LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 8/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Sparaturi Taħt il-​Baħar
  • Idoli li Jniġġsu
  • Mediċina Velenuża?
  • Stħarriġ fost iż-​Żgħażagħ mad-​Dinja Kollha
  • In-​Nuqqas taʼ Ikel Kaġunat mill-​Bniedem
  • Il-​Bibbja Tradotta f’Iktar Lingwi
  • Oqgħod Attent bl-​Annimali d-​Dar
  • Ħlejjaq Estraterrestrijali —Iktar Le Milli Iva
  • Figuri Esaġerati
Stenbaħ!—2000
g00 8/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Sparaturi Taħt il-​Baħar

Qisu xi film tal-​cowboys: Tnejn qegħdin faċċata taʼ xulxin lesti għal dwell. L-​armi tagħhom qegħdin għal-​lest, b’subgħajhom fuq il-​grillu. Wara li l-​ewwel ġellied jispara u jreġġaʼ lura, l-​ieħor jimmira għal fuqu u jisparalu. Imma meta l-​gambli li jisparaw jiġġieldu, ħadd minnhom ma jweġġaʼ, peress li dawn dejjem joqogħdu ’l bogħod mhux ħażin minn xulxin. Madankollu, bħalma rrapportat ir-​rivista Der Spiegel, l-​ilma li jtajru bl-​imqass tagħhom tal-​lemin xi kultant jistaʼ jagħmel il-​ħsara. Dawn il-​gambli jistgħu jtajru l-​ilma lejn il-​priża biex jistorduha u joqtluha. Il-​priża tinkludi dud, granċi u ħut żgħir. Il-​gambli jtajru l-​ilma billi jagħlqu l-​imqass tagħhom b’ħeffa u qawwa kbira. Dan l-​ilma tant joħroġ b’qawwa li jistaʼ saħansitra jkisser il-​ħġieġ t’akkwarju. Jekk gamblu bħal dan jitlef l-​arma tiegħu, dan isir xellugi u jkun jistaʼ jispara bl-​imqass tax-​xellug. Mill-​banda l-​oħra, l-​imqass tal-​lemin li qabel kien jispara bih, jerġaʼ jikbirlu imma din id-​darba ma jkunx jistaʼ jispara.

Idoli li Jniġġsu

Għan-​nies Ħindi hija ħaġa komuni li jitfgħu xi idoli minn tagħhom fl-​ilma wara festa ċerimonjali. Meta l-​idoli kienu jkunu miżbugħin b’kuluri magħmulin miż-​żebgħa tal-​fjuri jew ħxejjex, dawn ma kinux jagħmlu ħsara lill-​ambjent. Madankollu, meta dawn l-​idoli bdew jinżebgħu b’żebgħa magħmula minn metalli tqal u sustanzi li jikkaġunaw il-​kanċer, f’xi nħawi fl-​Indja kien hemm tniġġis kbir taʼ l-​ilma wara li eluf taʼ idoli ntefgħu fix-​xmajjar u fl-​għadajjar. Sabiex jikkontrollaw it-​tniġġis taʼ l-​ilma, ir-​residenti f’belt minnhom ġabru mijiet taʼ idoli, ħaduhom f’post wieħed u farrkuhom f’elf biċċa. Ir-​rivista Down to Earth tissuġġerixxi li dan għandu jsir kullimkien fl-​Indja, u li dawk li jagħmlu l-​idoli għandhom jerġgħu jibdew jużaw iż-​żebgħa li kienu jużaw qabel flok żebgħa sintetika. Ir-​rivista tkompli tgħid li “inkella, ix-​xmajjar li jqimu l-​Ħindi jistgħu jiġu vvelenati mill-​idoli li jqimu.”

Mediċina Velenuża?

L-​Istitut tal-​Mediċina jirrapporta li kull sena, bejn 44,000 sa 98,000 Amerikan li jkunu l-​isptar, imutu minħabba żbalji mediċi. Jingħad li din il-​problema teżisti minħabba xi difetti fil-​mod kif jiffunzjonaw l-​isptarijiet, il-​kliniċi u l-​ispiżeriji. Per eżempju, ħafna drabi l-​ispiżjara ma jkunux jistgħu jagħrfu l-​kitba tat-​tabib u jiġu bejn ħalltejn dwar dak li jkun ġie ordnat fuq ir-​riċetta. It-​tabib x’ordna? Għaxar milligrammi jew għaxar mikrogrammi? Biex tgħaxxaqha hemm ħafna mediċini li isimhom jinstemaʼ l-​istess. Minħabba f’hekk, it-​tobba, l-​infermiera, l-​ispiżjara, u l-​pazjenti, kollha jispiċċaw imħawdin. L-​Istitut tal-​Mediċina ordna li fi żmien ħames snin l-​iżbalji jridu jonqsu bin-​nofs.

Stħarriġ fost iż-​Żgħażagħ mad-​Dinja Kollha

Sar stħarriġ fost iktar minn 4,300 żagħżugħ u żagħżugħa taʼ bejn it-​12 u l-​24 sena li juri li ż-​żgħażagħ tal-​lum għadhom japprezzaw il-​valuri tradizzjonali. Dawn jinkludu li żżomm kelmtek, tkun edukat maʼ ħaddieħor, u taħdem iebes, tirrapporta The Globe and Mail. Skond l-​Angus Reid Group, li kkonduċa l-​istħarriġ fost iż-​żgħażagħ fi 11-il pajjiż differenti, 95 fil-​mija qalu li l-​iktar valur importanti huwa li ‘żżomm kelmtek.’ Kien hemm 92 fil-​mija li qalu illi ‘li tkun edukat m’oħrajn’ jingħata t-​tieni post fl-​importanza. ‘Ix-​xogħol iebes’ ġie meqjus bħala importanti ħafna minn 83 fil-​mija taż-​żgħażagħ. Filwaqt li “kważi tmienja minn kull 10 ħasbu li kien importanti li jkollok sieħeb wieħed tul għomrok,” 56 fil-​mija biss ikkunsidraw iż-​żwieġ bħala importanti. Ħaġa taʼ l-​iskantament, 31 fil-​mija biss ħasbu li kien importanti “li jkunu sinjuri ħafna.” Ir-​riżultati li ħarġu jindikaw ukoll li 45 fil-​mija biss “iħossuhom pożittivi dwar is-​seklu 21.”

In-​Nuqqas taʼ Ikel Kaġunat mill-​Bniedem

L-​Organizzazzjoni taʼ l-​Ikel u l-​Biedja tal-​Ġnus Magħquda (FAO) tirrapporta li d-​diżastri li jikkaġuna l-​bniedem, bħal gwerer ċivili u kriżijiet ekonomiċi, jeffettwaw in-​nuqqas taʼ ikel iktar minn kriżijiet kaġunati minn affarijiet naturali. Dr. Hartwig de Haen, assistent tad-​direttur ġenerali tal-​FAO, qal li fl-​1984, 10 fil-​mija biss tal-​każijiet kollha taʼ ġuħ kienu kaġunati minn diżastri mill-​bniedem, imma li issa dawn żdiedu għal 50 fil-​mija. Huwa stmat li 52 miljun ruħ minn 35 pajjiż jonqoshom l-​ikel. Ir-​rapport iżid li din hija l-​akbar ċifra taʼ nies b’nuqqas kbir taʼ ikel, minn meta l-​inħawi li jmissu man-​naħa tan-​nofsinhar tas-​Saħara fl-​Afrika ntlaqtu minn nixfa kbira fl-​1984.

Il-​Bibbja Tradotta f’Iktar Lingwi

“Il-​Bibbja għadha l-​iktar ktieb tradott fid-​dinja,” tinnota l-​gazzetta Messikana Excelsior. Skond l-​Għaqda Biblika Ġermaniża, il-​Bibbja ġiet tradotta f’21 lingwa oħra fl-​1999, u issa saret disponibbli f’2,233 lingwa, għallinqas partijiet minnha. Minn dawn, “it-​Testment il-​Qadim u t-​Testment il-​Ġdid ġew tradotti kollha kemm huma fi 371 lingwa, 5 iktar minn fl-​1998.” Dawn il-​lingwi kollha fejn jinsabu? Il-​gazzetta tgħid li l-​akbar varjetà taʼ traduzzjonijiet tinsab fl-​Afrika, b’627 waħda. Imbagħad fl-​Asja, b’553, l-​Awstralja/il-Paċifiku, bi 396, l-​Amerika Latina/il-Karibew, bi 384, l-​Ewropa, b’197, u l-​Istati Uniti, bi 73 waħda. Xorta waħda jibqaʼ l-​fatt li “l-​Bibbja għadha lanqas ġiet tradotta f’nofs il-​lingwi mitkellma fid-​dinja.” Għala le? Għaliex meta tqabbel dawn il-​lingwi mal-​bqija, ftit nies jitkellmuhom u m’huwiex faċli li l-​Bibbja tiġi tradotta f’dawn il-​lingwi. Barra minn hekk, ħafna nies jitkellmu żewġ lingwi, u jekk il-​Bibbja ma tkunx stampata f’waħda mil-​lingwi tagħhom, jistgħu jaqrawha bil-​lingwa l-​oħra.

Oqgħod Attent bl-​Annimali d-​Dar

Skond il-​gazzetta Franċiża Le Monde, 52 fil-​mija tal-​familji Franċiżi għandhom l-​annimali d-​dar. Madankollu, dan l-​aħħar sar studju minn grupp taʼ veterinarji fl-​Istitut taʼ l-​Immunoloġija Komparattiva taʼ l-​Annimali, f’Maisons-Alfort, fi Franza. Dan l-​istudju juri li l-​fungi u l-​parassiti li jġorru t-​8.4 miljun qattus u s-​7.9 miljun kelb li hemm fi Franza jikkaġunaw diversi mardiet lis-​sidien taʼ l-​annimali. Dawn jinkludu l-​ħżieża, id-​duda, l-​iskabbja, il-​leishmaniasis, u t-​toxoplasmosis. Din taʼ l-​aħħar tistaʼ tikkaġuna korrimenti jew trabi sfigurati matul it-​tqala. Ir-​rapport isemmi wkoll li l-​annimali fid-​dar jikkaġunaw ukoll ħafna reazzjonijiet allerġiċi u infezzjonijiet li jirriżultaw mill-​gdim tal-​klieb—madwar 100,000 kull sena fi Franza.

Ħlejjaq Estraterrestrijali —Iktar Le Milli Iva

The New York Times tistqarr li f’dawn l-​aħħar snin, iktar u iktar astronomi xerrdu l-​idea li x’aktarx jeżistu ċivilizzazzjonijiet estraterrestrijali mxerrdin maʼ l-​istilel. Din tkompli tgħid li minħabba dawn l-​ideat fuq l-​estraterrestrijali, ħarġu għadd kbir taʼ kotba, films, u programmi televiżivi, u ġiet inkuraġġita tfittxija serja mil-​lat xjentifiku. F’din it-​tfittxija jintużaw dixxijiet taʼ l-​antenni enormi li jgħarrxu fis-​sema biex jipprovaw isibu l-​iċken ħjiel taʼ sinjali tar-​radju minn esseri spazjali intelliġenti. Żewġ xjenzati prominenti, Dr. Peter Ward u Dr. Donald C. Brownlee, l-​awturi tal-​ktieb Rare Earth jgħidu li din it-​tfittxija x’aktarx li mhix se tirnexxi. Dawn jgħidu li l-​iskoperti ġodda fl-​astronomija, fil-​paleontoloġija, u fil-​ġeoloġija, juru li kemm il-​mod kif inhi magħmula l-​Art kif ukoll l-​istabbilità tagħha huma rari b’mod straordinarju. Jgħidu wkoll li l-​kundizzjonijiet fi bnadi oħra m’humiex addattati għal forom taʼ ħajja komplikati. Dr. Ward qal: “Finalment għedna b’vuċi għolja dak li ilhom jaħsbu ħafna wħud—li ħajja komplikata, għallinqas, hija rari.” Dr. Brownlee jżid ukoll li n-​nies jgħidu li x-​xemx hija eżempju tipiku taʼ stilla. Imma dan m’huwiex veru. Hu jgħid li fl-​univers, il-​kundizzjonijiet li hemm kważi fl-​ambjenti kollha m’humiex tajbin biex ikun fihom il-​ħajja, imma li din il-​ħajja tistaʼ teżisti biss f’postijiet qishom il-​Ġnien taʼ l-​Għeden, bħalma hija l-​Art.

Figuri Esaġerati

“Temminx kulma taqra fil-​gazzetti,” tiddikjara r-​rivista The Economist. Il-​ġurnalisti jiżbaljaw ukoll. Dan jgħodd l-​iktar meta jiġu għall-​istatistiċi, speċjalment dawk li jkollhom x’jaqsmu mad-​diżastri. Għala? L-​artiklu jgħid li “fil-​konfużjoni tal-​gwerra, jew f’xi katastrofi fi żmien taʼ paċi, huwa impossibbli li tkun taf fiċ-​ċert kemm ikunu mietu jew weġġgħu nies.” Allura biex jissodisfaw il-​kurżità tan-​nies, il-​ġurnalisti jikkalkulaw l-​ammont bejn wieħed u ieħor. Taʼ spiss dawn jagħtu ammonti kbar u “rari jbaxxuhom mal-​medda taż-​żmien.” Għala? Il-​ġurnalisti jridu jippubblikaw l-​artikli tagħhom, l-​edituri jridu jbigħu l-​gazzetti tagħhom, u l-​ħaddiema li jagħtu l-​għajnuna jridu jirriklamaw l-​aġenziji tagħhom. L-​uffiċjali tal-​gvern ukoll għandhom mnejn ikunu qed ifittxu s-​simpatija. Ir-​rivista tirrakkomanda lill-​qarrejja biex joqogħdu attenti minn kalkoli qarrieqa, minn kliem bombastiku evidenti, u mit-​tendenza tal-​ġurnalisti li jesaġeraw. Din tkompli tgħid: “Hi x’inhi l-​qawwa li għandha l-​istampa b’mod ġenerali, meta niġu għall-​qtil tan-​nies, il-​pinna hija tassew iktar qawwija mix-​xabla.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja