Għala x-Xbieki Huma Vojta
“Kelli snin tajbin u snin ħżiena, imma qatt ma rajt kriżi tas-sajd bħalma għandna issa,” jgħid George li għandu 65 sena u li jistad fil-kosta tal-grigal taʼ l-Ingilterra. “Kollox qed jispiċċa —is-salamun, il-ħut abjad, il-merluzz, l-awwista—kollox.”
GEORGE żgur li m’huwiex l-uniku wieħed li qed jinkwieta, għaliex rapporti inkwetanti simili jiġu mill-ibħra kollha. Fil-Perù, Agustín hu l-kaptan taʼ lanċa tas-sajd taʼ 350 tunnellata. “In-nuqqas tas-sardin beda xi 12-il sena ilu,” jgħid hu. “Fil-Perù kien ikun hawn abbundanza taʼ ħut is-sena kollha, imma issa spiss ma jkollniex x’naqbdu għal diversi xhur. Qabel, qatt ma konna noħorġu ’l barra mix-xatt iktar minn 25 kilometru, imma issa noħorġu sa 300 kilometru ’l barra biex naqbdu xi ħaġa.”
Antonio li jgħix f’Galicia, fi Spanja, jgħid: “Ili nistad għal iktar minn 20 sena. Ftit ftit, rajt ir-riżorsi tal-baħar jispiċċaw. Qed nieħdu iktar mill-baħar minn dak li jiflaħ jipproduċi.”
M’huwiex possibbli tara permezz taʼ ritratt kemm qed isseħħ ħsara lill-oċeani minħabba s-sajd eċċessiv bħalma tara fuq ritratt il-ħsara li sseħħ lill-foresti tax-xita meta jitqaċċat ammont eċċessiv taʼ siġar, imma l-qerda hija daqstant reali. Twissija reċenti mill-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Ikel u l-Biedja dwar is-sajd eċċessiv kienet tgħid: “Is-sitwazzjoni hija gravi u taʼ theddida b’mod partikulari meta tqis li xi 75 fil-mija mill-inħawi tas-sajd fid-dinja diġà qed jiġu użati, sfruttati, u mbattlin għalkollox.”
Il-ħut hu s-sors prinċipali tal-proteina mill-annimali għal 20 fil-mija mill-umanità. Għalhekk, is-sigurtà taʼ wieħed mill-iktar ikel importanti tagħna hija mhedda. Il-ħut ma ssibux b’abbundanza kullimkien fil-baħar. Fil-fatt, fejn tidħol il-ħajja, ħafna mill-oċean miftuħ hu qisu deżert. L-iktar inħawi tas-sajd produttivi għandhom ħabta jkunu ħdejn il-kosta u fi nħawi fejn jitlaʼ ilma mill-qiegħ li jkun fih ħafna sustanzi. Is-sustanzi jitimgħu l-fitoplankton, li jinsab fil-bażi tal-katina taʼ l-ikel għall-annimali tal-baħar. B’liema mod qegħdin is-sajjieda jeqirdu l-inħawi tas-sajd li huma stess jiddependu minnhom għall-għajxien? L-istorja taʼ post wieħed tas-sajd tipprovdi xi tweġibiet.
Is-Sikek il-Kbar—Il-Qerda Tibda
Xi ħaġa simili għat-tfittxija sfrenata li kienet saret għad-deheb bdiet meta l-baħħâr u l-esploratur John Cabota telaq mill-Ingilterra biex jaqsam l-Atlantiku u skopra l-inħawi tas-sajd imsejħin is-Sikek il-Kbar (Grand Banks), f’post taʼ baħar baxx ’il barra mill-kosta tal-Kanada. Dan kien biss ħames snin wara l-vjaġġ storiku taʼ Kristofru Kolombu fl-1492. Fi żmien qasir, mijiet taʼ sajjieda kienu qed joħorġu fl-Atlantiku biex imorru jistadu fis-Sikek il-Kbar. Ebda Ewropew qatt ma kien ra ilmijiet daqshekk invażati bil-merluzz!
Il-merluzz kien jiswa daqs id-deheb. Apprezzat minħabba li għandu laħam abjad u kważi bla xaħam, dan il-ħut għadu l-favorit fis-suq tad-dinja. Ġeneralment, il-merluzz taʼ l-Atlantiku jiżen minn 1.4 kilogrammi sa 9 kilogrammi, imma xi merluzz fis-Sikek il-Kbar kien fih daqs bniedem. Fis-sekli taʼ wara, meta s-sajjieda tgħallmu kif jużaw ix-xbieki tal-qiegħ u l-ħbula twal tas-sajd b’eluf taʼ snanar, huma bdew jaqbdu ħafna iktar ħut.
L-Impatt tas-Sajd Industrijali
Sas-seklu 19, xi Ewropej bdew jinkwetaw dwar il-postijiet tas-sajd li kienu qed jitbattlu, speċjalment fejn jidħlu l-aringi. Madankollu, il-Professur Thomas Huxley, li kien president tas-Soċjetà Rjali Britannika, iddikjara fl-Esibizzjoni Internazzjonali tal-Postijiet tas-Sajd li saret f’Londra fl-1883: “Tant hawn ammont esaġerat taʼ ħut li dak li naqbdu aħna tistaʼ tgħid li hu insinifikanti . . . Allura, jien nemmen, li l-postijiet tas-sajd għall-merluzz . . . u x’aktarx li l-postijiet il-kbar kollha fejn isir is-sajd qatt ma jistgħu jitbattlu.”
Ftit kienu dawk li ddubitaw il-ħarsa taʼ Huxley, anki wara li fis-Sikek il-Kbar beda jsir is-sajd b’laneċ tas-sajd industrijali li jaħdmu bl-istim. Id-domanda għall-merluzz żdiedet, speċjalment wara s-sena 1925 meta Clarence Birdseye mill-Massachusetts, l-Istati Uniti, ivvinta proċess li jiffriża l-ħut malajr. Is-sajjieda wieġbu għal dan il-proċess ġdid billi użaw laneċ li jiġbdu x-xbieki wesgħin tas-sajd u li jaħdmu bid-diesel biex jaqbdu kwantitajiet saħansitra akbar taʼ ħut. Imma kien għadu ġej sfruttar saħansitra akbar.
Fl-1951, vapur b’dehra stramba wasal mill-Britannja biex jistad fis-Sikek il-Kbar. Dan kien twil 85 metru u kien jiflaħ 2,600 tunnellata grassa. Dan kien l-ewwel lanċa fid-dinja li fiha setgħu jippakkjaw u jiffriżaw il-ħut malli jinqabad. Kellha rampa fil-poppa, fejn kien hemm magni li setgħu jiġbdu x-xbieki enormi, u taħt il-gverta kellha ringieli taʼ magni li b’mod awtomatiku kienu jneħħu x-xewk mill-ħut u jiffriżawh. Billi użat ir-radar, apparat li jsib il-ħut, u apparat sensittiv għaċ-ċaqliq tal-ħut, il-lanċa setgħet tfittex u taqbad qtajjaʼ taʼ ħut lejl u nhar għal ġimgħat sħaħ.
Ġnus oħrajn raw il-potenzjal kummerċjali, u fi żmien qasir mijiet taʼ vetturi simili kienu qed jistadu fl-ibħra, u bdew jaqbdu mal-200 tunnellata ħut fis-siegħa. Xi wħud mill-vapuri kienu jifilħu mat-8,000 tunnellata u kellhom xbieki li kienu kbar biżżejjed biex jaqbdu fihom jumbo jet, wieħed mill-akbar ajruplani.
L-Aħħar Daqqa
“Għall-aħħar tas-snin 70,” jgħid il-ktieb Ocean’s End, “ħafna nies kienu għadhom qed jiġu mqarrqin mill-ħsieb li l-abbundanza taʼ l-oċean hija infinita.” Qtajjaʼ taʼ laneċ ġganteski komplew jistadu fis-Sikek il-Kbar tul is-snin 80. Ix-xjenzati wissew li l-popolazzjonijiet tal-merluzz kienu qed jitbattlu. Imma għaxriet t’eluf taʼ nies issa kienu jiddependu minn dawn l-inħawi tas-sajd għall-għajxien tagħhom, u l-politikanti ma ridux jieħdu deċiżjoni li lil ħafna nies ma kinitx se togħġobhom. Finalment, fl-1992, ix-xjenzati wrew li fi 30 sena l-popolazzjoni tal-merluzz tnaqqset bir-rata xokkanti taʼ 98.9 fil-mija. Is-sajd għall-merluzz fis-Sikek il-Kbar sar projbit. Imma kien tard wisq. Ħames mitt sena wara li ġie skopert, wieħed mill-iktar postijiet tas-sajd abbundanti fid-dinja tant sar sajd fih li ġie meqrud.
Is-sajjieda ttamaw li l-merluzz kien se jerġaʼ jipproduċi malajr. Imma l-merluzz jgħix iktar minn 20 sena u jiżviluppa bil-mod. Mill-1992 ’l hawn, il-post għadu ma rkuprax kif ittamaw ħafna.
Kriżi tas-Sajd Madwar id-Dinja
Dak li ġara fis-Sikek il-Kbar huwa eżempju inkwetanti tal-problema globali fl-industrija tas-sajd. Fl-2002, il-ministru Britanniku taʼ l-ambjent qal li “issa tant qed isir sajd fl-inħawi fejn hemm il-ħut fid-dinja li 60 fil-mija minnhom qed jinqerdu.” It-tonn, il-pixxispad, il-kelb il-baħar, u l-ħut li jgħix madwar il-blat huma fost il-ħafna speċi li jinsabu fil-periklu.
Ħafna ġnus għonja, waqt li diġà qerdu l-postijiet tas-sajd tagħhom stess, issa qed ifittxu postijiet tas-sajd fil-bogħod sabiex jisfruttawhom. Per eżempju, il-kosta Afrikana għandha xi wħud mill-iktar inħawi tas-sajd fertili fid-dinja. Ħafna ħakkiema Afrikani ma tantx jaffordjaw iċaħħdu l-liċenzji tas-sajd, għaliex dawn huma sors kbir taʼ dħul taʼ flus barranin għall-kaxxi tat-teżor tal-gvern. Mhux taʼ b’xejn li n-nies lokali huma rrabjati minħabba li s-sorsi tal-ħut tagħhom qed jitbattlu.
Għala Jibqaʼ Jsir is-Sajd Eċċessiv?
Għal min m’huwiex fis-sitwazzjoni, is-soluzzjoni tidher faċli—li jitwaqqaf is-sajd eċċessiv. Imma m’huwiex daqshekk sempliċi. Is-sajd kummerċjali jeħtieġ ħafna flus għall-apparat. Għalhekk, kull sajjied jittama li l-oħrajn jieqfu jistadu ħalli hu jkun jistaʼ jkompli. Minħabba f’hekk, ġeneralment ħadd ma jieqaf. Iktar minn hekk, il-gvernijiet spiss huma l-iktar uħud li jinvestu fis-sajd, u għalhekk, huma għandhom sehem f’din il-problema. Ir-rivista Issues in Science and Technology tgħid: “Il-ġnus spiss ħarsu lejn il-mira tal-[ĠM] biex tieħu ħsieb il-postijiet tas-sajd bħala kodiċi morali li għandha tintlaħaq minn ġnus oħrajn imma li huma nfushom jistgħu jinjorawha.”
Is-sajjieda dilettanti wkoll għandhom parti mit-tort. Meta rrapporta fuq studju taʼ l-Istati Uniti, il-ġurnal New Scientist qal: “Ġie rapportat li s-sajd li jsir bħala delizzju jaħti għal 64 fil-mija mis-sajd eċċessiv taʼ ċerti speċi taʼ ħut tul il-Golf tal-Messiku.” Ladarba kemm dawk li huma dilettanti tas-sajd u kemm dawk li jistadu għal raġunijiet kummerċjali għandhom influwenza qawwija, il-politikanti għandhom it-tendenza li jagħmlu dak li hu l-iktar popolari minflok dak li jipproteġi s-sorsi tal-ħut.
Jistgħu jiġu protetti l-inħawi tas-sajd fid-dinja? Boyce Thorne-Miller jgħid fil-ktieb tiegħu The Living Ocean: “M’hemm xejn speċifiku li jistaʼ jsalva l-ispeċi taʼ l-oċeani sakemm isseħħ bidla drastika fl-attitudni tal-bniedem.” B’ferħ, il-Ħallieq, Alla Ġeħova, stabbilixxa Saltna li se tiżgura li fil-futur id-dinja kollha tkun fis-sigurtà.—Danjel 2:44; Mattew 6:10.
[Nota taʼ taħt]
a John Cabot twieled l-Italja, fejn ġie msejjaħ Giovanni Caboto. Fis-snin 80 tas-seklu 15, hu mar jgħix fi Bristol, l-Ingilterra, u telaq minn hemm għall-vjaġġ tiegħu fl-1497.
[Kumment f’paġna 25]
L-ibħra li fihom isir sajd eċċessiv ġew meqrudin sewwasew bħalma ġralhom il-foresti tax-xita li minnhom tqaċċat ammont eċċessiv taʼ siġar
[Kumment f’paġna 26]
“Xi 75 fil-mija mill-inħawi tas-sajd fid-dinja diġà qed jiġu użati, sfruttati, u mbattlin għalkollox.”—Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Ikel u l-Biedja
[Kumment f’paġna 27]
Il-ħut hu s-sors prinċipali tal-proteina mill-annimali għal 20 fil-mija mill-umanità
[Stampa f’paġna 27]
Kambodja
[Stampa f’paġna 27]
Sajd kummerċjali, l-Alaska
[Stampa f’paġna 27]
Repubblika Demokratika tal-Kongo
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 24]
© Janis Miglavs/DanitaDelimont.com
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 26]
Fuq: © Mikkel Ostergaard/Panos Pictures; nofs: © Steven Kazlowski/SeaPics.com; taħt: © Tim Dirven/Panos Pictures