Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Kif Nistaʼ Ntejjeb it-Talb Tiegħi?
“Meta jkollok daqstant pressjoni l-iskola, ix-xogħol, jew mal-ħbieb u l-familja, kultant tinsa lil min hu l-iktar importanti—lil Alla.”—Faviola, 15-il sena, l-Istati Uniti.
“ITOLBU bla waqfien.” (1 Tessalonikin 5:17) “Ipperseveraw fit-talb.” (Rumani 12:12) “Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Filippin 4:6) Jekk int Kristjan, probabbilment tafhom sew dawn l-iskritturi. X’aktarx li tirrealizza wkoll li t-talb hu l-iktar forma taʼ komunikazzjoni taʼ l-għaġeb li teżisti. Aħseb ftit—f’kull ħin, bil-lejl u bi nhar, int tistaʼ tkellem lil Alla li Jistaʼ Kollox! U l-Bibbja tgħid: “Hu jismagħna.”a—1 Ġwanni 5:14.
Xorta waħda, bħaż-żagħżugħ li semmejna fil-bidu, int tistaʼ ssibha taʼ sfida li titlob. Jekk inhu hekk, x’tistaʼ tagħmel dwar dan? Dan l-artiklu se jgħinek biex (1) tidentifika l-ostaklu, (2) tagħmel mira rigward it-talb tiegħek, u (3) tiftaħ il-“bieb” sabiex tkun tistaʼ tilħaq il-mira tiegħek.
L-ewwel, ejja nidentifikaw l-ostaklu. Liema aspett partikulari tat-talb hu l-iktar taʼ sfida għalik? Ikteb it-tweġiba hawn taħt.
․․․․․
Il-pass li jmiss hu li tagħmel mira. Mil-lista li ġejja, immarka mira li int tixtieq tilħaq, jew ikteb waħda fl-ispazju provdut ħdejn “Affarijiet oħrajn.”
□ Nixtieq nitlob iktar spiss.
□ Nixtieq li ma ngħidx dejjem l-istess affarijiet fit-talb tiegħi.
□ Nixtieq li fit-talb tiegħi nesprimi iktar dak li nħoss.
□ Affarijiet oħrajn
Tiftaħ il-“Bieb”
It-talb hu bħal bieb li tistaʼ tiftħu fi kwalunkwe ħin. Madankollu, ħafna żgħażagħ ġeneralment jgħidu li ma jiftħux il-bieb daqstant spiss jew b’daqstant libertà kif suppost. Jekk dan hu l-każ tiegħek, taqtax qalbek! Int diġà identifikajt l-isfida u għamilt mira. Issa għandek bżonn biss ċavetta biex tiftaħ il-bieb. Ikkunsidra xi ostakli li tistaʼ tiffaċċja, flimkien maʼ suġġerimenti dwar kif tistaʼ tegħlibhom.
◼ Is-Serratura: TRASKURAĠNI. “Xi drabi, minħabba li għandi ħafna x’nagħmel nittraskura t-talb.”—Preeti, 20 sena, il-Britannja.
Iċ-Ċavetta: “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-ħin bl-aħjar mod, għax il-jiem huma ħżiena.”—Efesin 5:15, 16.
Suġġeriment: Minn qabel, agħżel ħin li jistaʼ jkun tajjeb għalik biex titlob kuljum. Tistaʼ anki tniżżlu fuq karta, bħal meta tniżżel tfakkira għal appuntament. “Jekk ma niffissax ħin speċifiku biex nitlob, nehda b’affarijiet oħrajn,” tgħid Yoshiko mill-Ġappun li għandha 18-il sena.
◼ Is-Serratura: ALJENAZZJONI. “Jien nitlef il-konċentrazzjoni, u donnu moħħi jkun fuq kollox minbarra fuq dak li qed ngħid.”—Pamela, 17-il sena, il-Messiku.
Iċ-Ċavetta: “Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.”—Mattew 12:34.
Suġġeriment: Jekk spiss taħseb f’affarijiet oħrajn waqt li tkun qed titlob, ipprova għid talb iqsar—għallinqas sakemm il-konċentrazzjoni tiegħek titjieb. Idea oħra: Itlob dwar affarijiet li huma importanti ħafna għalik. “Hekk kif bdejt is-snin taʼ l-adoloxxenza,” tgħid Marina mir-Russja li għandha 14-il sena, “bdejt nimmedita fuq il-fatt li t-talb hu komunikazzjoni vera m’Alla. Dan qanqalni biex niftaħ qalbi miegħu fit-talb.”
◼ Is-Serratura: RUTINA. “Meta nitlob, insib ruħi ngħid l-istess kliem darba wara l-oħra.”—Dupe, 17-il sena, Benin.
Iċ-Ċavetta: “Se nimmedita fuq l-attività tiegħek kollha, u nikkunsidra għemilek.”—Salm 77:12.
Suġġeriment: Jekk it-talb tiegħek donnu qed isir awtomatiku, kuljum niżżel bil-miktub mod speċifiku kif Ġeħova bierkek. U mbagħad irringrazzja lil Ġeħova għal din il-barka. Kompli agħmel hekk għal ġimgħa sħiħa, u hekk int tkun tlabt fuq sebaʼ suġġetti ġodda mingħajr ma tkun irripetejt l-istess affarijiet. Agħmel l-istess bl-affarijiet taʼ kuljum. “Meta nitlob, nipprova niffoka fuq affarijiet li jkunu ġraw dakinhar,” jgħid Bruno, taʼ 21 sena mill-Brażil. Samantha, taʼ 18-il sena li hi mill-Istati Uniti, tagħmel l-istess. “Nipprova niftakar kull ħaġa li llum kienet differenti minn ġranet oħrajn, u mbagħad nitlob dwar dawk l-affarijiet,” tgħid hi. “Dan jgħinni biex ma ngħidx l-istess kliem darba wara l-oħra.”b
◼ Is-Serratura: DUBJU. “Darba tlabt dwar problema fl-iskola, imma xorta baqgħet hemm. Fil-fatt, inqalgħu iktar problemi. Ħsibt, ‘Għala għandi nkompli nitlob? Ġeħova xorta m’huwiex jismaʼ!’”—Minori, 15-il sena, il-Ġappun.
Iċ-Ċavetta: “Mat-tentazzjoni [Alla Ġeħova] jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.”—1 Korintin 10:13.
Suġġeriment: Ħaġa waħda hi ċerta: Ġeħova hu “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2) Għalhekk wara li titlob dwar xi kwistjoni, ipprova ifhem is-sitwazzjoni iktar bis-sħiħ. Minflok ma toqgħod tistenna t-tweġiba li tixtieq, ipprova ara jekk hux diġà ġejt imwieġeb. Il-fatt li għadek tissaporti bħala Kristjan ifisser li probabbilment Ġeħova jkun tak tweġiba għat-talb tiegħek—mhux billi neħħa l-problema imma billi tak is-saħħa biex tissaportiha.—Filippin 4:13.
◼ Is-Serratura: MISTĦIJA. “Meta naħseb x’se jgħidu sħabi taʼ l-iskola jekk jarawni nitlob qabel l-ikel, nibda nistħi.”—Hikaru, 17-il sena, il-Ġappun.
Iċ-Ċavetta: “Hemm . . . żmien xieraq għal kull ma rridu nagħmlu.”—Ekkleżjasti 3:1, Beck.
Suġġeriment: Waqt li kultant nies li jarawk titlob jaħsbu li hu tajjeb li int titlob, m’għandekx għalfejn tagħmel it-talb tiegħek spettaklu pubbliku. Per eżempju, jidher ċar li t-talba qasira li Neħemija, li kien leali, offra quddiem is-Sultan Artaserse kien qalha f’qalbu, u m’hemm l-ebda indikazzjoni li s-sultan induna li Neħemija kien qiegħed jitlob. (Neħemija 2:1-5) Int ukoll tistaʼ toffri talba f’qalbek lil Ġeħova mingħajr ma tiġbed attenzjoni lejk innifsek.—Filippin 4:5.
◼ Is-Serratura: TĦOSS LI MA JISTĦOQQLOKX. “Ġeħova diġà jaf dwar il-problemi tiegħi. U jekk jien xbajt minnhom, inħoss li probabbilment anki hu xebaʼ! Kultant ma nħossx li jistħoqqli nitkellem miegħu.”—Elizabeth, 20 sena, l-Irlanda.
Iċ-Ċavetta: ‘Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.’—1 Pietru 5:7.
Suġġeriment: Bħala proġett għal studju persunali, agħmel riċerka u mmedita fuq l-iskritturi li ġejjin: Luqa 12:6, 7; Ġwanni 6:44; Ebrej 4:16; 6:10; 2 Pietru 3:9. Dawn il-versi se jgħinuk tirrealizza li Ġeħova jrid jismaʼ mingħandek u li m’għandekx għalfejn tkun Kristjan straordinarju biex hu jismaʼ t-talb tiegħek. Is-salmista David—li żgur kellu ansjetà u niket matul ħajtu—esprima l-fiduċja li “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”c—Salm 34:18.
Il-fatt li Ġeħova nnifsu jismaʼ t-talb tiegħek juri l-interess tiegħu fik. “Ġeħova ma qabbadx lill-anġli biex jisimgħu t-talb tagħna,” tgħid Nicole li għandha 17-il sena u li hi mill-Italja. “Ovvjament, ladarba hu personalment jismaʼ t-talb tagħna, mela bilfors li jikkunsidrah bħala li hu importanti.”
Iktar artikli mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” jinstabu fuq il-Web site www.watcthower.org/ype
[Noti taʼ taħt]
a Minħabba li l-Ħallieq ma jiddependix minn ħsejjes biex jismaʼ, hu jistaʼ saħansitra “jismaʼ” espressjonijiet li ngħidu f’qalbna mingħajr ma llissnuhom.—Salm 19:14.
b Ara “Il-Ħarsa tal-Bibbja: Alla Kif Iħares Lejn l-Affarijiet li Jgħinuk Biex Tagħti Qima?” f’paġna 18.
c Jekk qed tħoss li t-talb tiegħek hu mfixkel minħabba dnub serju min-naħa tiegħek, għandek titkellem mal-ġenituri tiegħek. Ukoll, ‘sejjaħ lill-anzjani tal-kongregazzjoni’ għall-għajnuna. (Ġakbu 5:14) L-anzjani jistgħu jgħinuk biex terġaʼ tibni r-relazzjoni tiegħek m’Alla.
AĦSEB DWAR DAN
◼ X’inhuma xi affarijiet importanti għal Ġeħova li int tistaʼ titlob dwarhom?
◼ Liema kwistjonijiet li jeffettwaw lil oħrajn tistaʼ titlob lil Ġeħova dwarhom?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 17]
DAK LI JGĦIDU SĦABEK
“It-talb hu bħal djarju sigriet, li int u Ġeħova biss tarawh.” —Olayinka, in-Niġerja.
“Immaġina li għandek ħabib tal-qalb u tajtu ħafna rigali. U mbagħad, darba waħda, dan il-ħabib ma jibqax ikellmek. Hekk iħossu Ġeħova jekk nieqfu nitolbu lilu.”—Chinta, l-Awstralja.
“Jien dejjem ħsibt li hu ħażin li nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi. Il-privileġġ tat-talb għenni nirrealizza li m’huwiex ħażin li nkun ferħana u mdejqa u konfuża u nesprimi kif inħossni lil Ġeħova. Issa naf kif nieħu ħsieb l-emozzjonijiet tiegħi b’mod aħjar u iktar taʼ benefiċċju.”—Amber, l-Istati Uniti.
[Stampa f’paġna 16]
Jekk il-bieb tat-talb jidher magħluq, uża ċ-ċwievet provduti fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja