Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qari tal-Bibbja Pjaċevoli?
Kemm taqraha spiss il-Bibbja? (Immarka waħda)
□ Kuljum
□ Kull ġimgħa
□ Ħin ieħor ․․․․․
Kompli s-sentenza li ġejja.
Meta ma niħux pjaċir naqra l-Bibbja, ġeneralment ikun minħabba li . . . (Immarka dawk kollha li japplikaw)
□ Ma nsibux interessanti
□ Ma nkunx qed nifhem
□ Ikun hemm xi jtellifni
□ Raġuni oħra ․․․․․
TĦOSSOK bla ħeġġa biex taqra l-Bibbja? Jekk iva, għandek mnejn taqbel ma’ Will li għandu 18-il sena u li qal, “Il-Bibbja tistaʼ tidher li mhix interessanti.” Madankollu, hu jkompli jgħid, “Dan jiġri biss jekk ma tkunx taf kif għandek taqraha.”
Għala għandek titgħallem kif taqra l-Bibbja? Tixtieq tkun taf iktar dwar kif
◼tieħu deċiżjonijiet tajbin?
◼tagħmel ħbieb veri?
◼tkampa ma’ l-istress?
Il-Bibbja fiha għerf, li jistaʼ jitqabbel ma’ ġawhar, dwar dawn is-suġġetti u oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, għandek mnejn ikollok tagħmel sforz biex issib dan il-ġawhar. Imma meta tagħmel dan l-isforz tkun qisek qed tfittex xi teżor: Iktar ma tkun taʼ sfida t-tfittxija, iktar tkun eċċitanti s-sejba!—Proverbji 2:1-6.
Kif tistaʼ ssib teżori fil-Bibbja? Il-kaxxa man-naħa tal-lemin taʼ din il-paġna, li tistaʼ taqtagħha u żżommha, se tagħtik idea taʼ kif għandek taqra l-Bibbja u—fuq wara tagħha—f’liema ordni tistaʼ taqraha. Ukoll, ipprova s-suġġerimenti li jolqtu lilek fil-paġni li ġejjin.
Iktar artikli mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” jinstabu fuq il-Web site www.watcthower.org/ype
Jekk int għandek aċċess għall-Internet, tistaʼ taqra l-Bibbja fuq il-Web site www.watchtower.org/e/bible
AĦSEB DWAR DAN
Intqal li dak li se takkwista minn xi ħaġa jiddependi ħafna minn kemm tinvesti fiha.
◼ Dan kif inhu minnu fejn jidħol il-qari tal-Bibbja?
◼ Meta tistaʼ tagħmel il-ħin għall-qari persunali tal-Bibbja?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 23]
KIF TAQRA L-BIBBJA
Qabel ma taqra . . .
◼ Kun ċert li tkun xi mkien għall-kwiet sabiex tkun tistaʼ tikkonċentra.
◼ Itlob biex tkun tistaʼ tifhem.
Waqt li qed taqra . . .
◼ Uża mapep u stampi taʼ rakkonti Bibliċi biex jgħinuk timmaġina xeni mill-Bibbja.
◼ Ikkunsidra l-isfond, u analizza d-dettalji.
◼ Aqra n-noti taʼ taħt u fittex ir-referenzi marġinali.
◼ Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal:
IL-FATTI: Dan meta seħħ? Min qal dan il-kliem? Lil min indirizzah?
IT-TIFSIR: Jien kieku kif nispjega dan lil xi ħadd ieħor?
IL-VALUR: Alla Ġeħova għala inkluda dan ir-rakkont fil-Kelma tiegħu? X’jgħallimna dwar il-personalità tiegħu jew il-mod kif jagħmel l-affarijiet? Liema lezzjonijiet nistaʼ napplika f’ħajti?
Wara l-qari . . .
◼ Agħmel iktar riċerka. Uża l-għodod provduti mix-Xhieda taʼ Ġeħova, bħall-ktieb Insight on the Scriptures u “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” jekk huma disponibbli b’lingwa li tifhimha.
◼ Erġaʼ itlob. Għid lil Ġeħova dak li tgħallimt u kif bi ħsiebek tapplikah. Irringrazzjah għall-Kelma tiegħu, il-Bibbja.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 24]
F’LIEMA ORDNI SE TAQRA L-BIBBJA?
L-għażliet . . .
□ Aqraha minn qoxra sa qoxra.
□ Aqraha b’mod kronoloġiku; skond l-ordni li l-kotba ġew miktubin jew skond l-ordni li seħħew il-ġrajjiet.
□ Kuljum, aqra minn sezzjoni differenti taʼ l-Iskrittura.
It-Tnejn: Storja mimlija azzjoni (Ġenesi sa Ester)
It-Tlieta: Il-ħajja u t-tagħlim taʼ Ġesù (Mattew sa Ġwanni)
L-Erbgħa: Il-Kristjanità tal-bidu (Atti)
Il-Ħamis: Il-profezija u l-gwida morali (Isaija sa Malakija, Rivelazzjoni)
Il-Ġimgħa: Poeżiji u għanjiet li jmissu l-qalb (Ġob, Salmi, L-Għanja taʼ Salamun)
Is-Sibt: Għerf għall-ħajja taʼ kuljum (Proverbji, Ekkleżjasti)
Il-Ħadd: Ittri lill-kongregazzjonijiet (Rumani sa Ġuda)
Tagħżel liema ordni tagħżel, kun żgur li timmarka sa fejn tkun qrajt! Agħmel ✔ ħdejn kull kapitlu li tlesti, jew b’xi mod ieħor agħmel nota tal-kapitli li tkun qrajt.
Qasqas din il-kaxxa, u żommha fil-Bibbja tiegħek!
[Kaxxa/Dijagramma f’paġna 24]
AGĦMEL L-ISKRITTURA ĦAJJA!
Sib modi kif tagħmel il-qari tal-Bibbja interessanti. Per eżempju:
□ Biddel listi taʼ ismijiet f’arbli tar-razza.
□ Pinġi dijagrammi. Per eżempju, int u taqra dwar karattru leali, innota kif il-kwalitajiet u l-għemejjel tal-persuna wasslu għal barkiet.—Proverbji 28:20.
[Dijagramma]
Il-Ħabib t’Alla
↑ Ubbidjenti
↑ Leali
↑ ↑
Abraham
□ Pinġi stampi biex ir-rakkont ikun iktar spjegat.
□ Pinġi sensiela taʼ stampi sempliċi biex turi kif ċerti ġrajjiet seħħew wara xulxin. Iddeskrivi x’qed jiġri f’kull xena.
□ Ibni mudell żgħir taʼ xi struttura, bħall-arka taʼ Noè.—Per eżempju, ara l-Awake! taʼ Jannar 2007, paġna 22.
□ Aqra b’leħen għoli ma’ xi ħbieb jew membri tal-familja. Suġġeriment: Inkariga persuna waħda biex tkun in-narratur. Oħrajn jistgħu jintgħażlu biex jaqraw il-kliem tal-karattri fil-kapitlu li tkunu qed taqraw.
□ Agħżel rakkont, u dawru f’rapport taʼ l-aħbarijiet. Irrapporta l-ġrajja mill-ħarsa taʼ wħud differenti billi tinkludi “intervisti” mal-karattri prinċipali u max-xhieda.
□ Agħżel rakkont li fih karattru ħa deċiżjoni mhix għaqlija u immaġina tmiem differenti! Per eżempju, ikkunsidra meta Pietru ċaħad lil Ġesù. (Marku 14:66-72) Pietru kif setaʼ rreaġixxa aħjar għal din is-sitwazzjoni diffiċli?
□ Ara jew ismaʼ drammi Bibliċi rikordjati.
□ Ikteb drama tiegħek stess. Inkludi lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mir-rakkont.—Rumani 15:4.
IDEA: Irreċta din id-drama ma’ grupp żgħir taʼ ħbieb.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 25]
BIEX TĦOSSOK MOTIVAT
◼ Agħmel mira! Hawn taħt ikteb id-data li fiha tixtieq tibda l-programm tiegħek taʼ qari tal-Bibbja.
․․․․․
◼ Agħżel taqsima mill-Bibbja li tinteressak. (Ara l-kaxxa “F’Liema Ordni Se Taqra l-Bibbja?”) Imbagħad ikteb hawn taħt liema parti tal-Bibbja se taqra l-ewwel.
․․․․․
◼ Ibda b’ammont żgħir taʼ ħin. Anki 15-il minuta taʼ qari tal-Bibbja huwa aħjar mix-xejn. Hawn taħt ikteb kemm tistaʼ twarrab ħin għal din l-attività.
․․․․․
Suġġeriment: Żomm Bibbja li tużaha biss għall-istudju. Fiha ikteb in-noti. Immarka l-versi li jfissru ħafna għalik.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 25]
DAK LI JGĦIDU SĦABEK
“Nipprova naqra ftit mill-Bibbja kull fil-għaxija qabel ma nidħol norqod. B’hekk ikolli xi ħaġa siewja fuq xiex naħseb qabel ma norqod.”—Megan.
“Jien niffoka fuq vers wieħed għal 15-il minuta. Naqra kull nota taʼ taħt, infittex kull referenza marġinali, u nagħmel xi riċerka oħra. Kultant ma nispiċċax vers f’darba, imma nibbenefika ħafna mill-qari tiegħi b’dan il-metodu!”—Corey.
“Darba qrajt il-Bibbja f’10 xhur. B’dan il-pass rajt qbil bejn partijiet differenti tal-Bibbja li qatt ma kont innotajt qabel.”—John.
[Kaxxa f’paġna 25]
L-GĦAŻLA F’IDEJK!
□ Agħżel ġrajja. Il-Bibbja hi mimlija rakkonti veri li huma eċċitanti. Agħżel rakkont li jinteressa lilek, u aqrah mill-bidu sa l-aħħar.
Suġġeriment: Għal ideat dwar kif tibbenefika saħansitra iktar mir-rakkont, ara paġna 292 tal-ktieb “Questions Young People Ask—Answers That Work,” Volume 2, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
□ Agħżel wieħed mill-Evanġelji. Aqra Mattew (l-ewwel Evanġelju li nkiteb), Marku (magħruf għall-pass mgħaġġel tiegħu u għall-fatt li hu mimli azzjoni), Luqa (li jagħti attenzjoni speċjali lit-talb u n-nisa), jew Ġwanni (li jkopri verament ftit minn dak li hemm miktub fl-Evanġelji l-oħrajn).
Suġġeriment: Qabel ma taqra ktieb Bibliku, agħti daqqa t’għajn lejn l-informazzjoni dwaru u dwar min kitbu sabiex ikollok fehma aħjar dwar għala dak l-Evanġelju huwa uniku.
□ Agħżel salm. Per eżempju:
Jekk tħossok waħdek u mingħajr ħbieb, aqra Salm 142.
Jekk tħossok skuraġġit minħabba n-nuqqasijiet tiegħek, aqra Salm 51.
Jekk tiddubita l-valur tal-livelli t’Alla, aqra Salm 73.
Suġġeriment: Żomm lista taʼ salmi li qrajt u li jinkuraġġixxu lilek personalment.
[Kaxxa f’paġna 26]
ĦAFFER IKTAR FIL-FOND
◼ Ikkunsidra l-isfond. Eżamina ż-żmien, il-post, u ċ-ċirkustanzi marbutin mar-rakkont.
Eżempju: Aqra Eżekjel 14:14. Xi kemm kellu żmien Danjel meta Ġeħova semmieh bħala eżempju tajjeb flimkien ma’ Noè u Ġob?
Ħjiel: Eżekjel kapitlu 14 inkiteb ħames snin biss wara li Danjel ġie eżiljat f’Babilonja—x’aktarx bħala adoloxxenti.
Il-ġawhra moħbija: Kien żgħir wisq Danjel biex Ġeħova jinnota l-lealtà tiegħu? Liema deċiżjonijiet għaqlin ġabulu barkiet? (Danjel 1:8-17) L-eżempju taʼ Danjel kif jistaʼ jgħin lilek tieħu deċiżjonijiet tajbin?
◼ Analizza d-dettalji. Kultant sempliċi kelma jew tnejn ikunu sinifikanti.
Eżempju: Qabbel Mattew 28:7 ma’ Marku 16:7. Marku għala inkluda d-dettall li Ġesù dalwaqt kien se jidher lid-dixxipli “u lil Pietru”?
Ħjiel: Marku ma rax dawn il-ġrajjiet b’għajnejh stess; milli jidher, kiseb l-informazzjoni tiegħu mingħand Pietru.
Il-ġawhra moħbija: Pietru għala żgur ħassu moħħu mistrieħ meta semaʼ li Ġesù ried jerġaʼ jarah? (Marku 14:66-72) Ġesù kif wera li kien ħabib veru għal Pietru? Int kif tistaʼ timita lil Ġesù u tkun ħabib veru għal oħrajn?
◼ Agħmel iktar riċerka. Fittex fil-letteratura Biblika għal spjegazzjonijiet.
Eżempju: Aqra Mattew 2:7-15. L-astroloġi meta żaru lil Ġesù?
Ħjiel: Ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Jannar, 2008, paġna 31, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Il-ġawhra moħbija: Ġeħova, evidentement, kif ipprovda materjalment għall-familja taʼ Ġesù waqt li kienu fl-Eġittu? Il-fiduċja f’Alla kif tistaʼ tgħinek tkampa ma’ ċirkustanzi stressanti?—Mattew 6:33, 34.