-
L-1 Sigriet: Il-Prijoritajiet XierqaStenbaħ!—2010 | Jannar
-
-
L-1 Sigriet: Il-Prijoritajiet Xierqa
‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.
Dan xi jfisser. Fi żwiġijiet li jirnexxu, kull mara jew raġel ipoġġi l-ħtiġijiet tal-parti l-oħra fiż-żwieġ qabel dawk tiegħu, qabel il-ġid, ix-xogħol, il-ħbieb, u saħansitra qraba oħrajn. Ir-raġel u martu jqattgħu ħafna ħin flimkien u anki maʼ wliedhom. It-tnejn huma lesti li jagħmlu sagrifiċċji għall-benefiċċju tal-familja.—Filippin 2:4.
Għala hu importanti. Il-Bibbja tagħti importanza kbira lill-familja. Fil-fatt, l-appostlu Pawlu kiteb li xi ħadd li ma jipprovdix għall-familja tiegħu “jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Madankollu, maż-żmien, il-prijoritajiet taʼ dak li jkun jistgħu jitbiddlu. Pereżempju, wieħed li jagħti l-pariri dwar il-familja nnota li ħafna li attendew għal konferenza organizzata minnu donnhom dehru li kienu iktar iffokati fuq il-karriera milli fuq il-familja. Hu jgħid li kien bħallikieku stennew li jitgħallmu xi “teknika taʼ malajr” sabiex ikunu jistgħu “jaqtgħu l-‘familja’ mil-lista tagħhom taʼ ‘x’għandhom jagħmlu’ u jmorru lura għal li jiffokaw fuq il-professjonijiet tagħhom.” X’lezzjoni nitgħallmu? Hu iktar faċli li ngħidu li npoġġu l-familja l-ewwel milli nagħmlu dan.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Uża l-mistoqsijiet li ġejjin bħala gwida biex tara x’sens taʼ prijorità għandek.
◼ Nagħti jien l-attenzjoni tiegħi fil-pront meta l-parti l-oħra fiż-żwieġ jew xi ħadd mit-tfal ikollhom bżonn ikellmuni?
◼ Meta nitkellem maʼ ħaddieħor dwar l-attivitajiet tiegħi, insib ruħi spiss niddiskuti affarijiet li nagħmel mal-familja tiegħi?
◼ Nirrifjuta jien xi responsabbiltà miżjuda (fuq ix-xogħol jew xi mkien ieħor) jekk il-familja tiegħi jkollha bżonn il-ħin tiegħi?
Jekk wiġibt iva għall-mistoqsijiet t’hawn fuq, għandek mnejn tassumi li għandek il-prijoritajiet xierqa. Imma l-parti l-oħra fiż-żwieġ u wliedek kieku kif kienu jwiġbuhom dawn il-mistoqsijiet dwarek? Kif naraw lilna nfusna mhuwiex l-uniku kejl li bih inkejlu l-prijoritajiet tagħna. U dan l-istess prinċipju japplika għas-sigrieti l-oħrajn biex ikollok suċċess li se jiġu diskussi fil-paġni li ġejjin.
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb dwar mod wieħed jew tnejn kif tistaʼ turi li l-familja tiegħek tiġi l-ewwel. (Pereżempju: Aħseb dwar li tqattaʼ inqas ħin fuq affarijiet li għandhom mnejn qed jiħdulek mill-ħin li jkun aħjar li tqattgħu mal-parti l-oħra fiż-żwieġ u maʼ wliedek.)
Għala ma tiddiskutix ir-riżoluzzjonijiet tiegħek mal-familja tiegħek? Meta membru wieħed juri li hu lest li jinbidel, l-oħrajn x’aktarx li jkunu lesti li jagħmlu bħalu.
[Stampa f’paġna 3]
Ġenitur li jirnexxi jagħti prijorità kbira lill-parti l-oħra fiż-żwieġ u lit-tfal
-
-
It-2 Sigriet: ImpennStenbaħ!—2010 | Jannar
-
-
It-2 Sigriet: Impenn
“Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.
Dan xi jfisser. Koppji li jirnexxu jqisu ż-żwieġ tagħhom bħala unjoni permanenti. Meta tqum xi problema, huma jistinkaw biex isolvuha minflok ma jużawha bħala skuża biex jabbandunaw iż-żwieġ. Meta l-miżżewġin ikollhom sens taʼ impenn iħossuhom fis-sigurtà. Huma jkollhom il-fiduċja li l-parti l-oħra fiż-żwieġ se tkompli tonora l-unjoni.
Għala hu importanti. B’ħafna modi, l-impenn hu s-sinsla taʼ relazzjoni fiż-żwieġ. Madankollu, wara konflitti ripetuti, l-impenn jistaʼ jidher li hu iktar bħal xi nasba milli fiduċja. Fil-fatt, l-espressjoni “sakemm il-mewt tifridna” ssir ftit iktar minn kuntratt bla emozzjoni—kuntratt li l-imseħbin ikunu jixtiequ li jistgħu jinħallu minnu. Forsi ma jabbandunawx iż-żwieġ letteralment, imma jistgħu “joħorġu minnu” b’modi oħrajn—pereżempju, billi jibqgħu ħalqhom magħluq meta jkollhom bżonn jiddiskutu kwistjonijiet serji.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Uża l-mistoqsijiet li ġejjin bħala gwida biex tara x’livell taʼ impenn għandek.
◼ Meta nkunu f’nofs xi tilwima, insib jien li qed jiddispjaċini li żżewwiġt lil marti?
◼ Noħlom spiss li qiegħed maʼ xi oħra li mhix il-mara tiegħi?
◼ Ngħid kultant lill-parti l-oħra fiż-żwieġ, “Se nitilqek” jew “Ħa mmur insib lil xi ħadd li japprezzani”?
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb dwar xi azzjoni jew tnejn li tistaʼ tieħu biex issaħħaħ l-impenn tiegħek. (Xi ideat: Kultant ikteb nota lill-parti l-oħra fiż-żwieġ, żomm xi ritratti tagħha fejn tistaʼ tarahom fuq ix-xogħol, jew ċemplilha kuljum minn fuq ix-xogħol, sempliċement biex tibqgħu f’kuntatt.)
Għala ma tagħmilx diversi suġġerimenti u mbagħad tistaqsi lill-parti l-oħra fiż-żwieġ liema minnhom huma l-iktar sinifikanti għaliha?
[Stampa f’paġna 4]
L-impenn hu bħal ilqugħ protettiv li ma jħallix iż-żwieġ tiegħek jiżvija
[Sors]
© Corbis/age fotostock
-
-
It-3 Sigriet: Ħidma Bħala TimStenbaħ!—2010 | Jannar
-
-
It-3 Sigriet: Ħidma Bħala Tim
“Tnejn aħjar minn wieħed . . . Jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.”—Ekkleżjasti 4:9, 10.
Dan xi jfisser. Koppji li jirnexxu jirrispettaw l-arranġament t’Alla dwar l-istat taʼ kap kif spjegat fil-Bibbja. (Efesin 5:22-24) Minkejja dan, kemm ir-raġel u kemm il-mara jħarsu lejn iż-żwieġ tagħhom b’termini taʼ “tagħna” u “aħna” minflok “tiegħi” u “jien.” Meta jaħdmu bħala tim, ir-raġel u l-mara ma jibqgħux jaqdfu għal rashom. Ikunu “ġisem wieħed”—terminu Bibliku li ma jiddeskrivix biss kemm hi permanenti l-unjoni imma wkoll kemm hi intima.—Ġenesi 2:24.
Għala hu importanti. Jekk int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ ma taħdmux bħala tim, affarijiet żgħar malajr isiru kwistjonijiet kbar bit-tnejn li intom tattakkaw lil xulxin minflok ma tipprovaw issolvu l-problema li nqalgħet. B’kuntrast, meta int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ taħdmu bħala tim issiru bħal pilota u l-assistent tiegħu bl-istess pjan tat-titjira minflok ma tkunu żewġ piloti f’żewġ ajruplani li se jaħbtu maʼ xulxin. Meta ma taqblux, intom issibu soluzzjonijiet prattiċi minflok ma taħlu l-ħin u l-enerġija emozzjonali billi tagħtu t-tort u takkużaw lil xulxin.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin biex tara xi spirtu għandek taʼ li taħdem bħala tim.
◼ Inqis il-flus li naqlaʼ bħala “kollha tiegħi,” ladarba jien kont li qlajthom?
◼ Nevitahom lill-qraba tal-parti l-oħra fiż-żwieġ, avolja hi tħossha qribhom?
◼ Għandi bżonn inkun ’il bogħod mill-parti l-oħra fiż-żwieġ biex nirrilassa kompletament?
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb dwar mod wieħed jew tnejn kif tistaʼ turi li int iktar inklinat li taħdem bħala tim mal-parti l-oħra fiż-żwieġ.
Għala ma tistaqsix lill-parti l-oħra fiż-żwieġ x’tixtieq tissuġġerixxi?
[Stampa f’paġna 5]
Il-ħidma bħala tim tfisser li intom pilota u l-assistent tiegħu bl-istess pjan tat-titjira
-
-
Ir-4 Sigriet: RispettStenbaħ!—2010 | Jannar
-
-
Ir-4 Sigriet: Rispett
“Ħa jitwarrab minnkom kull . . . twerżiq u tgħajjir.” —Efesin 4:31.
Dan xi jfisser. Kemm il-familji bl-inkwiet u kemm dawk li jirnexxu jkollhom nuqqas taʼ qbil. Imma l-familji li jirnexxu jiddiskutu l-kwistjonijiet mingħajr ma jirrikorru għal sarkażmu, insulti, u forom oħrajn taʼ diskors abbużiv. Membri tal-familja jittrattaw lil xulxin bħalma jixtiequ li jiġu trattati huma stess.—Mattew 7:12.
Għala hu importanti. Il-kliem jistaʼ jsir arma li tipproduċi effetti devastanti. Proverbju Bibliku jgħid: “Aħjar tgħix f’deżert, milli maʼ mara lsienha jniggeż u rrabjata.” (Proverbji 21:19, The Bible in Basic English) M’għandniex xi ngħidu, l-istess jistaʼ jingħad dwar raġel li lsienu jniggeż. U meta niġu għat-trobbija tat-tfal, il-Bibbja tistqarr: “Iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.” (Kolossin 3:21) Tfal li jiġu kritikati l-ħin kollu għandhom mnejn iħossu li hu impossibbli li jogħġbu lill-ġenituri tagħhom. Jistgħu saħansitra ma jibqgħux jipprovaw.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin biex tara x’livell taʼ rispett għandek fil-familja tiegħek.
◼ Fil-familja tiegħi, in-nuqqas taʼ qbil ġeneralment jispiċċa b’li persuna waħda titlaq irrabjata mill-kamra?
◼ Meta nitkellem mal-parti l-oħra fiż-żwieġ jew mat-tfal, nuża jien kliem insolenti, bħal “stupidu,” “idjota,” jew xi ħaġa simili?
◼ Trabbejt jien f’atmosfera li fiha d-diskors abbużiv kien komuni?
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb dwar mira waħda jew tnejn li jistaʼ jkollok rigward li turi rispett f’diskorsok. (Idea: Iddeċiedi li tuża l-kelma “jien” minflok “int.” Pereżempju, “Jien inħossni mweġġaʼ meta int . . . ,” minflok ma tgħid “Int dejjem . . . ”)
Għala ma tħallix lill-parti l-oħra fiż-żwieġ tkun taf bil-mira (jew miri) tiegħek? Wara tliet xhur, iċċekkja mal-parti l-oħra fiż-żwieġ biex tara xi progress tkun għamilt.
Aħseb dwar xi limiti li tistaʼ tistabbilixxi sabiex ma tużax diskors abbużiv meta tikkomunika maʼ wliedek.
Għala ma tiskużax ruħek maʼ wliedek għal dawk id-drabi meta forsi kellimthom bl-aħrax jew b’mod sarkastiku?
[Stampa f’paġna 6]
Sewwasew bħalma l-blat solidu jistaʼ jittiekel mill-mewġ t’oċean, hekk familja tistaʼ tiddgħajjef minn diskors li jweġġaʼ
-
-
Il-5 Sigriet: RaġunevolezzaStenbaħ!—2010 | Jannar
-
-
Il-5 Sigriet: Raġunevolezza
“Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.”—Filippin 4:5.
Dan xi jfisser. Fil-familji li jirnexxu, l-irġiel u n-nisa tagħhom jaħfru l-iżbalji taʼ xulxin. (Rumani 3:23) Ukoll, la huma riġidi bla bżonn u lanqas huma permissivi żżejjed maʼ wliedhom. Huma jistabbilixxu għadd raġunevoli taʼ regoli fil-familja. Meta tkun meħtieġa l-korrezzjoni, huma jagħtuha ‘kemm ikun mistħoqq.’—Ġeremija 30:11.
Għala hu importanti. Il-Bibbja tgħid li “l-għerf li ġej minn fuq hu . . . raġunevoli.” (Ġakbu 3:17) Alla stess ma jesiġix il-perfezzjoni minn bnedmin imperfetti; allura għala għandhom koppja miżżewġa jesiġuha minn xulxin? Tassew, li toqgħod issib ix-xagħra fl-għaġina fi ħtijiet żgħar jipproduċi biss imrar, mhux titjib. L-aħjar hu li naċċettaw il-fatt li “lkoll nitfixklu ħafna drabi.”—Ġakbu 3:2.
Ġenituri li jirnexxu juru r-raġunevolezza meta jittrattaw maʼ wliedhom. Id-dixxiplina tagħhom mhijiex eċċessiva, u lanqas mhuma “diffiċli biex togħġobhom.” (1 Pietru 2:18) Huma jagħtu libertajiet lill-adoloxxenti li juru sens taʼ responsabbiltà. Ma jipprovawx jikkontrollaw sal-iċken dettall il-ħajja tal-adoloxxenti tagħhom. Xogħol taʼ referenza jgħid illi li tipprova tikkontrolla kull aspett tal-ħajja tal-adoloxxenti “hu l-ekwivalenti għal li tagħmel żifna vjolenti u stressanti biex tinvoka x-xita. Xita mhix se tagħmel, imma għeja se jkollok żgur.”
Ipprova dan l-eżerċizzju. Wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin biex tara x’livell taʼ raġunevolezza għandek.
◼ Meta kienet l-aħħar darba li faħħart lill-parti l-oħra fiż-żwieġ?
◼ Meta kienet l-aħħar darba li kkritikajt lill-parti l-oħra fiż-żwieġ?
Agħmel riżoluzzjoni. Jekk sibtha diffiċli biex twieġeb l-ewwel mistoqsija fl-eżerċizzju li għadek kif għamilt imma ma kellek ebda problema biex twieġeb it-tieni, aħseb dwar mira li tistaʼ tagħmel rigward l-istennijiet tiegħek.
Għala ma tiddiskutix mal-parti l-oħra fiż-żwieġ liema riżoluzzjonijiet tistgħu tagħmlu intom it-tnejn?
Aħseb dwar xi libertajiet li tistaʼ tagħti lill-adoloxxenti tiegħek hekk kif hu jew hi turi sens taʼ responsabbiltà.
Għax ma tiddiskutix bil-miftuħ mal-adoloxxenti tiegħek dwar suġġetti bħalma hu l-ħin meta għandu jew għandha tidħol id-dar?
[Stampa f’paġna 7]
Bħal sewwieq attent, membru tal-familja li hu raġunevoli jkun lest li jċedi
-
-
Is-6 Sigriet: MaħfraStenbaħ!—2010 | Jannar
-
-
Is-6 Sigriet: Maħfra
“Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb.”—Kolossin 3:13.
Dan xi jfisser. Koppji li jirnexxu jitgħallmu mill-passat; imma ma jżommux fil-komma xi offiżi tal-imgħoddi u mbagħad jużawhom biex jagħmlu rimarki bħal “Int dejjem tard” jew “Int qatt ma tismagħni.” Kemm ir-raġel u kemm martu jemmnu li ‘hija ħaġa sabiħa . . . li jħallu nuqqas għaddej.’—Proverbji 19:11.
Għala hu importanti. Alla hu ‘lest li jaħfer,’ imma l-bnedmin mhux dejjem hekk jagħmlu. (Salm 86:5) Meta nuqqas taʼ qbil tal-passat jibqaʼ mhux solvut, ir-riżentiment jistaʼ jakkumula sal-punt li l-maħfra tidher li hi impossibbli. Kemm il-mara u kemm ir-raġel jistgħu jintefgħu f’rokna emozzjonali—kull wieħed ikun insensittiv għas-sentimenti tal-parti l-oħra fiż-żwieġ. It-tnejn iħossuhom maqbudin fi żwieġ mingħajr imħabba.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Ħares lejn xi ritratti li kontu ħadtu kmieni fiż-żwieġ tagħkom jew matul l-għerusija. Ipprova erġaʼ kebbes l-imħabba li kellek qabel ma bdew il-problemi li ċajpru l-mod kif kontu tqisu lil xulxin. Imbagħad aħseb fil-kwalitajiet li għall-ewwel ġibdukom lejn xulxin.
◼ Liema kwalitajiet tammira l-iktar issa dwar il-parti l-oħra fiż-żwieġ?
◼ Aħseb dwar xi effetti pożittivi li jistaʼ jkollok fuq uliedek meta tkun persuna li taħfer iktar.
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb f’xi mod wieħed jew tnejn kif m’intix se ssemmi offiżi tal-passat fin-nuqqas taʼ qbil li jistaʼ jkollkom bejnietkom fil-preżent.
Għala ma tfaħħarx lill-parti l-oħra fiż-żwieġ għall-kwalitajiet li tammira fiha?—Proverbji 31:28, 29.
Ikkunsidra xi modi kif se taħfer lil uliedek.
Għala ma tiddiskutix maʼ wliedek is-suġġett tal-maħfra u kif l-abbiltà li taħfer tibbenefika lil kull membru tal-familja?
[Stampa f’paġna 8]
Meta taħfer, id-dejn jiġi kanċellat. Ma tipprovax tiġbru lura iktar tard
-
-
Is-7 Sigriet: Pedament SodStenbaħ!—2010 | Jannar
-
-
Is-7 Sigriet: Pedament Sod
Dan xi jfisser. Familji b’saħħithom ma jibqgħux sħaħ awtomatikament, bħalma dar ma tibqax wieqfa għal ħafna għaxriet taʼ snin awtomatikament. Struttura solida teħtieġ pedament sod, u l-istess hu minnu dwar familja b’saħħitha. Familji li jirnexxu jinbnew fuq sors taʼ gwida li jaħdem.
Għala hu importanti. Hemm abbundanza taʼ pariri fuq il-ħajja tal-familja fil-kotba, fir-rivisti, u fil-programmi televiżivi. Xi wħud li jagħtu l-pariri dwar iż-żwieġ iħeġġu lil koppji li għandhom l-inkwiet biex jibqgħu flimkien, waqt li oħrajn iħeġġu lill-istess koppji biex jinfirdu. Xi esperti saħansitra jbiddlu l-ħsieb tagħhom stess dwar suġġetti bħal dawn. Pereżempju, fl-1994 terapista popolari li tispeċjalizza fi problemi tal-adoloxxenti kitbet li iktar kmieni fil-karriera tagħha ħasset li “t-tfal marru aħjar b’ġenituri waħedhom li kienu henjin milli b’ġenituri miżżewġin li ma kinux henjin. Kont naħseb li d-divorzju kien għażla aħjar milli wieħed jissielet fi żwieġ bil-problemi.” Iżda, wara għoxrin sena t’esperjenza biddlet l-opinjoni tagħha. Hi stqarret: “Id-divorzju jkisser ħafna tfal.”
L-opinjonijiet jistgħu jitbiddlu, imma l-aqwa parir li jistaʼ jinstab dejjem se jkun jirrifletti b’xi mod il-prinċipji li jinstabu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Int u taqra din is-serje t’artikli, forsi nnotajt li hemm prinċipju Bibliku fin-naħa taʼ fuq taʼ paġni 3-8. Prinċipji bħal dawn għenu lil ħafna familji jirnexxu verament. Bħall-familji l-oħrajn kollha, huma jkollhom il-problemi. Id-differenza hi li l-Bibbja pprovditilhom pedament sod għaż-żwieġ u l-ħajja tal-familja. Dan nistennew li hu minnu dwar il-Bibbja, għax l-Awtur tagħha, Alla Ġeħova, hu l-Oriġinatur tal-familja.—2 Timotju 3:16, 17.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Agħmel lista tal-iskritturi kwotati fin-naħa taʼ fuq taʼ paġni 3 sa 8. Żid kwalunkwe skrittura oħra li għenitek. Żomm lista taʼ dawn fejn issibha, u rreferi għalihom spiss.
Agħmel riżoluzzjoni. Kun determinat li tapplika l-Bibbja fil-ħajja tal-familja tiegħek.
[Stampa f’paġna 9]
Permezz taʼ pedament Skritturali sod, il-familja tiegħek tistaʼ tirreżisti l-burraxki li jhedduha
-