LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 4/8 pp. 24-27
  • X’Inhu El Niño?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Inhu El Niño?
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Jibda meta Jisħnu l-​Ilmijiet
  • Ġej mir-​Riħ u l-​Ilma
  • Bħal Blata Kbira f’Nofs taʼ Wied
  • Kemm Jistaʼ Jsir Tbassir Dwaru?
Stenbaħ!—2000
g00 4/8 pp. 24-27

X’Inhu El Niño?

Ix-​xmara Apurímac, li normalment tkun niexfa, tinsab ħdejn Lima fil-​Perù. Meta din ġarret kważi dak kollu li kellha Carmen, hi lmentat: “Ħafna nies ġralhom hekk, ħafna u ħafna. Jien m’iniex l-​unika waħda.” Iktar ’il fuq lejn it-​tramuntana niżlet xita bil-​qliel. Minħabba f’hekk, parti mid-​Deżert taʼ Sechura, li jinsab ħdejn il-​kosta, għal ftit taż-​żmien saret it-​tieni l-​akbar għadira fil-​Perù. Din kienet tkopri madwar 5,000 kilometru kwadru. Fi bnadi oħrajn madwar il-​globu kien hemm għargħar mhux tas-​soltu, ċikluni qawwijin ferm, u nixfa kbira. Ir-​riżultat taʼ dawn kien ġuħ, pestilenzi, nirien, u ħsara lill-​uċuħ tar-​rabaʼ, lill-​proprjetà, u lill-​ambjent. X’kien il-​kaġun taʼ dan kollu? Ħafna jwaħħlu f’El Niño, li żviluppa fl-​Oċean Paċifiku tropikali, jew ekwatorjali. Dan ġara lejn it-​tmiem taʼ l-​1997 u dam xi tmien xhur.

X’inhu eżattament El Niño? Dan kif jiżviluppa? L-​effetti tiegħu għala huma tant mifruxin? Jistaʼ jiġi mbassar bl-​eżatt meta jkun se jerġaʼ jiżviluppa, biex forsi ma jmutux daqshekk nies u ma tintilifx daqshekk proprjetà?

Jibda meta Jisħnu l-​Ilmijiet

Ir-​rivista Newsweek tispjega li El Niño, nistgħu ngħidu, huwa sempliċement il-​kurrent sħun taʼ ilma li jidher ħdejn il-​kosta tal-​Perù kull sentejn sa kull sebaʼ snin. Għal iktar minn mitt sena, il-​baħrin li kienu jbaħħru mal-​kosta tal-​Perù nnotaw din iż-​żjieda fit-​temperatura. Peress li dawn il-​kurrenti sħan jaslu madwar żmien il-​Milied, ġew imsejħin El Niño, kif jissejjaħ Ġesù bambin bl-​Ispanjol.

Meta jisħnu l-​ilmijiet ħdejn il-​kosta tal-​Perù jkun ifisser li tkun se tagħmel ħafna iżjed xita f’dan il-​post. Bix-​xita, id-​deżerti jieħdu l-​ħajja u l-​annimali jieħdu r-​ruħ. Meta x-​xita tkun qawwija ħafna, ikun hemm għargħar f’dan ir-​reġjun. Iktar minn hekk, is-​saff sħun taʼ fuq taʼ l-​ilma baħar ma jħallix l-​ilmijiet iżjed kesħin li jkun hemm taħt jitilgħu lejn il-​wiċċ, u dawn l-​ilmijiet kesħin ikunu mimlijin bin-​nutrijenti. Minħabba f’hekk, ħafna ħlejjaq tal-​baħar u anki xi għasafar ikollhom imorru post ieħor biex isibu l-​ikel. L-​effetti taʼ El Niño mbagħad jinħassu f’postijiet oħrajn ’il bogħod mill-​kosta tal-​Perù.a

Ġej mir-​Riħ u l-​Ilma

X’iġiegħel it-​temperatura taʼ l-​oċean ħdejn il-​kosta tal-​Perù togħla b’mod hekk stramb? Biex tifhem dan, l-​ewwelnett ikkunsidra l-​ħolqa ġganteska taċ-​ċirkulazzjoni, magħrufa bħala ċ-​Ċirkulazzjoni taʼ Walker. Din teżisti fl-​atmosfera bejn il-​Paċifiku tropikali tal-​lvant u dak tal-​punent.b Ix-​xemx tibda ssaħħan is-​saff taʼ fuq taʼ l-​ilmijiet fin-​naħa tal-​punent ħdejn l-​Indoneżja u l-​Awstralja. Waqt li jkun qed jiġri dan, l-​arja sħuna u umduża titlaʼ ’l fuq fl-​atmosfera u din tikkaġuna sistema taʼ pressjoni baxxa ħdejn wiċċ l-​ilma. L-​arja li tibda tielgħa tiksaħ u terħi l-​ilma li jkun fiha, u b’hekk iġġib ix-​xita f’dawk l-​inħawi. L-​arja xotta tinġarr lejn il-​lvant mill-​irjieħ li jkun hemm fl-​atmosfera iktar għolja. Hi u sejra lejn il-​lvant, l-​arja tiksaħ u titqal iktar, u tibda nieżla ’l isfel meta tkun kważi waslet ħdejn il-​Perù u l-​Ekwador. Minħabba f’dan, ikun hemm sistema taʼ pressjoni għolja fuq wiċċ l-​oċean. U meta l-​kurrenti taʼ l-​arja jkunu fil-​baxx, jonfħu lura lejn il-​punent, jiġifieri lejn l-​Indoneżja, u b’hekk itemmu l-​ħolqa. Dawn il-​kurrenti huma rjieħ li dejjem jonfħu fl-​istess direzzjoni.

Dawn l-​irjieħ partikulari, kif jeffettwaw it-​temperatura taʼ wiċċ il-​Paċifiku tropikali? Skond Newsweek, dawn l-​irjieħ normalment jaġixxu bħal xi żiffa fuq vaska żgħira, billi jgeddsu l-​ilma sħun fil-​Paċifiku tal-​punent. Din ir-​rivista wriet ukoll li minħabba f’hekk, il-​livell tal-​baħar f’dan il-​post ikun 60 ċentimetru ogħla u 8 gradi Celsius iktar sħun milli hu, per eżempju, fl-​Ekwador. Fil-​Paċifiku tal-​lvant, ilma iktar kiesaħ, illi jkun mimli bin-​nutrijenti, jitlaʼ mill-​qiegħ lejn il-​wiċċ u permezz taʼ dan il-​ħlejjaq tal-​baħar jieħdu r-​ruħ. Għalhekk, matul snin normali, jew meta ma jkunx hemm El Niño, it-​temperatura taʼ wiċċ il-​baħar tkun iktar friska fil-​Paċifiku tal-​lvant milli f’dak tal-​punent.

Liema bidliet fl-​atmosfera jikkaġunaw El Niño? Ir-​rivista National Geographic tispjega li għal raġunijiet li x-​xjenzati għadhom ma jistgħux jifhmuhom, kull ftit tas-​snin l-​irjieħ li jonfħu fl-​istess direzzjoni jbattu jew saħansitra jisparixxu. Hekk kif dawn l-​irjieħ jibdew inaqqsu mill-​qawwa, l-​ilma sħun li jkun inġabar ħdejn l-​Indoneżja jerġaʼ jmur lura lejn il-​lvant. Minħabba f’hekk, it-​temperatura taʼ wiċċ il-​baħar titlaʼ fil-​Perù u f’postijiet oħrajn fil-​lvant. Imbagħad, dan il-​moviment jeffettwa s-​sistema atmosferika. Xogħol wieħed taʼ referenza jispjega li peress li tisħon in-​naħa tal-​lvant taʼ l-​Oċean Paċifiku tropikali, iċ-​Ċirkulazzjoni taʼ Walker tiddgħajjef u ż-​żona taʼ xita qawwija tiċċaqlaq lejn il-​lvant. Din timxi mill-​punent tal-​Paċifiku tropikali għaċ-​ċentru u mbagħad għal-​lvant tiegħu. B’hekk, dan jeffettwa s-​sistemi tat-​temp matul il-​Paċifiku ekwatorjali kollu kemm hu.

Bħal Blata Kbira f’Nofs taʼ Wied

El Niño jistaʼ jibdel is-​sistemi fil-​klima f’partijiet ’il bogħod ħafna mill-​kurrenti taʼ l-​ilma tal-​Paċifiku tropikali. Dan kif? Billi juża s-​sistema taʼ ċirkulazzjoni fl-​atmosfera. L-​effetti li jirriżultaw minn taħwid fiċ-​ċirkulazzjoni atmosferika f’dan il-​post jilħqu fil-​bogħod. Dawn tistaʼ tqabbilhom mal-​mod kif blata kbira f’nofs wied taʼ ilma tistaʼ ġġiegħel li jifforma ċafċif mal-​wied kollu. Is-​sħab oħxon li jitlaʼ fuq l-​ilma taʼ l-​oċean tropikali sħun jifforma tfixkil fl-​atmosfera, bħallikieku xi blata kbira, u jeffettwa s-​sistemi tat-​temp eluf taʼ kilometri ’l bogħod.

Iktar ma jitlaʼ ’l fuq mill-​ekwatur, El Niño iktar jibda jissaħħaħ u jieħu post il-​kurrenti tar-​riħ li jimxu bl-​għaġla lejn il-​lvant. Dawn huma magħrufin bħala kurrenti ġett. Dawn il-​kurrenti jidderieġu l-​mod kif jimxu l-​biċċa l-​kbira tas-​sistemi tal-​maltempati li jinsabu f’dawn il-​pożizzjonijiet mill-​ekwatur. Meta dawn il-​kurrenti ġett jitqawwew u jibdlu d-​direzzjoni, il-​kundizzjonijiet tat-​temp skond l-​istaġuni jistgħu wkoll jitqawwew jew ibattu. Per eżempju, ix-​xtiewi meta jkun hemm El Niño ġeneralment ikunu inqas kefrin min-​normal f’xi partijiet taʼ l-​Istati Uniti taʼ Fuq. Filwaqt li f’xi stati fin-​naħa t’isfel, ix-​xtiewi jkunu iktar kesħin u b’iktar xita.

Kemm Jistaʼ Jsir Tbassir Dwaru?

L-​effetti taʼ maltempati individwali jistgħu jitbassru biss xi ftit jiem minn qabel. Japplika dan ukoll għall-​attentati biex isir tbassir dwar El Niño? Le. It-​tbassir konness maʼ El Niño ma jinvolvix kundizzjonijiet tat-​temp f’perijodu qasir taʼ żmien. Minflok, dan jinvolvi kundizzjonijiet mhux normali fil-​klima, fuq reġjuni kbar għal xhur sħaħ kull darba. U dawk li jagħmlu riċerki dwar il-​klima s’issa kellhom ċertu suċċess fit-​tbassir tagħhom konness maʼ El Niño.

Per eżempju, it-​tbassir dwar l-​El Niño taʼ l-​1997-98 kien maħruġ f’Mejju taʼ l-​1997—xi sitt xhur qabel ma żviluppa. Fil-​preżent hemm 70 baga ankrati u mifruxin mal-​Paċifiku tropikali. Dawn ikejlu l-​kundizzjonijiet tar-​riħ f’wiċċ l-​oċean u t-​temperaturi taʼ l-​oċean sa 500 metru ’l isfel. Meta din l-​informazzjoni tidħol ġo programm tal-​kompjuter li joħloq mudell għall-​klima, din tipproduċi t-​tbassir tat-​temp.

Jekk in-​nies jiġu mwissijin minn kmieni dwar El Niño, dan ikun jistaʼ tassew jgħinhom jippreparaw għall-​bidliet mistennijin. Per eżempju, mill-​1983 ’l hawn, it-​tbassir taʼ El Niño fil-​Perù inkuraġġixxa lil ħafna bdiewa biex irabbu bhejjem u jkollhom uċuħ tar-​rabaʼ li jmorru aħjar f’kundizzjonijiet b’iktar xita. Is-​sajjieda, mill-​banda l-​oħra, waqfu jistadu għall-​ħut u bdew jaqbdu l-​gambli li jiġu maʼ l-​ilmijiet iktar sħan. Iva, tbassir preċiż flimkien maʼ preparazzjoni bil-​quddiem jistgħu jnaqqsu t-​telf taʼ ħajjiet u l-​ħsara ekonomika li jirriżultaw minn El Niño.

Ir-riċerka xjentifika li saret dwar il-​proċessi li jaħkmu l-​klima taʼ l-​art turi kemm huwa eżatt il-​kliem ispirat li kiteb is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem xi 3,000 sena ilu. Hu kiteb: “Jonfoħ ir-​riħ lejn in-​nofsinhar, u lejn it-​tramuntana jdur, u jerġaʼ lura lejn it-​tidwir tiegħu.” (Koħèlet 1:6) Il-​bniedem fi żmienna tgħallem ħafna dwar is-​sistemi tat-​temp billi studja l-​kurrenti tar-​riħ u l-​kurrenti taʼ l-​oċean. Jalla nibbenefikaw minn dan l-​għarfien billi nagħtu widen għat-​twissijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ ġrajjiet bħal taʼ El Niño.

[Noti taʼ taħt]

a B’kuntrast, La Niña (“it-​tifla ċ-​ċkejkna” bl-​Ispanjol) huwa meta t-​temperatura taʼ l-​ilmijiet tinżel għal ċertu żmien, u dan jiġri ħdejn il-​kosta tal-​punent taʼ l-​Amerka t’Isfel. La Niña wkoll teffettwa ħafna t-​temp.

b Din il-​ħolqa ssemmiet għal Sir Gilbert Walker, ix-​xjenzat Britanniku li studja dan il-​proċess lejn il-​ħabta taʼ l-​1920.

[Kaxxa f’paġna 27]

DAK LI ĦALLA WARAJH EL NIÑO

■ 1525: L-​iktar fatt dokumentat kmieni fl-​istorja taʼ El Niño li seħħ fil-​Perù.

■ 1789-​93: Minħabba f’El Niño, mietu iktar minn 600,000 ruħ fl-​Indja u kien hemm ġuħ kbir fl-​Afrika t’Isfel.

■ 1982-​83: Meta dan laqat mietu 2,000 ruħ u saret ħsara lill-​proprjetà taʼ iktar minn $13-il elf miljun [Lm5 elef miljun], prinċipalment f’reġjuni tropikali.

■ 1990-​95: Dan laqat tliet darbiet wara xulxin, u dawn kollha flimkien ifformaw wieħed mill-​itwal episodji taʼ El Niño li qatt ġew dokumentati.

■ 1997-​98: Kienet l-​ewwel darba li sar tbassir t’għargħar u nixfiet għal El Niño. Dan it-​tbassir kien ikopri reġjuni sħaħ u kien irnexxa sew. Minkejja dan, mietu maʼ l-​2,100 ruħ, u saret ħsara li kienet tammonta għal $33 elf miljun [Lm12.7 elef miljun] mad-​dinja kollha.

[Dijagramma/Mappi f’paġna 24, 25]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

NORMALI

Is-​sistema taċ-​Ċirkulazzjoni taʼ Walker

Irjieħ qawwija li jonfħu fl-​istess direzzjoni

Ilma sħun fl-​oċean

Ilma kiesaħ fl-​oċean

EL NIÑO

Il-​kurrenti ġett jibdlu d-​direzzjoni

Irjieħ li jonfħu fl-​istess direzzjoni mhux qawwijin

L-​ilma sħun jimxi lejn il-​lvant

Iktar sħana jew iktar nixfa mis-​soltu

Iktar kesħa jew iktar xita mis-​soltu

[Dijagrammi/Stampi f’paġna 26]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

EL NIÑO

Il-​kuluri ħomor fil-​globu t’hawn fuq jirrappreżentaw it-​temperaturi taʼ l-​ilma ħafna iktar sħan min-​normal

NORMALI

L-​ilma sħun jinġabar fil-​Paċifiku tal-​punent, u jħalli l-​ilma kiesaħ mimli bin-​nutrijenti jitlaʼ ’l fuq fin-​naħa tal-​lvant

EL NIÑO

Peress li l-​ilmijiet li jonfħu fl-​istess direzzjoni jkunu batuti, dawn iħallu l-​ilma sħun imur lura lejn il-​lvant. Dan jimblokka l-​ilmijiet iktar kesħin u ma jħallihomx jitilgħu fil-​wiċċ

[Stampi f’paġna 24, 25]

PERÙ

Id-​Deżert taʼ Sechura mgħarraq

IL-​MESSIKU

L-​Uragan Linda

KALIFORNJA

Tajn li żżerżaq minn ġenb muntanja

[Sorsi tal-​istampi)

Paġni 24-5 mix-​xellug għal-​lemin: Fotografía por Beatrice Velarde; Image produced by Laboratory for Atmospheres, NASA Goddard Space Flight Center; FEMA photo by Dave Gatley

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja