Mapep fis-Smewwiet—Dakinhar u Llum
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-OLANDA
ID-DEHRA tal-kwiekeb imxerrdin mas-sema iswed u bellusi kemm-il darba saħħritu lill-bniedem, u matul l-istorja din qanqlitu biex jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu lejn il-Ħallieq taʼ sbuħija bħal din. Żmien twil ilu, wieħed poeta esklama: “Is-smewwiet ixandru l-glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.” (Salm 19:2 [19:1, NW]) Madankollu, nies tal-qedem li kienu josservaw is-sema bil-lejl ma kinux iħarsu lejn is-sbuħija biss.
Jinstabu Figuri fis-Sema
Fil-passat, l-astronomi ndunaw li l-kwiekeb kollha kienu jidhru mexjin fl-ordni. Għalkemm il-kwiekeb kienu jaqsmu s-sema mil-lvant għall-punent, dawn ma kinux ibiddlu l-pożizzjonijiet tagħhom f’relazzjoni maʼ xulxin.a Fi kliem ieħor, f’kull lejl kienu jidhru l-istess gruppi speċifiċi taʼ kwiekeb. Peress li l-bniedem ried li jkun hemm ftit taʼ l-ordni f’dawn it-tikek bla għadd taʼ dawl, hu ġabar il-kwiekeb fi gruppi. Bi ftit immaġinazzjoni, dawn il-gruppi kienu jixbhu lil annimali, nies, jew oġġetti bla ħajja. B’dan il-mod, bdiet id-drawwa li konfigurazzjonijiet speċifikati taʼ kwiekeb jitqiesu bħala kostellazzjonijiet.
Xi ftit mill-kostellazzjonijiet li nafu bihom illum ġew deskritti għall-ewwel darba f’Babilonja tal-qedem. Fost dawn hemm it-12-il kostellazzjoni li jirrappreżentaw lis-sinjali taż-żodjaku. Dawn kellhom—u għad għandhom—irwol importanti fl-astroloġija, id-divinazzjoni tal-mod kif il-kwiekeb huma maħsubin li jinfluwenzaw l-affarijiet tal-bnedmin. Iżda, li jiġu mfittxijin sinjali taʼ teħbir fil-kwiekeb huwa kundannat fil-Bibbja. (Dewteronomju 18:10-12) Madankollu, l-adoraturi t’Alla Jehovah kienu konxji taʼ l-eżistenza tal-kostellazzjonijiet. Per eżempju, il-ktieb Bibliku taʼ Ġob jitkellem dwar Jehovah bħala l-wieħed li ‘ħalaq l-Ors u l-Ġgant u t-Trajja.’—Ġob 9:9.
L-ismijiet taʼ ħafna mill-kostellazzjonijiet li nafu bihom illum ġejjin mill-mitoloġija Griega. Ismijiet bħal Ċefews, Kassjopea, Andromeda, u Erkole għadek tistaʼ ssibhom fuq tabelli moderni tal-kwiekeb.
Tabelli tal-Kwiekeb mill-Passat
Madwar is-sena 150 E.K., l-astronomu Grieg Ptolomew ipproduċa ġabra fil-qosor tat-tagħrif astronomiku li kien magħruf fi żmienu. Din il-ġabra, intitolata Almagest, fiha lista taʼ 48 kostellazzjoni. Tabelli u atlasijiet tas-sema li ġew magħmulin fis-sekli taʼ wara Ptolomew ġeneralment kienu jsemmu dawn l-istess 48 kostellazzjoni. Fil-fatt, sa madwar is-seklu 16, in-numru taʼ kostellazzjonijiet ma nbidilx.b Iktar tard, żdiedu 40 kostellazzjoni oħra. Fl-1922 l-Unjoni Astronomika Internazzjonali adottat uffiċjalment il-lista taʼ dawn it-88 kostellazzjoni.
Minbarra l-kostellazzjonijiet, il-pubblikazzjoni taʼ Ptolomew tinkludi lista taʼ iktar minn elf kewkba, b’tagħrif dwar id-dija tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-sema. Ptolomew ma jagħtix biss il-pożizzjoni lonġitudinali u latitudinali taʼ kewkba fis-sema imma jżid iktar dettalji. Per eżempju, kewkba waħda fil-kostellazzjoni taʼ l-Orsa Maġġuri, jew l-Ors il-Kbir, hija deskritta bħala “l-kewkba fil-bidu tad-denb,” u l-pożizzjoni taʼ kometa tingħata bħala li hija “fuq ix-xellug taʼ l-irkoppa l-leminija t’Andromeda.” B’hekk, “kull astronomu tajjeb,” jgħid ktieb minnhom, “kellu jkun jafha sew l-anatomija ċelestjali!”
Iżda, il-biċċa l-kbira tal-kostellazzjonijiet tal-qedem għala jinsabu fis-sema tat-tramuntana? Dan għaliex id-drawwa li ċerti gruppi taʼ kwiekeb jitqiesu bħala kostellazzjonijiet oriġinat fl-inħawi tal-Mediterran, fejn jidher is-sema tat-tramuntana, jispjega wieħed uranografu, jew kartografu tas-sema. Kien biss iktar tard, meta l-bniedem beda jesplora s-sema tan-nofsinhar, li ġew identifikati kostellazzjonijiet ġodda. Xi ftit minn dawn il-kostellazzjonijiet li ġew skoperti reċentement għandhom ismijiet bħal Forn Kimiku, Arloġġ bil-Pendlu, Mikroskopju, u Teleskopju.
“Is-Sema Kristjan Mimli Kwiekeb”
Fl-1627, l-istudjuż Ġermaniż Julius Schiller ippubblika atlas tal-kwiekeb bit-titlu Coelum Stellatum Christianum (Is-Sema Kristjan Mimli Kwiekeb). Hu ħass li kien wasal iż-żmien li jitneħħa l-paganiżmu mis-smewwiet. Għaldaqstant, irħielha biex ineħħi l-figuri pagani mis-sema u jibdilhom maʼ figuri mill-Bibbja. Il-ktieb The Mapping of the Heavens jispjega li hu assenja “s-smewwiet tat-tramuntana lit-Testment il-Ġdid u tan-nofsinhar lit-Testment il-Qadim.” “L-emisferu tan-nofsinhar taʼ Schiller inbidel f’serje taʼ suġġetti mit-Testment il-Qadim—Ġob jieħu post l-Indjan u l-Pagun, iċ-Ċentawr jinbidel f’Abraham u Iżakk.” Fl-Emisferu tat-Tramuntana, “Kassjopea ssir Marija Maddalena, Perseus San Pawl, filwaqt li t-tnax-il sinjal taż-Żodjaku b’mod konvenjenti jiħdulhom posthom it-tnax-il appostlu.”
Kostellazzjoni żgħira waħda biss baqgħet teżisti wara din it-tindifa. Din kienet Columba (Ħamiema), li suppost kienet tirrappreżenta l-ħamiema li Noè kien bagħat biex issib art niexfa.
Bidliet fil-Mapep
Maż-żmien, id-dehra tat-tabelli tal-kwiekeb inbidlet. Fis-seklu 17, wara l-invenzjoni tat-teleskopju, qam il-bżonn taʼ tabelli li kienu jipprovdu pożizzjonijiet iktar eżatti tal-kwiekeb. Flimkien maʼ dan, it-tiżjin elaborat li kien jimla t-tabelli bikrin sar inqas prominenti u eventwalment ma baqax jidher. Illum, il-biċċa l-kbira taʼ l-atlasijiet tal-kwiekeb fihom biss kwiekeb, għenieqed taʼ kwiekeb, nebuli, galassji, u oġġetti oħra taʼ interess għal min josserva s-sema bil-lejl.
F’nofs is-seklu 19 bdew joħorġu katalgi iktar dettaljati. Wieħed mill-pijunieri f’dan il-qasam kien l-astronomu Ġermaniż Friedrich Wilhelm Argelander. Flimkien maʼ għadd taʼ assistenti, hu imbarka fuq proġett enormi taʼ li jagħmel katalgu tal-kwiekeb fis-sema tat-tramuntana. Permezz taʼ teleskopju, dawn sabu madwar 325,000 kewkba u kejlu l-pożizzjoni u l-grad taʼ dija taʼ kull waħda minnhom. Peress li l-osservatorju li ħadmu fih kien jinsab fil-belt Ġermaniża taʼ Bonn, il-katalgu sar magħruf bħala l-Bonner Durchmusterung (Stħarriġ Ġenerali taʼ Bonn). Dan ġie pubblikat fl-1863. Wara l-mewt taʼ Argelander, xogħlu tkompla minn wieħed mill-assistenti tiegħu. Dan għamel mappa tal-kwiekeb tas-sema tan-nofsinhar u ppubblika x-xogħol tiegħu bħala s-Südliche Bonner Durchmusterung (Stħarriġ Ġenerali tan-Nofsinhar taʼ Bonn). L-istħarriġ finali ġie pubblikat fl-1930. Dan ġie pubblikat f’Cordoba, l-Arġentina. Dawn il-katalgi għadhom taʼ valur sal-ġurnata tal-lum.
Bħalissa u fil-Futur
Ix-xogħol taʼ Argelander u s-suċċessuri tiegħu ġie segwit minn katalgi saħansitra aħjar. Madankollu, fi snin iktar reċenti, bil-wasla tat-teleskopji spazjali, bravuri fil-mod kif isiru l-mapep illi qabel lanqas biss kienu jissemmew saru possibbli. Bl-għajnuna tat-Teleskopju Spazjali Hubble, l-astronomi issa għaqqdu katalgu li fih madwar 15-il miljun kewkba!
Żvilupp reċenti li sar fil-mod kif isiru l-mapep tas-smewwiet huwa l-ippubblikar taʼ żewġ katalgi ġodda mill-Aġenzija Spazjali Ewropea. Dawn huma bbażati fuq osservazzjonijiet li saru bit-teleskopju spazjali tas-satellita Hipparcos. S’issa għad m’hawn xejn li jħabbatha maʼ l-eżattezza taʼ dawn il-katalgi. Atlasijiet ġodda tal-kwiekeb li ġew stampati ntgħamlu skond dawn il-katalgi. Wieħed minnhom huwa atlas dettaljat maqsum fi tliet volumi bl-isem taʼ Millennium Star Atlas.
Dan it-titlu għandu mnejn ifakkar lill-qarrejja tal-Bibbja fil-Millennju, jew ir-Renju t’Elf Sena taʼ paċi taʼ Kristu, imsemmi fil-Bibbja. (Apokalissi 20:4) Matul dak iż-żmien, m’hemm ebda dubju li l-bniedem se jitgħallem ħafna iktar dwar l-univers taʼ l-għaġeb, univers li saħansitra l-akbar atlasijiet tal-kwiekeb li għandna llum fihom il-mapep taʼ parti żgħira biss minnu.
[Noti taʼ taħt]
a In-nies tal-qedem ma kinux jafu li l-kwiekeb jidhru donnhom mexjin peress li d-dinja ddur fuqha nfisha. Għal din l-istess raġuni, ix-xemx tidher titlaʼ u tinżel.
b Dawn it-48 kostellazzjoni kienu magħrufin fil-Mesopotamja, fil-Mediterran, u fl-Ewropa. Iktar tard, saru magħrufin ukoll minn dawk li emigraw lejn l-Amerka taʼ Fuq u l-Awstralja. Madankollu, nies oħra, bħaċ-Ċiniżi u l-Indjani taʼ l-Amerka taʼ Fuq, kienu jimxu maʼ diviżjoni differenti tas-sema.
[Stampa f’paġna 25]
Tabella tal-Kwiekeb t’Apian, 1540
[Sors]
Bil-permess tal-British Library (Maps C.6.d.5.: Apian’s Star Chart)
[Stampa f’paġna 26]
L-Emisferu tan-Nofsinhar skond il-mappa li saret fis-seklu 19
[Sors]
© 1998 Visual Language
[Stampa f’paġna 27]
Il-kostellazzjoni t’Orjone kif tidher fuq tabella tal-kwiekeb moderna
[Sors tal-istampa f’paġna 27]
L-isfond f’paġni 25-7: Bil-korteżija taʼ ROE/Anglo-Australian Observatory, ritratt minn David Malin