LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 8/8 pp. 18-19
  • Ħlejjaq tal-Baħar li Jtiru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħlejjaq tal-Baħar li Jtiru
  • Stenbaħ!—2000
  • Materjal Simili
  • Int Li Tħobb Tixxemmex Ipproteġi l-​Ġilda Tiegħek!
    Stenbaħ!—1999
Stenbaħ!—2000
g00 8/8 pp. 18-19

Ħlejjaq tal-​Baħar li Jtiru

DAWN jgħaddu mill-​ilma bl-​akbar grazzja, minn mal-​kosta u madwar gżejjer f’nofs taʼ baħar. Jistgħu jinstabu f’qiegħ il-​baħar, kemm sħun u kemm kiesaħ, u anki f’xi għadajjar u xmajjar. X’inhuma dawn? Dawn huma membri tal-​familja tar-​raj, magħrufin ukoll bħala ħamiem tal-​baħar, ħlejjaq tal-​baħar li donnhom itiru!

M’hemmx għalfejn tkun xi bugħaddas li tinżel fil-​fond jew xi sajjied biex tgawdi s-​sbuħija tar-​rajja hi u ttir, u m’hemmx għalfejn tkun fl-​ilma lanqas. Bħalma juri Bart, bijologu tal-​baħar, nies li jmorru l-​baħar taʼ spiss jaraw ir-​raj jaqbeż ’il barra mill-​ilma.

Jeżistu diversi mijiet taʼ speċi taʼ raj, li jvarjaw fid-​daqs minn ftit ċentimetri sa diversi metri. Tistaʼ tinduna kemm dawn jixbhu lill-​kelb il-​baħar, li ġej mill-​istess familja. Il-​bajd tar-​raj, kuntrarju għal dak taʼ ħut ieħor, jiġi fertilizzat ġewwa l-​ġisem tal-​ħuta mara. Ir-​rebekkin, membru tal-​familja tar-​raj, ibid il-​bajd fertilizzat, filwaqt li l-​bajd taʼ raj ieħor ifaqqas ġewwa l-​mara u ż-​żgħar jitwieldu ħajjin—kopja fiċ-​ċokon tal-​ġenituri tagħhom.

Waħda mill-​iktar speċi magħrufa hija l-​boll. Ġismu ma fihx għadam bħas-​soltu imma hu magħmul minn għadam artab bħal qarmuċa. Fuq kull naħa għandu ġewnaħ mir-​ras safejn jibda d-​denb. Il-​boll jistaʼ jkollu għamla tonda jew taʼ djamant, jew ikun jidher qisu tajra tal-​karti bid-​denb. L-​ilma m’huwiex taʼ xkiel għalih għax ġismu huwa ċatt ħafna. Billi jċaqlaq ġwinħajh b’movimenti bħal tal-​mewġ, il-​boll jikseb il-​qawwa biex jgħum u jgħaddi mill-​ilma qisu xejn m’hu xejn għalih. Meta ma jkunx qed jgħum, ir-​raj jinħeba fir-​ramel f’qiegħ il-​baħar.

Għajnejn il-​boll jinsabu fin-​naħa taʼ fuq taʼ rasu, filwaqt li ħalqu qiegħed taħt. Il-​boll għandu snien ibsin u xedaq b’saħħtu. B’hekk, ikun jistaʼ saħansitra jkisser il-​qxur taʼ l-​arzell. Huwa għal din ir-​raġuni li n-​nies ma jiħdux gost jarawh fejn jikkultivaw il-​gajdri, għax l-​arzell huwa l-​ikel favorit tiegħu. Il-​boll innifsu jittiekel mill-​bniedem u xi drabi jintuża fir-​riċetti minflok il-​maskli.

Isem il-​boll (bl-Ingliż stingray) ġej mix-​xewk velenuż li għandu fuq in-​naħa taʼ fuq tad-​denb twil tiegħu. Jekk il-​boll jintrifes, jinqabad ħażin, jew ikun hemm xi għadu li jheddu, il-​boll jistaʼ jniggiżhom bix-​xewk li jweġġaʼ u velenuż li għandu fuq denbu. Taʼ spiss ix-​xewk jinqasam fil-​fond tal-​ferita. Dan jagħmlu iktar diffiċli biex jitneħħa u jistaʼ jikkaġuna infezzjonijiet serji jekk il-​ferita ma tiġix ikkurata sew. Jekk xi darba titniggeż minn xi boll, aħsel sew il-​ferita bl-​ilma—jekk hemm bżonn bl-​ilma baħar. Malajr kemm jistaʼ jkun, għaddas il-​parti fejn hemm il-​ferita fil-​misħun, li jkun jaħraq kemm tiflaħ tissaportih. Il-​misħun jeqred il-​velenu u jtaffi l-​uġigħ. Imbagħad mur għand tabib mingħajr dewmien.

Għalkemm id-​denb iniggeż tiegħu jistaʼ jbeżżgħek, normalment il-​boll m’huwiex aggressiv u ġeneralment denbu jużah biss meta jħossu mhedded. Bart, li ssemma fil-​bidu taʼ l-​artiklu, sab li l-​boll kien mans mhux ħażin meta hu u martu għamu miegħu fil-​Gżejjer taʼ Cayman. Huma marru jgħumu f’post lokali fejn imur jiekol ir-​raj mans. Bart jirrapporta: “Konna għarkobbtejna fil-​qiegħ, f’madwar 5 metri ilma. Meta bdejna nitimgħuh, il-​boll invażana! Kien hemm mat-​30 jew 40 boll taʼ kull daqs imdawwar mal-​grupp tagħna. Biex ifittex l-​ikel, il-​boll beda jnaqqar minn ħdejn irkobbtejna u telaʼ fuq rasna minn quddiemna u minn warajna, waqt li beda jgħum bil-​mod madwarna u jiffittana anki għal ftit ikel. Bqajna mgħaġġbin kemm kienu mansi dawn il-​ħlejjaq mill-​isbaħ. Saħansitra ħallewna mmissulhom żaqqhom huma u għaddejjin minn fuqna.” Bart qal li dan ir-​raj tant sar mans li fis-​snin kollha li n-​nies ilhom jgħumu miegħu, qatt ma ġew rapportati xi attakki.

Dawk minna li m’humiex bugħaddasa taʼ l-​esperjenza jistgħu jgawdu r-​raj f’ilma iktar baxx jew fid-​diversi akkwarji li hawn fid-​dinja. F’ħafna akkwarji jeżistu tankijiet bl-​ilma fejn in-​nies jistgħu joqogħdu jmissu l-​boll b’idejhom. Ix-​xewk tiegħu jitneħħa bħala prekawzjoni. Ron Hardy, is-​sid taʼ Gulf World, fil-​belt taʼ Panama ġewwa Florida, jgħid li mill-​annimali ħajjin li jintwerew, it-​tankijiet bil-​boll huma l-​iktar li jħallu effett fuq in-​nies. Hu jgħid li n-​nies donnhom għandhom ċertu biżaʼ mill-​boll—kważi fobja—imma malajr ibiddlu l-​ħsieb meta jsiru jafu l-​fatti mill-​informazzjoni li jingħataw. Hu jkompli jgħid hekk: “Malli jmissu waħda minnhom, jibdew jammiraw il-​grazzja u s-​sbuħija tal-​boll. Fil-​fatt, xi wħud jitilfu l-​ispettaklu tad-​dniefel, li jiġi wara, sempliċement biex ikomplu jmissu l-​boll.”

Forsi issa li tgħallimt xi ħaġa dwar ir-​raj, neħħejt xi ftit mill-​biżaʼ li kellek. Madankollu, trid tiftakar li dan taʼ spiss jinħeba fir-​ramel, fl-​ilma baxx u sħun. Mela x’ħin tkun għaddej mill-​ilma f’postijiet bħal dawn, karkar saqajk minflok ma tgħollihom. B’dan il-​mod, ir-​raj jinduna bik u b’hekk tevita li tirfes xi waħda minnhom u forsi wkoll titniggeż minn din il-​ħlejqa sabiħa tal-​baħar li ttir.

[Stampa f’paġna 18]

Boll

[Stampa f’paġna 18]

In-​nies donnhom għandhom ċertu biżaʼ mill-​boll, imma jbiddlu l-​ħsieb x’ħin isiru jafu l-​fatti dwaru

[Stampa f’paġna 19]

Raj tal-​qrun

[Sors]

© Francois Gohier/Photo Researchers

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja