan każ klassiku. Qed issofri minn diżordni mentali magħrufa bħala manic-depressive psychosis.”

Bqajt iċċassat! Bdejt sejjer dejjem għall-​agħar hekk kif ipprovajt niġġildilha fis-​sentejn taʼ wara. Bqajt infittex soluzzjoni. Imma ħadd ma kien jaf x’jistaʼ jsir. Kienet verament ġlieda li taqtagħlek nifsek.

Minn dejjem kellna f’moħħna li nibqgħu nżommu l-​privileġġ tas-​servizz full-time bħala l-​vokazzjoni tagħna fil-​ħajja, u kien hemm tant u tant x’isir. Tlabt ħafna bil-​ħrara u mill-​qalb: “Jehovah, jekk trid int, jien inkun nistaʼ ‘ngħix u nagħmel dan jew dak.’” (Ġakbu 4:​15) Imma ma kellux ikun. Allura ffaċċjajna r-​realtà u rranġajna biex nitilqu mill-​Gana u nħallu lill-​ħafna ħbieb tal-​qalb. F’Ġunju taʼ l-​1975 morna lura l-​Kanada.

Jehovah Jipprovdi Għajnuna Permezz tal-​Poplu Tiegħu

Ma domtx ma tgħallimt li ma kontx xi wieħed li ma jgħaddux mingħajri, u lanqas ma kienet il-​problema tiegħi xi waħda unika. Ġie f’moħħi l-​kliem li nsibu fl-​1 Pietru 5:9: “Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-​dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-​istess tbatijiet tagħkom.” Ladarba fhimt sewwa dan, bdejt nagħraf kif Jehovah kien, tabilħaqq, qed iwiżinna t-​tnejn minkejja din il-​bidla mhix mixtieqa. ‘Ħutna mxerrdin fid-​dinja’ verament għenuna ferm b’ħafna modi.

Għalkemm ma tantx kellna ġid materjali, Jehovah m’abbandunaniex. Huwa qanqal lil ħbiebna fil-​Gana biex jgħinuna b’mod materjali u b’modi oħra. L-​emozzjonijiet tagħna kienu mħawdin profondament meta kellna nsellmu għall-​aħħar darba lil dawk li konna sirna nħobbuhom tant u nitilqu biex niffaċċjaw dan il-​jum taʼ l-​“għada” mhux mistenni.

Oħt Aileen, Lenora, u żewġha Alvin Friesen laqgħuna f’darhom b’qalb tajba kbira u ħadu ħsieb il-​bżonnijiet tagħna b’mod ġeneruż għal bosta xhur. Wieħed psikjatra prominenti deher kunfidenti meta bassar: “Terġaʼ tqum fuq saqajk fi żmien sitt xhur.” Forsi qal hekk biex iqawwili qalbi, imma t-​tbassir tiegħu ma seħħx, lanqas wara sitt snin. Sal-​ġurnata tal-​lum għadni nħabbat wiċċi maʼ dak li bil-​pulit isejħulha bipolar mood disorder (diżordni b’żewġ estremi fil-​burdata). Veru li l-​isem mhux daqstant aħrax, imma dawk li jbatu minn din il-​ħaġa jafu tajjeb li, ħelu kemm hu ħelu l-​isem, dan b’ebda mod ma jtaffi s-​sintomi koroh ferm tal-​marda.

Sa dak iż-​żmien, Ħuna Knorr kien diġà qed isofri minn marda li maż-​żmien wasslitu għall-​mewt f’Ġunju taʼ l-​1977. Xorta waħda, sab il-​ħin u l-​enerġija biex jiktibli ittri twal u inkuraġġanti bi kliem taʼ faraġ u pariri sbieħ. Għadni ngħożżhom dawk l-​ittri. Kliemu għeni ferm biex itaffili s-​sentimenti taʼ falliment li spiss kont inħoss bla ebda raġuni.

Fi tmiem l-​1975, kellna nċedu l-​privileġġi prezzjużi li kellna fis-​servizz full-time biex inkun nistaʼ nieħu ħsieb saħħti. Id-​dawl normali taʼ barra kien iweġġagħli għajnejja. Kull ħoss qawwi mhux mistenni kien jidwi qisu xi sparatura minn xkubetta. Fejn ikun hemm il-​folol kont inħossni se niġġennen. Kienet verament taqtigħa kbira biex sempliċi nattendi l-​laqgħat Kristjani. Madankollu, kont assolutament konvint mill-​valur taʼ sħubija spiritwali. Biex ma nbatix iżżejjed, kont nidħol fis-​Sala tas-​Saltna wara li kulħadd ikun daħal u qagħad bil-​qegħda, u kont nitlaq preċiż qabel jibda jqum kulħadd fi tmiem il-​programm.

Ħaġa oħra taʼ sfida kbira għalija kienet li nieħu sehem fil-​ministeru pubbliku. Xi drabi, anki wara li nkun wasalt quddiem xi dar, ma kontx inkun nistaʼ nasal sal-​punt li nċempel il-​qanpiena. Imma ma kontx nitlaq għax kont nirrealizza li l-​ministeru tagħna jfisser salvazzjoni għalina u għal kulmin iwieġeb b’mod favorevoli. (1 Timotju 4:​16) Wara xi ftit, kien jirnexxili nikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħi, navviċina l-​bieb li jkun imiss u nerġaʼ nipprova. Billi bqajt nieħu sehem fil-​ministeru, żammejt ruħi f’saħħti spiritwalment, u b’hekk kont iktar kapaċi nkampa.

Minħabba n-​natura kronika tal-​bipolar mood disorder, bdejt nirrealizza li din il-​marda kienet wisq probabbli se tibqaʼ parti minn ħajti f’din is-​sistema preżenti. Fl-​1981 dehru serje taʼ artikli eċċellenti fl-​Awake!a Permezz tagħhom bdejt nifhem aħjar in-​natura taʼ din il-​marda u tgħallimt xi metodi iktar effettivi taʼ kif inkampa magħha.

Nitgħallem Inkampa

Dan kollu kien jitlob sagrifiċċju u bidla min-​naħa taʼ marti. Jekk int wieħed li qed tieħu ħsieb xi ħadd f’ċirkustanzi simili, x’aktarx li tapprezzah dak li għandha xi tgħid:

“Diżordni fil-​burdata tidher li ġġib bidla ħesrem fil-​personalità. F’temp taʼ ftit sigħat, dak li jkun qed isofri minn din il-​ħaġa jaf ikun għal xi ħin fuq ruħu u inkuraġġanti bi pjanijiet u ideat ġodda u ftit wara jsir għajjien, negattiv u anki rrabjat. Jekk ma tkunx taf li din hija marda, dan jistaʼ jġagħlek tħossok qalbek maqtugħa u mwerwer. M’għandniex xi ngħidu, il-​pjanijiet li tkun għamilt tkun trid tibdilhom malajr, u hemm tibda l-​ġlieda persunali kontra sentimenti taʼ diżappunt jew taʼ ċaħda.”

Ngħid għalija, meta nkun qed inħossni tajjeb iktar mis-​soltu, nibda nibżaʼ. Ġo fija naf li meta nkun “burdata tajba ħafna” se nispiċċa li wara ftit naqaʼ f’“burdata ħażina ħafna.” Fil-​każ tiegħi, il-​“ħażina” nippreferiha mit-​“tajba” għaliex il-​ħażina ġeneralment ma tħallini nagħmel xejn għal ġranet sħaħ, u b’hekk ma ninvolvix ruħi f’xi ħaġa li mhix bilanċjata. Aileen tgħinni ferm billi twissini meta tarani li nkun fuq tiegħi żżejjed u tfarraġni u tappoġġani meta naqaʼ f’burdata kerha.

Hemm periklu kbir li nidħol wisq f’qoxorti u nwarrab kollox meta l-​marda tkun qed taħkimni l-​iktar. Wieħed jistaʼ jiġi jaqaʼ u jqum minn kulħadd meta jkun dipress jew mill-​banda l-​oħra ma jindunax dwar kif ikun qed iħossu u qed jirreaġixxi ħaddieħor waqt perijodu taʼ burdata tajba. Fil-​passat, kien diffiċli għalija li naċċetta l-​evidenza tal-​problema mentali u emozzjonali tiegħi. Kelli nikkumbatti l-​ħsieb li l-​problema kienet ġejja minn xi ħaġa minn barra, bħal forsi xi proġett li ma rnexxiex jew minħabba xi persuna oħra. Darba wara l-​oħra, kelli nfakkar lili nnifsi li ‘xejn ma kien inbidel madwari. Il-​problema hi waħda minn ġewwa, mhux minn barra.’ Bil-​mod il-​mod, il-​ħsieb tiegħi beda jiġi f’postu.

Matul is-​snin, it-​tnejn li aħna tgħallimna ma naħbu xejn minn xulxin u nkunu onesti magħna nfusna u m’oħrajn rigward il-​qagħda tiegħi. Nipprovaw inżommu attitudni ottimista u ma nħallux il-​marda tiddominalna ħajjitna.

“Għada” Aħjar mil-​Lum

Permezz taʼ talb bil-​ħrara u ħafna sforzi, ibbenefikajna mill-​barka u mill-​appoġġ taʼ Jehovah. It-​tnejn li aħna issa mdaħħlin fiż-​żmien. Jien għadni taħt kura medika regulari b’xi mediċini li rrid neħodhom regolarment, u għadni ninsab f’saħħti mhux ħażin. Napprezzaw ħafna kull privileġġ taʼ servizz li jistaʼ jkollna. Għadni naqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni u dejjem nipprovaw nagħtu appoġġ lil sħabna fil-​fidi.

Veru li, bħalma jgħid Ġakbu 4:14: “Intom ma tafux x’għad isir għada.” Dan se jibqaʼ jkun il-​każ sakemm tibqaʼ teżisti din is-​sistema dinjija. Madankollu, il-​kliem li nsibu f’Ġakbu 1:12 ukoll huwa minnu: “Hieni l-​bniedem li jistabar fit-​tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-​tiġrib, jaqlaʼ l-​kuruna tal-​ħajja li l-​Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh.” Jalla lkoll kemm aħna nibqgħu sodi llum u niksbu l-​barkiet li Jehovah għandu lesti għalina għada.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artikli “You Can Cope With Life” (Int Tistaʼ Tkampa mal-​Ħajja), fl-​Awake! tat-​8 t’Awissu, 1981; “How You Can Fight Depression” (Kif Tistaʼ Tiġġieled id-​Dipressjoni), fil-​ħarġa tat-​8 taʼ Settembru, 1981; u “Attacking Major Depression” (Nattakkaw id-​Dipressjoni Qawwija), fil-​ħarġa tat-​22 t’Ottubru, 1981.

[Stampa f’paġna 26]

Infittex li nkun waħdi fil-​kamra fejn inpitter

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ marti Aileen

[Stampa f’paġna 28]

Fl-​Assemblea “Aħbar Tajba taʼ Dejjem” li saret f’Tema, il-​Gana, fl-​1963

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja