Wasal iż-Żmien għal Sodda Ġdida?
Minn korrispondent taʼ Stenbaħ! fil-Britannja
Jiġrilek taʼ spiss li jkollok lejl imfarrak, iddur u titqalleb biex forsi ssib pożizzjoni tajba, u mbagħad fil-għodu tqum iebes u muġugħ? Jekk iva, il-problema tiegħek tistaʼ tkun is-sodda li torqod fuqha.
DIN il-biċċa għamara tistaʼ sserrħek u tistaʼ wkoll tkissrek. Jekk tgħix f’post fejn jintużaw is-sodod, int x’aktarx li tqattaʼ terz minn ħajtek mimdud fuq waħda minnhom. Imma s-sodda tiegħek m’hijiex se sservi għal dejjem. Qiegħed issibha komda s-sodda li qed tuża bħalissa?
Għandek Bżonn Sodda Ġdida?
Normalment sodda tibqaʼ tajba għal madwar għaxar snin. Bniedem li fih il-piż jgħarraqha iktar malajr is-sodda. Żomm f’moħħok ukoll li iktar ma tikber fl-età, il-bżonnijiet u l-preferenzi tiegħek ma jibqgħux l-istess. Biex tiddeċiedi jekk għandekx bżonn sodda ġdida, staqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet. ‘Inqum b’għonqi iebes jew b’dahri juġgħani? Is-sodda tiegħi żgħira wisq? Nistaʼ nħoss xi molol jew ħotob? Meta nitqalleb nismaʼ żaqżiq jew xi ħaġa tħokk m’oħra? Jien u s-sieħba tiegħi jiġrilna li nispiċċaw niżżerżqu lejn in-naħa taʼ xulxin mingħajr ma rridu? Huwa l-bażi tas-sodda fejn iserraħ is-saqqu kollu ħotob jew ħofor? Is-saqajn u r-roti tas-sodda għadhom tajbin?’ It-tweġibiet tiegħek għal dawn il-mistoqsijiet jistgħu jgħinuk biex tkun taf jekk wasalx iż-żmien li tixtri sodda ġdida.
X’Ikollha Sodda Tajba?
Sodda tajba tipprovdi kumdità u sodizza u tissodisfa l-bżonnijiet u l-preferenzi tiegħek. Il-biċċa l-kbira tas-sodod ikun fihom saqqu u qafas fuqiex iserraħ, imma huwa s-saqqu li l-iktar jgħinek tħossok komdu. Is-saqqu huwa magħmul minn diversi partijiet. L-ewwel insibu l-kisja taʼ barra tas-saqqu, li żżomm il-materjal taʼ ġewwa ħaġa waħda. Imbagħad ikun hemm saffi taʼ tapizzerija ratba biex dak li jkun iħossu komdu. Dan il-materjal iħalli l-għaraq tal-ġisem jgħaddi. It-tielet parti, dik li ssaħħaħ lis-saqqu, ġeneralment ikun fiha ċrieki jew molol taʼ l-azzar ittemprat. Minn ġewwa s-saqqu jistaʼ jkun magħmul b’diversi modi, imma bħala regola ġenerali, iktar ma jkun fih molol u iktar ma dawn ikunu ħoxnin, iktar ikun sod is-saqqu. Daż-żmien sar popolari ħafna s-saqqu tal-poliuretejn jew tal-fowm tal-latex. Dan it-tip taʼ saqqu huwa eħfef mis-saqqu tal-molol.
Madankollu, saqqu tajjeb ikun tajjeb biss jekk ikollu bażi tajba fuqiex iserraħ. X’aktarx li l-aħjar bażi tkun dik li nħadmet apposta għalih. Is-sodda divan taʼ spiss tinbiegħ bħala sett, bis-saqqu u l-bażi b’kollox. Il-bażi tkun forma taʼ kaxxa bil-ġnub fondi. B’hekk il-bażi tieħu l-iskossi kollha u tħalli s-saqqu jieħu n-nifs biex b’hekk iservi iktar. Għażla oħra hija s-sodda bil-qafas tal-ħadid jew taʼ l-injam. Din is-sodda ġeneralment ikollha qiegħ bit-twavel taʼ l-injam u tkun miftuħa minn taħt. B’hekk is-saqqu li jmur magħha jkollu arja biżżejjed. Twavel ibsin jipprovdu qiegħ sod, filwaqt li twavel li jimmollaw huma iktar flessibbli.
Kif Tagħżel is-Sodda t-Tajba
X’għandek iżżomm f’moħħok meta tixtri sodda? Sodda b’saqqu wżat, tkun xorbot l-għaraq taʼ nies oħra u jkun fiha xi qxur tal-ġilda. Tistaʼ tkun mimlija wkoll bid-dud (dust mites) li jistgħu jikkaġunaw allerġiji, ażżma, jew ekżema. Din tistaʼ wkoll tkun taʼ ħsara għalik u għal saħħtek jekk ma taqbilx mal-ħtiġijiet sanitarji.
Qabel ma tmur tixtri sodda ġdida, ikun tajjeb li tiddeċiedi x’jgħodd l-iktar għalik, u tikkunsidra ċerti affarijiet bħal per eżempju l-prezz, xi raġunijiet taʼ saħħa, jew id-daqs tas-sodda. Ipprova warrab ħafna ħin biex iżżur il-ħwienet li għandhom isem tajjeb, u itlob kemm tistaʼ tagħrif fuq kull sodda jew saqqu. Peress li s-sodod ġeneralment jiswew il-flus, tħalli lil ħadd jgħaġġlek biex tieħu deċiżjoni.
Għandek mnejn issibha iktar diffiċli biex tagħmel l-għażla t-tajba jekk tkun għajjien. Ilbes ħwejjeġ komdi. Toqgħodx tistħi biex tipprova sodda. Neħħi l-ġakketta u ż-żarbun u mtedd fuq kull sodda għal ftit minuti. Oqgħod f’pożizzjonijiet differenti minn kif torqod is-soltu. Agħti kas b’mod partikulari x’differenza tħoss fuq spallejk, ġenbejk u n-naħa t’isfel taʼ dahrek.—Ara l-kaxxa hawn taħt.
Kif Tieħu Ħsieb is-Sodda
Jekk is-sodda tieħu ħsiebha sew, isservik iktar. Staqsi lill-bejjiegħa tal-ħanut għall-parir tagħhom, u aqra sew l-istruzzjonijiet tal-manifattur dwar kif tieħu ħsieb is-saqqu. Meta tieħu s-sodda divan jew is-saqqu li xtrajt id-dar, neħħi l-borża tal-plastik li jkunu imkebbin fiha malajr kemm jistaʼ jkun. B’hekk tevita li dawn jagħmlu l-għaraq u forsi jumdaw, jimmoffaw jew jitmermru. Dawn li ġejjin huma xi suġġerimenti oħra.
● Dawwar il-pożizzjoni taʼ saqqu ġdid tal-molol, billi taqilbu taʼ taħt fuq, u ddawwar in-naħa tas-saqajn għan-naħa tar-ras. Għall-ewwel ftit xhur dan għandu jsir darba f’ġimgħa jew darbtejn f’xahar, u mbagħad kull tliet xhur. Dan jgħin biex il-materjal taʼ ġewwa joqgħod, u jintuża l-istess minn kullimkien. Jekk tbati b’dahrek, ikun għaqli li tinvesti f’saqqu tal-fowm, peress li m’għandekx għalfejn iddawru taʼ spiss.
● M’għandek qatt tilwi, tirrombla jew tgħaffeġ is-saqqu. Biex ma tagħmilx ħsara lid-drapp, uża l-mankijiet tas-saqqu sempliċement biex tirranġalu l-pożizzjoni, u mhux biex tqandlu minnhom.
● Kull fil-għodu ikxef il-lożor għall-inqas 20 minuta biex tperreċ is-sodda u tħalli l-għaraq tal-ġisem jevapora.
● Żomm is-saqqu nadif billi qabel il-liżar taʼ taħt, tifrex tip taʼ liżar protettiv li jistaʼ jinħasel. Uża vacuum cleaner regolarment biex tnaddaf is-saqqu u l-bażi tas-sodda mis-suf tal-ħwejjeġ u t-trab. Imsaħ it-tbajjaʼ malajr bl-ilma kiesaħ u sapuna delikata.
● Kulmeta tpoġġi bil-qegħda fit-tarf tas-sodda, toqgħodx dejjem fl-istess post. Tħallix lit-tfal jew lil xi ħaddieħor jaqbeż fuq is-sodda.
Is-sodda tiegħek hija iktar minn investiment taʼ flus. Hija investiment għal terz minn ħajtek, investiment li jistaʼ jħalli effett konsiderevoli fuq iż-żewġ terzi l-oħra. Jekk tagħżel is-sodda tiegħek bil-għaqal u tieħu ħsiebha, hi wkoll se tieħu ħsiebek.
[Kaxxa f’paġna 22]
Liema Sodda Tgħodd Għalik?
Kumdità u sodizza. Biex tagħżel saqqu tajjeb għalik, m’hemmx għalfejn ikun iebes ġebla. Fil-fatt, huwa maħsub li sodda iebsa żżejjed tistaʼ żżid l-uġigħ taʼ dahar. Ħalli lil ġismek jgħidlek x’inhu l-aħjar għalik. Imtedd wiċċek ’il fuq. Jekk jirnexxilek iddaħħal idek fil-ħofra taʼ dahrek mingħajr ma tħossok skomdu, u jekk tistaʼ titqalleb bil-kumdità, is-saqqu huwa iebes biżżejjed għalik. B’saqqu sod, is-sinsla taʼ dahrek għandha tibqaʼ dritta meta torqod fuq ġenbek. Bniedem li fih il-piż ikollu bżonn sodda iktar iebsa.
Daqs. Agħżel sodda li tagħtik biżżejjed spazju. Jekk se jorqdu tnejn min-nies fuqha, żomm f’moħħok li jekk żewġ persuni adulti jorqdu f’sodda taʼ tnejn u taʼ daqs normali, kull wieħed minnhom se jkollu l-istess spazju li jkollha tarbija f’benniena.
Sodda u saqqu li jmorru flimkien. Jekk hu possibbli, ixtri sodda u saqqu li jmorru flimkien u li ntgħamlu biex it-tnejn li huma jipprovdulek kumdità u sodizza. Sodda qadima tistaʼ tgħarraq saqqu ġdid, kif ukoll teffettwalu l-garanzija.
Valur. Ġeneralment, taʼ li tħallas tieħu. Mela ixtri sodda taʼ l-aħjar kwalità li tistaʼ taffordja.
Spazju. Jekk l-ispazju huwa limitat, ikun għaqli li tara jekk jaqbillekx tixtri sodda Murphy, jiġifieri sodda li tingħalaq u tidħol fi gwardarobba. Għażla oħra hija l-futon, tip taʼ saqqu rqiq magħmul minn saffi taʼ tajjâr ikkuttunat li malajr jistaʼ jinfirex maʼ l-art għal-lejl. Dawn is-saqqijiet jistgħu jinbiegħu wkoll bħala sufan sodda. Dan ikollu l-qiegħ magħmul minn diversi strixxi u jkun jinfetaħ u jingħalaq.
Problemi taʼ saħħa. Jekk m’intix komdu f’sodda normali, sodda li togħla jew tinżel minn quddiem u minn wara toffrilek varjetà taʼ pożizzjonijiet differenti kif torqod. Hemm ukoll is-sodda bis-saqqu taʼ l-ilma. Din twieżen u tqassam it-toqol tal-ġisem indaqs, u tistaʼ tgħin lil dawk li ma jkunux jistgħu jagħfsu fuq partijiet sensittivi taʼ ġisimhom.
Min ibati bl-allerġiji. Jekk int allerġiku għat-trab jew għal materjal naturali, saqqu li jkun fih fibri sintetiċi jew fowm jistaʼ jkun għażla tajba. Madankollu, taʼ min wieħed jinnota li mhux kull sodda tiġmaʼ malajr l-affarijiet li jikkaġunaw l-allerġiji. Dan japplika għas-sodod bil-qafas tal-ħadid jew taʼ l-injam u b’qiegħ tat-twavel, u s-sodod bis-saqqijiet taʼ l-ilma.
Nies anzjani. Kun ċert li tistaʼ tmiss l-art bil-qiegħ taʼ saqajk meta tpoġġi bil-qegħda fit-tarf tas-sodda. Jekk it-tarf tal-bażi tas-sodda jkun sod, iktar ikun faċli biex tidħol u toħroġ mis-sodda x’ħin tkun bil-qegħda.
[Kaxxa f’paġna 23]
Suġġerimenti taʼ Protezzjoni
◼ Għal matul il-lejl, ilbes ħwejjeġ li jifilħu għan-nar.
◼ Kun ċert li l-friex ikun ’il bogħod sew minn xi nar jew heaters.
◼ Kultant żmien, iċċekkja jekk il-kutra taʼ l-elettriku għandhiex drapp imżarrat jew maqrus, marki taʼ ħruq, u jekk il-wajer tad-dawl qdiemx. Jekk il-kutra tkun imxarrba tużahiex, imma ħalliha tinxef waħedha. Titfax affarijiet tqal fuq is-sodda meta l-kutra tkun mixgħula.
◼ M’għandek qatt timla hot-water bottle bil-misħun jagħli, jew tużah meta jkollok il-kutra taʼ l-elettriku. Neħħih mis-sodda qabel ma t-tfal jidħlu jorqdu.
[Dijagramma f’paġna 23]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni) Il-kisja taʼ barra tas-saqqu
Il-kisja taʼ barra tas-saqqu
Disinn għamla taʼ djamant, b’ponti fondi
Microquilting
Trapuntar
Saffi taʼ tapizzerija ratba
Is-saff li jissoda s-saqqu
Fowm
Continuous springs
Open springs
Pocket springs
[Sors]
Reproduced by courtesy of the Sleep Council
[Sors tal-istampa f’paġna 23]
Reproduced by courtesy of the Sleep Council