LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 4/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ewwel Għażla biex Tirrilassa
  • Kemm Għandhom Bżonn Ilma t-​Tfal?
  • Il-​Kant Iferraħ il-​Qalb
  • It-​Tfal Żgħar u t-​TV
  • Dawk li Jibqgħu Attivi Soċjalment Jistgħu Jgħixu Ħajja Itwal
  • Frustrazzjoni fuq ix-​Xogħol
  • Jekk fid-​Dubju, Armi
  • Il-​Faqar​—Problema Dinjija
  • Il-​Ħalib taʼ l-​Omm Jikkontrolla l-​Piż?
  • IL-Moffa—Ħabiba u Għadu!
    Stenbaħ!—2006
Stenbaħ!—2000
g00 4/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

L-​Ewwel Għażla biex Tirrilassa

Fi studju li sar dan l-​aħħar, elf ruħ minn 30 pajjiż differenti staqsewhom liema attività jiffavorixxu biex inaqqsu jew itaffu l-​istress. Mad-​dinja kollha, 56 fil-​mija taʼ dawk li ġew intervistati indikaw li l-​mużika hija l-​ewwel għażla tagħhom, tirrapporta l-​aġenzija tal-​aħbarijiet Reuters. Fl-​Amerka taʼ Fuq, kien hemm 64 fil-​mija li semmew il-​mużika l-​ewwel, imqabblin maʼ 46 fil-​mija fl-​Asja żviluppata. Kollox maʼ kollox, it-​TV ġie t-​tieni, segwit minn banju jew doċċa. “Meta tqis kemm tiswa l-​mużika u kemm tistaʼ tinkiseb faċilment permezz tar-​radju, it-​TV, is-​CD players persunali, l-​Internet u tant mezzi ġodda oħra,” jgħid Tom Miller, direttur taʼ l-​istudju minn Roper Starch Worldwide, “mhux taʼ b’xejn li iktar minn nofs id-​dinja tismaʼ l-​mużika biex tirrilassa.”

Kemm Għandhom Bżonn Ilma t-​Tfal?

Tfal li għandhom bejn sena u erbaʼ snin ħafna drabi jixorbu ftit wisq. Dan sar magħruf minn studju mħejji mill-​Istitut taʼ Riċerka fin-​Nutriment tat-​Tfal, f’Dortmund, il-​Ġermanja, u li ġie rapportat fir-​rivista għall-​konsumatur Test. Tfal taʼ bejn sena u erbaʼ snin mill-​ewwel jiġu effettwati jekk jonqsilhom l-​ilma f’ġisimhom u għandhom jixorbu kważi litru taʼ fluwidi kuljum, apparti dak li jieħdu maʼ l-​ikel. Bejn wieħed u ieħor, it-​tfal jixorbu terz inqas minn hekk—u mhux dejjem għax iridu huma. Ir-​riċerkaturi sabu li f’każ wieħed minn kull ħamsa, meta tifel jitlob xi ħaġa x’jixrob, il-​ġenituri jgħidulu le. X’inhi l-​aħjar xarba? Fejn dan ikun tajjeb għax-​xorb, l-​ilma waħdu hu ideali, tistqarr ir-​rivista Test.

Il-​Kant Iferraħ il-​Qalb

Ix-​xjenzati sabu li l-​kant jipproduċi kimiċi fil-​moħħ li jagħmluk rilassat u ferħan, tirrapporta l-​gazzetta Ġermaniża Stuttgarter Nachrichten. Nies li għamlu riċerka jgħidu li l-​kant iġiegħel lill-​“molekuli taʼ l-​emozzjoni” fil-​moħħ jiċċaqalqu. B’hekk, “il-​kant jingħad li mhux biss jesprimi l-​emozzjonijiet imma wkoll joħloqhom,” jistqarr ir-​rapport. L-​għalliema tal-​mużika jinnotaw li ħafna nies illum iħossu li l-​kant “mhux moda” jew li leħinhom mhux tajjeb, u għalhekk iħallu l-​kant u l-​mużika f’idejn il-​mezzi tax-​xandir. Ir-​riċerka tindika, iżda, li n-​nies jibbenefikaw meta jkantaw huma stess.

It-​Tfal Żgħar u t-​TV

L-​Akkademja Amerikana tal-​Pedjatrija tirrakkomanda li tfal taʼ taħt is-​sentejn m’għandhomx jaraw it-​televiżjoni, tirrapporta The Toronto Star. Riċerka fl-​iżvilupp bikri tal-​moħħ turi li t-​trabi u t-​tfal żgħar jeħtieġu kuntatt dirett mal-​ġenituri u m’oħrajn li jieħdu ħsiebhom. Jekk joqogħdu jaraw it-​TV jistgħu “jitilfu dak il-​kuntatt reċiproku li jgħinhom jiżviluppaw fakultajiet soċjali, emozzjonali u mentali.” Mhux l-​esperti kollha jaqblu, madankollu. Per eżempju, is-​Soċjetà Kanadiża tal-​Pedjatrija tgħid li jekk tifel ċkejken joqgħod jara xi programm taʼ kwalità flimkien maʼ xi wieħed mill-​ġenituri għal mhux iktar minn 30 minuta kuljum ikollu “opportunità li jiġi mgħallem minn dak il-​ġenitur.” L-​organizzazzjonijiet jaqblu t-​tnejn li huma, madankollu, it-​tfal iż-​żgħar li m’għandhomx ikollhom xi sett tat-​televiżjoni jew kompjuter fil-​kamra tas-​sodda tagħhom u li t-​TV m’għandux jintuża bħala baby-sitter. Peress li t-​TV jistaʼ jeffettwa s-​saħħa tat-​tfal, huwa suġġerit li “t-​tfal jiġu mħeġġin jilagħbu barra, jaqraw xi ktieb, jew jilagħbu bil-​puzzles jew xi logħob ieħor.”

Dawk li Jibqgħu Attivi Soċjalment Jistgħu Jgħixu Ħajja Itwal

Skond studju ġdid li sar mill-​Università taʼ Harvard, dawk l-​anzjani li jieħdu sehem f’attivitajiet soċjali, bħal li jmorru l-​knisja, jieklu barra, jattendu avvenimenti sportivi, u jaraw xi film fiċ-​ċinema, jgħixu medja taʼ sentejn u nofs iktar minn nies li huma inqas soċjali. Għal ħafna żmien kulħadd kien jaħseb li kienet il-​parti fiżika t’attivitajiet bħal dawn li tgħin lil dak li jkun, jgħid Thomas Glass taʼ Harvard, li mexxa l-​istudju. Madankollu, hu żied li dan l-​istudju jipprovdi “forsi l-​iktar evidenza ċirkustanzjali qawwija li kellna s’issa illi l-​fatt li jkollok skop sinjifikanti lejn tmiem il-​ħajja jtawwallek ħajtek.” Glass jinnota li meta wieħed jagħmel iktar, tkun xi tkun l-​attività, itawwal il-​ħajja f’kull każ.

Frustrazzjoni fuq ix-​Xogħol

Xi nies għala jitilfu t-​tempra u anki jsiru vjolenti fuq ix-​xogħol? Skond Sam Klarreich, psikologu minn Toronto, ir-​raġuni tistaʼ tkun mhux biss l-​istress imma wkoll nuqqas taʼ tolleranza għall-​frustrazzjoni. Jemmen li din il-​kundizzjoni tiżviluppa f’xi impjegati li jħossu li qed jiġu “mitluba jbigħu ruħhom għax-​xogħol u mbagħad jiskopru li l-​ħlas ma jkunx daqs kemm ikunu taw,” tirrapporta l-​gazzetta Globe and Mail. Klarreich iwissi li r-​rabja fit-​tul hija “emozzjoni ħażina ferm għas-​saħħa” u li din tistaʼ twassal għal xi puplesija jew attakk tal-​qalb. Lill-​impjegati jinkuraġġihom jitgħallmu jaċċettaw il-​frustrazzjonijiet u jpoġġu bil-​qegħda maʼ min qed jimpjegahom u jiddiskutu magħhom bil-​kalma kemm jifilħu jagħmlu xogħol realistikament. Mill-​banda l-​oħra, Klarreich jissuġġerixxi lil dawk li jħaddmu biex joqogħdu għajnejhom miftuħa għal dawk l-​impjegati li jidhru mifnijin bix-​xogħol u jagħtuhom xi ftit iktar għajnuna, iserrħuhom minn xi ftit mill-​piż tagħhom, u jissuġġerulhom jieħdu xi ġurnata franka.

Jekk fid-​Dubju, Armi

Ċerta moffa, bħal dik tal-​ġobon tat-​tursina, tistaʼ tikolha. Imma moffa oħra tistaʼ tkun perikoluża, speċjalment għal nies li ma tantx huma f’saħħithom, twissi l-​UC Berkeley Wellness Letter. Il-​moffa fil-​ħobż u fil-​prodotti tax-​xgħir hija fost dik l-​iktar velenuża. Spiss il-​moffa li tkun tidher ikollha ħjut bħal għeruq li jippenetraw l-​ikel. Iktar minn hekk, l-​elementi tossiċi li jiġu mill-​moffa ma jistgħux jinqerdu bit-​tisjir. Il-​Wellness Letter tirrikkmanda:

◼ Żomm il-​prodott fil-​friġġ jekk inhu possibbli, u użah qabel jimmoffa.

◼ Armi l-​frott irqiq, bħall-​frawli, it-​tut u l-​għeneb, li jkun immoffa. Il-​frott aħslu biss meta tkun lest biex tieklu, għax meta jkun imxarrab jimmoffa iktar malajr.

◼ Partijiet żgħar immoffati fi frott jew ħxejjex kbar, bħat-​tuffieħ, il-​patata, il-​pastard, jew il-​basal, tkun tistaʼ taqtagħhom barra bla periklu. Frott artab li jkun immoffa, bħall-​ħawħ u l-​bettieħ, għandu jintrema.

◼ Ġobon iebes li jimmoffa tistaʼ forsi ssalvah billi taqtaʼ l-​parti taʼ barra sa żewġ ċentimetri ’l bogħod mill-​moffa. Imma armi l-​ġobon artab u l-​jogurt li jkollu l-​moffa, flimkien mal-​ħobż, il-​laħam, il-​fdalijiet taʼ l-​ikel, il-​lewż, il-​peanut butter, il-​ġammijiet, u affarijiet preservati li jkunu mmoffaw xi ftit.

Il-​Faqar​—Problema Dinjija

Il-​president tal-​Bank Dinji, James D. Wolfensohn, dan l-​aħħar lissen it-​tħassib tiegħu dwar il-​faqar dinji li għad hawn. Wolfensohn innota li terz mis-​sitt elef miljun ruħ li hawn jgħixu fuq l-​art għadhom jgħixu f’faqar kbir, tirrapporta l-​gazzetta La Jornada tal-​Belt tal-​Messiku. Hu żied li nofs l-​abitanti taʼ l-​art jgħixu b’inqas minn tmenin ċenteżmu kuljum; u elf miljun minnhom b’inqas minn erbgħin ċenteżmu kuljum. Għalkemm kburi bil-​progress li sar mill-​Bank Dinji fil-​ġlieda kontra l-​faqar, Wolfensohn ipprovda figuri li juru li l-​problema hi mifruxa ferm u ’l bogħod milli tiġi megħluba. Stqarr: “Irridu nammettu li l-​faqar hu problema dinjija.”

Il-​Ħalib taʼ l-​Omm Jikkontrolla l-​Piż?

Nies li jagħmlu r-​riċerka sabu li hemm benefiċċju ieħor li jiġi mill-​ħalib taʼ l-​omm: Dan jistaʼ jgħin biex it-​tarbija ma ssirx ħoxna żżejjed meta tikber. Ir-​rivista Ġermaniża Focus irrapportat li grupp taʼ riċerkaturi mill-​Università taʼ Munich ħadu l-​piż taʼ 9,357 tifel u tifla taʼ bejn ħames u sitt snin u investigaw x’kienu ġew mitmugħin kull wieħed u waħda minnhom meta kienu trabi. Ir-​riżultati wrew li dawk it-​tfal li treddgħu minn tlieta sa ħames xhur kellhom 35 fil-​mija inqas ċans li jkunu ħoxnin iżżejjed meta jibdew l-​iskola jekk tqabbilhom maʼ dawk li qatt ma treddgħu. Fil-​fatt, iktar ma t-​tarbija tkun damet tiġi mreddaʼ, inqas tkun il-​probabbiltà li teħxien iżżejjed. Wieħed mir-​riċerkaturi jattribwixxi dan l-​effett pożittiv għall-​ingredjenti tal-​ħalib taʼ l-​omm, li jgħinu l-​metaboliżmu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja