Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Nistaʼ Nevita l-Perikli taʼ fuq l-Internet?
IMMAĠINA lilek innifsek fl-akbar librerija tad-dinja. Kull xorta taʼ kotba, gazzetti, katalgi, ritratti, u affarijiet irrekordjati—tistaʼ tgħid fuq kull suġġett—jinsabu madwarek. L-informazzjoni kollha taʼ l-aħħar kif ukoll ħafna mil-letteratura tas-sekli li għaddew hija kompletament disponibbli għalik.
Sewwa, permezz taʼ l-Internet din l-informazzjoni tistaʼ tkun disponibbli għalik. Dan jippermetti lil dak li jkun li joqgħod bil-qegħda quddiem il-kompjuter tiegħu u jpartat l-informazzjoni maʼ kompjuters oħrajn u maʼ individwi oħrajn li jkunu qed jużaw il-kompjuter fi kwalunkwe post fid-dinja.a Dawk li jużawh jistgħu jbigħu prodotti, jixtru, jagħmlu transazzjonijiet bankarji, ipaċpċu, jisimgħu l-aħħar siltiet mużikali—kollox fil-privatezza taʼ darhom stess.
Mela, ma niħduhiex bi kbira li xi esperti qed jobsru li iktar minn 320 miljun ruħ se jkunu qed jużaw l-Internet sa l-aħħar taʼ din is-sena. L-użu taʼ l-Internet qiegħed għalhekk isir xi ħaġa komuni f’ħafna partijiet tad-dinja. Billi l-iskejjel u l-libreriji qegħdin jippromwovu kemm jistaʼ jkun l-użu tiegħu, miljuni taʼ żgħażagħ għandhom aċċess għalih. Fl-Istati Uniti, kważi 65 fil-mija taż-żgħażagħ taʼ bejn l-età taʼ 12 u 19-il sena diġà wżaw jew abbonaw ruħhom maʼ servizzi konnessi mal-kompjuters.
Meta jintuża tajjeb, l-Internet jistaʼ jkun sors taʼ informazzjoni utli dwar it-temp, l-ivvjaġġar, u suġġetti oħrajn. Permezz tiegħu tistaʼ tixtri kotba, partijiet għall-karozzi, u affarijiet oħrajn. Ħafna jużawh għax-xogħol taʼ l-iskola.
Għalkemm l-Internet jistaʼ jkun utli, jistaʼ wkoll ikun qisu librerija mingħajr librara jew osservaturi oħrajn. Dak li jkun jistaʼ jħossu li jistaʼ jqalleb fih bla ma jarah ħadd. Imma dan hu wieħed mill-akbar perikli taʼ l-użu taʼ l-Internet. Għala? Għax għadd kbir taʼ Web sites fihom materjal li jikkorrompi moralment u jkisser l-ispiritwalità. B’hekk, l-Internet jistaʼ jesponi lill-Kristjani żgħażagħ għat-tentazzjoni. Wara kollox, il-kurżità hija xi ħaġa naturali fil-bnedmin—tendenza li Satana x-Xitan ilu jabbuża minnha. Satana żgur li ħa vantaġġ mill-kurżità t’Eva u ‘qarraq biha bil-ħażen tiegħu.’—2 Korintin 11:3.
B’mod simili, Kristjan żagħżugħ jistaʼ faċilment jitqarraq b’informazzjoni taʼ ħsara jekk ma jkunx determinat li jgħasses l-ispiritwalità tiegħu. Artiklu f’Better Homes and Gardens spjega: ‘L-Internet huwa qasam eċċitanti fejn pijunieri brillanti joffru l-aħħar informazzjoni; imma pedofili, imbroljuni, estremisti, u karattri b’morali xejn sbieħ ukoll iħufu fis-sistema tal-kompjuters.’
Żagħżugħ jismu Javierb jgħid: “Ċerti Web sites jixxokkjawk. Jistgħu jitfaċċaw f’daqqa waħda mingħajr avviż.” Hu jkompli: “Qed jipprovaw jaqbduk f’nassa. Iridu jħajruk—jiħdulek flusek.” Żagħżugħ Kristjan jismu John jammetti: “Ladarba tibda tara materjal mhux xieraq, ikun diffiċli li tieqaf—huwa bħal droga qawwija.” Xi żgħażagħ Kristjani daħlu f’xi Web sites taʼ ħsara, u dan wassalhom għal inkwiet iktar gravi. Xi wħud saħansitra kisru r-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah. Dan kif jistaʼ jiġi evitat?
“Jħarsu lejn il-Frugħa”
Xi kultant l-indirizz stess tal-Web site jindika biċ-ċar li s-site fiha materjal oġġezzjonabbli.c Proverbji 22:3 jwissi: “Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.”
Iżda, problema iktar komuni hija li n-nies għandhom mnejn jispiċċaw f’site oġġezzjonabbli purament b’kumbinazzjoni. Il-paġna tal-bidu jistaʼ jkun fiha stampi li jispikkaw illi jkunu ġew disinjati bir-reqqa biex iħajruk tesplora s-site—u li terġaʼ tmur fiha darba wara l-oħra!d
Kevin jiddeskrivi xi ġralu wieħed minn ħbiebu: “Kellu ħafna ħin liberu u kien kurjuż. Malajr beda jara l-pornografija b’mod regulari.” Għallinqas, dan il-Kristjan żagħżugħ fittex anzjan u rċieva l-għajnuna.
Iddeterminajt int x’tagħmel jekk tispiċċa f’site bħal din? Dak li għandu jagħmel Kristjan huwa ċar: Iħalli s-site immedjatament—jew saħansitra joħroġ għalkollox mill-browser taʼ l-Internet! Kun bħas-salmista li talab: “Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa.” (Salm 119:37; qabbel Ġob 31:1.) Ftakar li anki jekk l-ebda bniedem ieħor ma jkun qed josservana, hemm xi ħadd jarana. Il-Bibbja tfakkarna li kollox “hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.”—Lhud 4:13.
Jekk titkellem mal-ġenituri tiegħek jew maʼ Kristjani maturi oħrajn tistaʼ tissaħħaħ fid-determinazzjoni tiegħek biex ma terġax iżżur sites li jagħmlu ħsara. Wara kollox, kieku kellek taqaʼ fil-ħama, kont int se titqabad sakemm tkun inżilt s’għonqok qabel ma tgħajjat għall-ajjut?
Xi Ngħidu għal Sħubija On-Line?
Permezz taʼ chat, dawk li jużaw l-Internet madwar id-dinja kollha jkunu jistgħu jikkomunikaw flimkien fl-istess waqt. Dawk bin-negozju jużawh għal konferenzi on-line u biex jipprovdu servizzi għall-konsumaturi. Permezz taʼ ċerti chat rooms, xi wħud ikunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni dwar kwistjonijiet tekniċi, bħalma huma tiswijiet tal-karozzi jew l-ipprogrammar tal-kompjuter. Ċerti għamliet taʼ chat jagħmluha possibbli għal ħbieb u membri tal-familja biex jikkomunikaw fil-privat mingħajr l-ispejjeż taʼ telefonati minn distanzi twal. Għalkemm għandu mnejn ikun hemm użu leġittimu għal dan il-mezz, jistaʼ jkun hemm xi perikli?
Tassew hemm bżonn t’attenzjoni kbira meta tkun se tuża ċ-chat rooms, għax dawn jistaʼ jkun fihom ċerti perikli. Il-kittieba Leah Rozen osservat: “Adolexxenti b’għarfien teknoloġiku qed iqattgħu sigħat sħaħ ipaċpċu online maʼ stranġieri anonimi mal-pajjiż u, anki, mad-dinja kollha. B’dispjaċir, xi wħud minn dawk l-istranġieri li l-adolexxenti għandhom mnejn ikunu qed jitkellmu magħhom online jagħti l-fatt li huma wkoll adulti perversi li jfittxu appuntamenti sesswali mat-tfal.” Artiklu f’Popular Mechanics wissa li “trid toqgħod b’sebaʼ għajnejn” meta tuża ċ-chat rooms pubbliċi. Billi tagħti ismek jew l-indirizz tiegħek lil stranġier tistaʼ tkun qed tistieden inkwiet kbir! Għala tidħol fil-periklu minn rajk?
Iżda, periklu iktar sottili jinsab f’li tinqabad fin-nassa taʼ sħubija mhix xierqa maʼ stranġieri li ma jirrispettawx prinċipji Bibliċi.e Ir-riċerkaturi jgħidu li ħafna mid-diskors taʼ l-adolexxenti fiċ-chat rooms jiffoka fuq suġġetti sesswali. Il-parir tal-Bibbja fl-1 Korintin 15:33 b’hekk huwa xieraq: “La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba.” Ħbiberija ħażina permezz tal-kollegament bil-kompjuter hija perikoluża. Għandu żagħżugħ li jibżaʼ minn Alla jesponi ruħu kif ġie ġie għal riskji bħal dawn?
Protezzjonijiet
Meta tqis il-perikli li fih l-Internet, trid tużah b’attenzjoni kbira. Per eżempju, xi familji jqegħdu l-kompjuter f’post fid-dar li l-ħin kollu jgħaddu minnu, bħas-salott. Jistgħu wkoll jistabbilixxu r-regola li l-Internet jintuża biss meta jkun hemm oħrajn fid-dar. Jekk il-ġenituri jistabbilixxu restrizzjonijiet bħal dawn, ikkoopera. (Proverbji 1:8) Linji taʼ gwida ċari huma evidenza taʼ mħabbithom.
Jekk ikollok bżonn tuża l-Internet minħabba x-xogħol taʼ l-iskola, għala ma żżommx nota taʼ kemm tqattaʼ ħin on-line? Ipprova ddeċiedi minn qabel kemm se tqattaʼ ħin, billi tuża żveljarin biex ifakkrek meta jgħaddilek il-ħin. Tom jissuġġerixxi: “Ippjana bil-quddiem, kun af eżattament dak li qed tfittex, u żomm mal-pjan—ikunu kemm ikunu jidhru interessanti affarijiet oħrajn.”
Hemm bżonn t’attenzjoni kbira wkoll meta tkun se tuża l-E-mail. Iż-żgħażagħ Kristjani jridu joqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex ma jinqabdux fin-nassa taʼ li jaqraw kwantità vasta taʼ E-mail, speċjalment jekk ħafna mill-informazzjoni ma tkunx serja jew ma jkollix bażi soda. Użu eċċessiv taʼ l-E-mail jistaʼ jisraqlek il-ħin meħtieġ għax-xogħol taʼ l-iskola u għal attivitajiet spiritwali.
Is-Sultan Salamun qal: “Il-kotba joktru bla heda, u l-istudju żejjed jgħajji l-ġisem.” (Koħèlet 12:12) Dan il-kliem japplika tajjeb għall-Internet. Tinvolvix ruħek daqshekk f’li toqgħod tfittex għal fatti u figuri li tittraskura l-istudju persunali tal-Bibbja u l-parteċipazzjoni fil-ministeru Kristjan. (Mattew 24:14; Ġwann 17:3; Efesin 5:15, 16) Ftakar, ukoll, li filwaqt li tikkomunika bil-kompjuter jistaʼ jkun f’loku, m’hemm xejn li jieħu post il-kuntatt maʼ Kristjani sħabek wiċċ imbwiċċ. Allura jekk trid verament tuża l-Internet, ħu deċiżjoni soda li tużah bil-għaqal. Evita Web sites perikolużi, u tqattax ħin żejjed on-line. “Ħares lil qalbek,” u qatt issir skjav taʼ l-Internet.—Proverbji 4:23.
[Noti taʼ taħt]
a Ara s-serje “The Internet—Is It for You?” li dehret fil-ħarġa taʼ l-Awake!, tat-22 taʼ Lulju, 1997.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.
c L-indirizz tal-Web site huwa dik is-sensiela taʼ ittri u simboli li tuża biex tidħol fil-Web site. Ġieli l-indirizzi jkun fihom kliem li jidentifikaw l-iskop tas-site.
d Il-paġna tal-bidu (home page) qisha vetrina taʼ xi ħanut. Din tispjega x’toffri s-site, min ħoloqha, u affarijiet oħrajn.
e Perikli bħal dawn jistgħu jeżistu f’chat rooms pubbliċi li jkunu stabbilew xi Kristjani b’intenzjoni tajba li l-iskop tagħhom ikun li jiddiskutu affarijiet spiritwali. Nies diżonesti u apostati xi kultant ngħaqdu f’dawn id-diskussjonijiet u b’mod sottili pprovaw jipperswadu lil oħrajn biex jaċċettaw l-ideat mhux skritturali tagħhom.
[Kumment f’paġna 20]
“Ċerti Web sites jixxokkjawk. Jistgħu jitfaċċaw f’daqqa waħda mingħajr avviż”
[Kumment f’paġna 21]
Xi familji jqegħdu l-kompjuter f’parti aċċessibbli fid-dar