LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Taħdita Mogħtija b’Mod Fluwenti
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • STUDJU 4

      Taħdita Mogħtija b’Mod Fluwenti

      X’hemm bżonn tagħmel?

      Aqra u tkellem b’mod li l-​kliem u l-​ħsibijiet tiegħek joħorġu bla tbatija. Meta t-​taħdita tkun fluwenti, id-​diskors ma jkunx bl-​iskossi jew tassew bil-​mod, u ma jkunx hemm tfixkil fil-​kliem jew tfittxija għall-​ħsibijiet.

      GĦALA IMPORTANTI?

      Meta kelliemi ma jkunx fluwenti, moħħ is-​semmiegħa jistaʼ jiġri bihom; jistgħu jitwasslu ideat żbaljati. Dak li jintqal jistaʼ ma jkunx persważiv.

      META taqra b’leħen għoli, titfixkel int f’ċerti espressjonijiet? Jew meta tidher quddiem udjenza biex tagħti taħdita, issib li spiss iddum tfittex għall-​kliem xieraq? Jekk inhu hekk, jistaʼ jkun li għandek problema biex tkun fluwenti. Individwu fluwenti jaqra u jitkellem b’mod li kliemu u ħsibijietu joħorġu bla tbatija, mingħajr sforz. Dan ma jfissirx li hu jitkellem il-​ħin kollu, li jitkellem b’ritmu mgħaġġel ferm, jew li jitkellem mingħajr ma jaħseb. Id-​diskors tiegħu hu pjaċevoli u mlissen bil-​ħlewwa. Fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku tingħata attenzjoni speċjali għal kemm wieħed ikun fluwenti.

      Hemm varjetà taʼ fatturi li jistgħu jwasslu biex individwu ma jkunx fluwenti. Għandek bżonn tagħti kas b’mod speċjali xi waħda minn dawn l-​affarijiet li ġejjin? (1) Meta taqra lil oħrajn, il-​fatt li ma tkunx familjari maʼ ċertu kliem jistaʼ jġiegħlek toqgħod taħsibha qabel titkellem. (2) Pawsi qosra u spissi jistgħu jirriżultaw f’diskors bl-​iskossi. (3) Nuqqas taʼ preparazzjoni jistaʼ jkun wieħed mill-​kaġuni tal-​problema. (4) Fattur komuni li ma jħallix lil xi ħadd jitkellem b’mod fluwenti meta jkun quddiem grupp taʼ nies huwa li ma jkunx organizza l-​materjal b’mod loġiku. (5) Vokabolarju limitat jistaʼ jwassal biex individwu joqgħod jaħsibha hekk kif ifittex għall-​kliem xieraq li se juża. (6) L-​enfasizzar taʼ ħafna kliem jistaʼ jfixkel persuna milli tkun fluwenti. (7) Li wieħed ma jkunx midħla tar-​regoli tal-​grammatika jistaʼ jikkontribwixxi għall-​problema.

      Jekk ma tkunx fluwenti, in-​nies fl-​udjenza fis-​Sala tas-​Saltna mhumiex se jitilqu ’l barra b’mod letterali, iżda se jiġu aljenati mentalment. B’hekk, ħafna minn dak li tgħid jistaʼ jintilef.

      Mill-​banda l-​oħra, hija meħtieġa l-​attenzjoni sabiex it-​taħdita li tkun intenzjonata li tingħata b’ċerta forza u b’mod fluwenti ma ssirx b’mod dominanti u b’arroganza, forsi sal-​punt li tkun imbarazzanti għall-​udjenza. Jekk minħabba xi differenzi fl-​isfond kulturali n-​nies iħarsu lejn il-​mod kif titkellem bħala li hu bla tattika jew nieqes mis-​sinċerità, dan se jmewwet l-​iskop tiegħek. Taʼ min jinnota li l-​appostlu Pawlu, għalkemm kien kelliemi tal-​esperjenza, kellem lill-​Korintin “bid-​dgħjufija u bil-​biżaʼ u b’ħafna tregħid” sabiex ma jiġbidx l-​attenzjoni lejh bla bżonn.—1 Kor. 2:3.

      Prattiki li Għandek Tevita. Ħafna nies għandhom vizzju jgħidu espressjonijiet bħal “emm” meta jitkellmu. Oħrajn spiss jibdew xi ħsieb billi jgħidu “issa,” jew idaħħlu xi frażi, bħal “taf int” jew “qed tifhem,” f’kulma jkunu qed jgħidu. Jistaʼ jkun li m’intix konxju taʼ kemm tużahom spiss dawn l-​espressjonijiet. Forsi tistaʼ tipprova tipprattika billi xi ħadd joqgħod jisimgħek u jirripeti dawn l-​espressjonijiet warajk kull darba li tgħidhom. Għandek mnejn tibqaʼ skantat.

      Xi nies jużaw ħafna ripetizzjonijiet meta jaqraw u jitkellmu. Dan jagħmluh billi jibdew sentenza u mbagħad iwaqqfu lilhom infushom f’nofsha u jirripetu minn tal-​inqas biċċa minn dak li jkunu qalu diġà.

      Jerġaʼ hemm oħrajn li jitkellmu b’ritmu tajjeb, iżda jibdew bi ħsieb wieħed u mbagħad f’nofs sentenza jaqilbu għal xi ħaġa oħra. Għalkemm il-​kliem jiġi naturali, bdil ħesrem fil-​ħsieb ifixkel milli wieħed ikun fluwenti.

      Kif Tagħmel Titjib. Jekk il-​problema tiegħek hi li spiss issib ruħek tfittex għall-​kelma xierqa, għandek bżonn toqgħod attent u tagħmel sforz biex iżżid il-​vokabolarju tiegħek. Agħti kas speċjalment taʼ kliem li m’intix midħla tiegħu fit-​Torri tal-​Għassa, Stenbaħ!, u pubblikazzjonijiet oħrajn li tkun qed taqra. Fittex dan il-​kliem f’dizzjunarju, ara kif irid jiġi pronunzjat u ċċekkja t-​tifsira, u żid xi ftit minn dan il-​kliem mal-​vokabolarju tiegħek. Jekk ebda dizzjunarju mhuwa disponibbli għalik, itlob l-​għajnuna taʼ xi ħadd li jitkellem il-​lingwa sewwa.

      Sabiex titjieb ħudha drawwa li taqra b’leħen għoli regolarment. Agħti kas kliem diffiċli, u għidu b’leħen għoli għal diversi drabi.

      Sabiex taqra b’mod fluwenti, jeħtieġ li tifhem kif il-​kliem jorbot flimkien f’sentenza. Ġeneralment jeħtieġ li l-​kliem jinqara fi gruppi sabiex jitwassal il-​ħsieb li jrid jgħaddi l-​kittieb. Agħti kas speċjalment għal ġabriet taʼ kliem bħal dawn. Jekk taħseb li jkun taʼ għajnuna, immarkahom. Il-​mira tiegħek mhijiex sempliċement li taqra l-​kliem b’mod korrett iżda anki li twassal il-​ħsibijiet b’mod ċar. Wara li tanalizza sentenza waħda, għaddi għas-​sentenza li jmiss sakemm tkun studjajt il-​paragrafu kollu kemm hu. Sir midħla tal-​ħsieb ġenerali. Imbagħad ipprattika billi taqra b’leħen għoli. Aqra l-​paragrafu darba wara l-​oħra sakemm tkun tistaʼ taqrah mingħajr ma titfixkel u mingħajr ma tagħmel pawsi bla bżonn. Imbagħad għaddi għal paragrafi oħrajn.

      Wara dan, żid il-​pass tiegħek. Jekk bdejt tifhem kif il-​kliem f’sentenza jorbot flimkien, se tkun tistaʼ tara iktar minn kelma waħda kull darba u tantiċipa xi jkun ġej. Dan tassew se jgħin biex il-​qari tiegħek ikun effettiv.

      Id-​drawwa regulari li taqra mingħajr preparazzjoni minn qabel tistaʼ tkun taʼ taħriġ siewi. Pereżempju, mingħajr ma tipprepara minn qabel, aqra l-​iskrittura tal-​jum u l-​kummenti b’leħen għoli; agħmel dan fuq bażi regulari. Idra ħalli lil għajnejk jaraw il-​kliem bħala ġabriet taʼ kliem li jesprimu ħsibijiet kompluti minflok ma jaraw kelma waħda biss kull darba.

      Fil-​konversazzjoni, li tkun fluwenti jirrikjedi li taħseb qabel titkellem. Ipprattika dan fl-​attivitajiet tiegħek taʼ kuljum. Iddeċiedi liema ideat trid twassal u f’liema ordni trid tgħidhom, imbagħad ibda tkellem. Tgħaġġilx. Stinka biex tesprimi ħsieb komplut mingħajr ma tieqaf jew tbiddel il-​ħsieb f’nofs sentenza. Għandek mnejn issibha taʼ għajnuna li tuża sentenzi qosra u sempliċi.

      Il-​kliem normalment joħroġ naturali jekk tkun taf eżatt xi trid tgħid. Ġeneralment, m’hemmx għalfejn tagħżel il-​kliem li se tuża. Fil-​fatt, huwa aħjar li tiħodha drawwa li ddaħħal l-​idea sew f’moħħok u mbagħad taħseb fil-​kliem int u titkellem. Jekk tagħmel dan u jekk iżżomm l-​idea f’moħħok minflok ma toqgħod taħseb fuq il-​kliem li qed tgħid, il-​kliem x’aktarx li se jiġik b’mod awtomatiku, u l-​ħsibijiet tiegħek se jiġu espressi mill-​qalb. Iżda malli tibda taħseb fuq il-​kliem minflok fuq il-​ħsibijiet, id-​diskors tiegħek mhux se jkun effettiv. Bil-​prattika, int jistaʼ jirnexxilek issir fluwenti, kwalità importanti biex tkun kelliemi u qarrej effettiv.

      Meta ġie inkarigat biex jirrappreżenta lil Ġeħova quddiem il-​ġens taʼ Israel u quddiem il-​Fargħun tal-​Eġittu, Mosè ħass li ma kienx kapaċi. Għala? Hu ma kienx kelliemi fluwenti; setaʼ kellu diffikultà fil-​mod kif jitkellem. (Eżo. 4:10; 6:12) Mosè ġab l-​iskużi, iżda l-​ebda waħda minnhom ma kienet aċċettata minn Alla. Ġeħova bagħat lil Aron miegħu bħala kelliemi, iżda Hu għen ukoll lil Mosè jitkellem. Għal darba wara l-​oħra u b’mod effettiv, Mosè tkellem kemm quddiem individwi u gruppi żgħar taʼ nies kif ukoll quddiem il-​ġens kollu kemm hu. (Dt. 1:1-​3; 5:1; 29:2; 31:1, 2, 30; 33:1) Jekk int tħabrek biex tagħmel titjib waqt li tafda f’Ġeħova, int ukoll tistaʼ tuża d-​diskors tiegħek biex tonora lil Alla.

      KIF TKAMPA MAT-​TEMTIM

      Hemm ħafna fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għat-​temtim. Terapiji li jgħinu lil xi nies jistgħu ma jkunux daqshekk effettivi għal nies oħrajn. Iżda biex tesperjenza l-​ferħ li jiġi mis-​suċċess, hu importanti li tibqaʼ tipprova.

      Iġiegħlek tibda tibżaʼ l-​ħsieb li tagħti kumment fil-​laqgħa, jew saħansitra tippanikkja? Itlob lil Ġeħova għall-​għajnuna tiegħu. (Flp. 4:6, 7) Iffoka l-​ħsibijiet tiegħek fuq li tonora lil Ġeħova u tgħin lil oħrajn. Tistenniex li l-​problema se tgħib għalkollox, iżda osserva kif int megħjun tkampa magħha. Hekk kif tesperjenza l-​barka taʼ Ġeħova u l-​inkuraġġiment taʼ ħutek, se tkun trid tagħmel iktar.

      L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku toffrilek l-​opportunità li tikseb l-​esperjenza f’li titkellem quddiem grupp taʼ nies. Għandek mnejn tibqaʼ mistagħġeb b’kemm tmur tajjeb meta titkellem quddiem grupp żgħir taʼ nies li jappoġġak u jridek tirnexxi. Dan jistaʼ jgħinek tikseb il-​kunfidenza biex titkellem f’sitwazzjonijiet oħrajn.

      Jekk tkun se tagħti taħdita, ipprepara sew. Kun medhi fil-​mod kif se tagħti t-​taħdita tiegħek. Tkellem b’sentiment xieraq. Jekk tibda ttemtem waqt li qed titkellem, kemm jistaʼ jkun, żomm leħnek u lilek innifsek kalm. Irrilassa l-​muskoli tax-​xedaq. Uża sentenzi qosra. Naqqas milli tgħid kliem bħal “emm” u “eh.”

      Meta jkunu identifikaw il-​kliem li jkun tahom problemi fil-​passat, xi wħud li qed ikampaw mat-​temtim jevitaw dan il-​kliem u minflok jużaw kliem li jfisser l-​istess. Oħrajn jippreferu jidentifikaw il-​ħsejjes fid-​diskors li jsibuhom l-​iktar diffiċli u jipprattikawhom għal darba wara l-​oħra.

      Jekk ittemtem meta tkun għaddej b’xi konversazzjoni, taqtax qalbek fl-​isforz biex tikkomunika. Għandek mnejn tkun trid tinkuraġġixxi l-​persuna l-​oħra titkellem sakemm int tkun tistaʼ tkompli. Jekk hemm bżonn, sempliċement ikteb nota, jew uri lill-​persuna xi ħaġa stampata.

      KIF TAGĦMEL DAN

      • Meta taqra r-​rivisti u l-​kotba, immarka xi kliem li jkun ġdid għalik, u sib eżattament xi jfisser, u mbagħad użah.

      • Ipprattika billi taqra b’leħen għoli minn tal-​inqas ħames jew għaxar minuti kuljum.

      • Ipprepara l-​inkarigi tal-​qari bir-​reqqa. Agħti kas b’mod speċjali għall-​ġabriet taʼ kliem li jwasslu l-​ħsieb. Sir midħla tal-​ħsieb ġenerali.

      • Fil-​konversazzjonijiet taʼ kuljum, tgħallem aħseb l-​ewwel u mbagħad għid sentenzi sħaħ mingħajr ma tieqaf.

      TAĦRIĠ: Agħti daqqa t’għajn tajba lejn Imħallfin 7:1-​25, u studja l-​paragrafi wieħed wieħed. Kun żgur li tifhem dak li qed jingħad. Iċċekkja xi kliem li ma jkunx familjari permezz taʼ dizzjunarju. Għid kull isem b’leħen għoli. Imbagħad aqra l-​paragrafu b’leħen għoli; oqgħod attent li tagħmel dan b’eżattezza. Meta tħossok komdu b’dan il-​paragrafu, għaddi għall-​paragrafu li jmiss, u ibqaʼ sejjer hekk. Imbagħad aqra l-​kapitlu kollu kemm hu. Erġaʼ agħmel hekk, din id-​darba b’ritmu ftit iktar mgħaġġel. Irripeti dan għal darb’oħra billi tgħaġġel saħansitra iktar f’partijiet fejn hu xieraq—iżda tgħaġġilx ħafna, tant li titfixkel.

  • Pawsi Xierqa
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • STUDJU 5

      Pawsi Xierqa

      X’hemm bżonn tagħmel?

      Ieqaf għalkollox meta jkun xieraq waqt li tagħti t-​taħdita tiegħek. Kultant, tistaʼ tagħmel pawsa qasira ħafna jew sempliċement tħalli leħnek jiġi fix-​xejn għal mument. Il-​pawsa tkun xierqa jekk tilħaq skop siewi.

      Għala importanti?

      L-​użu xieraq tal-​pawsi huwa fattur importanti għal diskors li jistaʼ jinftiehem faċilment. Ukoll, il-​pawsi jġiegħlu l-​punti importanti jispikkaw.

      FIT-​TAĦDIT, pawsi fil-​ħin xieraq huma importanti. Dan hu minnu sew jekk qed tagħti xi taħdita u sew jekk qed titkellem maʼ persuna. Mingħajr dawn il-​pawsi, dak li jintqal jistaʼ jinstemaʼ bħal tlablib minflok bħala espressjoni ċara tal-​ħsieb. Pawsi xierqa jgħinu biex id-​diskors tiegħek ikun ċar. Jistgħu jintużaw ukoll b’mod li l-​punti prinċipali li jkollok iħallu effett dewwiemi.

      Kif tistaʼ tiddeċiedi meta għandek tagħmel pawsa? Kemm għandhom ikunu twal il-​pawsi?

      Pawsa għall-​Punteġġatura. Il-​punteġġatura saret parti importanti mil-​lingwa miktuba. Din tistaʼ tindika t-​tmiem taʼ stqarrija jew mistoqsija. F’xi lingwi tintuża biex tibda kwotazzjoni. Xi punteġġatura tindika rabta bejn parti taʼ sentenza maʼ partijiet oħrajn. Individwu li jaqra bejnu u bejn ruħu jistaʼ jara l-​marki tal-​punteġġatura. Iżda meta jaqra b’leħen għoli għall-​benefiċċju taʼ oħrajn, leħnu għandu jwassal it-​tifsira taʼ kwalunkwe punteġġatura li tidher fil-​materjal miktub. (Għal iktar dettalji, ara Studju 1, “Qari Eżatt.”) Jekk ma tagħmilx pawsa meta l-​punteġġatura tirrikjedi dan, jistaʼ jkun diffiċli għal oħrajn biex jifhmu dak li tkun qed taqra jew saħansitra jistaʼ jwassal biex tibdel it-​tifsira tal-​materjal.

      Flimkien mal-​punteġġatura, il-​mod kif jiġu espressi l-​ħsibijiet f’sentenza se jiddetermina fejn ikun xieraq li jsiru l-​pawsi. Mużiċist famuż darba qal: “In-​noti ndoqqhom bħal kull pjanista ieħor. Imma l-​arti—iva, l-​arti qiegħda fil-​pawsi bejn in-​noti.” Huwa simili meta nitkellmu. Użu xieraq tal-​pawsi se jżid mas-​sbuħija u t-​tifsir tal-​materjal li għandek preparat sew.

      Meta tipprepara biex taqra fil-​pubbliku, għandek mnejn issibha taʼ għajnuna li timmarka l-​materjal stampat li se taqra minnu. Agħmel linja żgħira vertikali fejn trid tagħmel pawsa qasira. Agħmel żewġ linji vertikali qrib xulxin għal pawsa itwal. Jekk issib li ċertu mod kif jitqiegħed il-​kliem huwa stramb għalik u tagħmel pawsi b’mod ripetut fil-​post żbaljat, agħmel xi marki bil-​lapes sabiex torbot flimkien il-​kliem kollu li jagħmel il-​frażi diffiċli. Imbagħad aqra l-​frażi mill-​bidu sat-​tmiem. Ħafna kelliema tal-​esperjenza jagħmlu dan.

      Il-​pawsi fit-​taħdit taʼ kuljum ġeneralment ma joħolqux problema minħabba li taf l-​ideat li trid twassal. Madankollu, jekk għandek vizzju tagħmel pawsi f’intervalli regulari, hu x’inhu dak li jeħtieġ il-​ħsieb, id-​diskors tiegħek se jkun nieqes mill-​qawwa u ċ-​ċarezza. Suġġerimenti kif tistaʼ titjieb jinsabu fi Studju 4, “Taħdita Mogħtija b’Mod Fluwenti.”

      Pawsa Għal Bidla fil-​Ħsieb. Meta tkun qed taqleb minn punt prinċipali għal ieħor, pawsa tistaʼ tagħti lill-​udjenza tiegħek l-​opportunità li tirrifletti, li tadatta ruħha, li tirrikonoxxi l-​bidla fil-​ħsieb, u li tifhem iktar ċar il-​ħsieb li jkun imiss. Hu importanti li tagħmel pawsa meta taqleb minn ħsieb għal ieħor daqskemm hu importanti li tnaqqas il-​veloċità meta ddur kantuniera minn triq għal oħra.

      Raġuni waħda għala xi kelliema jgħaddu minn ħsieb għal ieħor bl-​għaġla mingħajr ma jagħmlu pawsa hi li jipprovaw ikopru wisq materjal. Għal xi wħud, il-​vizzju jirrifletti l-​mod kif jitkellmu fil-​ħajja taʼ kuljum. Jistaʼ jagħti l-​każ li n-​nies kollha taʼ madwarhom jitkellmu bl-​istess mod. Iżda dan ma jipproduċix tagħlim effettiv. Jekk għandek xi ħaġa x’tgħid li hi taʼ min jismagħha u taʼ min jiftakarha, mela ħu biżżejjed ħin biex tagħmel il-​ħsieb jispikka b’mod ċar. Kun af li l-​pawsi huma essenzjali fit-​taħdit li jwassal il-​ħsibijiet b’mod ċar.

      Jekk se tagħti taħdita bl-​użu taʼ outline, il-​materjal tiegħek għandu jkun organizzat b’mod li jkun ovvju fejn għandek tagħmel pawsa bejn il-​punti prinċipali. Jekk tkun se taqra manuskritt, immarka fejn ikun hemm bidla minn punt prinċipali għal ieħor.

      Pawsi għal bidla fil-​ħsieb ġeneralment ikunu itwal mill-​pawsi għall-​punteġġatura—madankollu, mhux daqshekk twal li jagħmlu t-​taħdita tkarkar. Jekk ikunu twal wisq jagħtu l-​impressjoni li m’intix preparat sew u li qed tipprova tara x’se tgħid.

      Pawsa għall-​Enfasi. Pawsa għall-​enfasi spiss hija waħda drammatika, jiġifieri, waħda li tiġi qabel jew wara xi stqarrija jew mistoqsija li ssir b’ċertu ammont taʼ intensità. Pawsa bħal din tagħti lill-​udjenza l-​opportunità li tirrifletti fuq dak li jkun għadu kemm intqal, jew toħloq antiċipazzjoni għal dak li jkun ġej. Dawn mhumiex l-​istess. Ara liema huwa l-​iktar metodu xieraq li tistaʼ tuża. Iżda żomm f’moħħok li l-​pawsi għall-​enfasi għandhom ikunu limitati għal stqarrijiet tassew sinifikanti. Inkella, il-​valur taʼ dawn l-​istqarrijiet se jintilef.

      Meta Ġesù qara mill-​Iskrittura b’leħen għoli fis-​sinagoga taʼ Nazaret, hu għamel użu effettiv mill-​pawsi. L-​ewwel, hu qara dwar l-​inkarigu tiegħu mir-​romblu tal-​profeta Isaija. Madankollu, qabel ma applikah, hu gerbeb ir-​romblu, newlu lura lill-​qaddej, u qagħad bilqiegħda. Imbagħad, bl-​għajnejn taʼ dawk kollha fis-​sinagoga msammrin fuqu, hu qal: “Illum twettqet din l-​iskrittura li għadkom kemm smajtu.”—Lq. 4:16-​21.

      Pawsa Meta ċ-​Ċirkustanzi Jeħtiġuha. Kultant l-​interruzzjonijiet jistgħu wkoll jeħtieġu li tagħmel pawsa fit-​taħdit tiegħek. Il-​ħsejjes tat-​traffiku jew taʼ xi tarbija tibki jistgħu jeħtieġu waqfa fil-​konversazzjoni maʼ inkwilin li tkun iltqajt miegħu fil-​ministeru tal-​għalqa. Jekk l-​interruzzjoni f’post taʼ laqgħa ma tkunx kbira wisq, forsi tkun tistaʼ tgħolli ftit leħnek u tkompli. Iżda jekk l-​interruzzjoni tkun qawwija u ddum għaddejja, għandek tieqaf. L-​udjenza tiegħek xorta ma tkunx qed tagħti widen. Għalhekk, uża l-​pawsi b’mod effettiv, bil-​motiv li tgħin lill-​udjenza tiegħek tikseb il-​benefiċċju sħiħ mill-​affarijiet tajbin li trid tgħidilhom.

      Pawsa Biex Tagħti Ċans Għal Tweġiba. Għalkemm forsi tkun qed tagħti taħdita mingħajr parteċipazzjoni formali tal-​udjenza, huwa importanti li tippermetti lil dawk fl-​udjenza jwieġbu f’qalbhom minflok b’leħen għoli. Jekk tqajjem mistoqsijiet li għandhom iġiegħlu lill-​udjenza tiegħek taħseb iżda mbagħad ma tagħmilx pawsa twila biżżejjed, ħafna mill-​valur taʼ dawk il-​mistoqsijiet se jintilef.

      M’għandniex xi ngħidu, huwa importanti li tagħmel pawsa mhux biss meta tkun qed titkellem minn fuq il-​platform iżda anki meta tagħti xhieda lil oħrajn. Xi nies donnhom qatt ma jagħmlu pawsa. Jekk din hi l-​problema tiegħek, stinka biex tikkultiva din il-​kwalità tad-​diskors. Se ttejjeb il-​komunikazzjoni tiegħek mal-​oħrajn kif ukoll l-​effettività fil-​ministeru tal-​għalqa. Pawsa hija mument taʼ skiet, u bir-​raġun jingħad li s-​skiet idaħħal il-​punteġġatura, jenfasizza, jitlob attenzjoni, u jdoqq għall-​widna.

      Il-​konversazzjonijiet taʼ kuljum jinvolvu tnejn min-​nies jew iktar li jaqsmu l-​ħsibijiet tagħhom flimkien. In-​nies ikunu iktar inklinati li jisimgħuk meta tismaʼ lilhom u turi interess f’dak li jgħidu. Dan jirrikjedi li tagħmel pawsi twal biżżejjed biex tagħtihom ċans jesprimu ruħhom.

      Fil-​ministeru tal-​għalqa, l-​għoti taʼ xhieda tagħna spiss ikun iktar effettiv meta jsir f’għamla taʼ konversazzjoni. Wara tislima, ħafna Xhieda jsibu li jkunu iktar effettivi meta jintroduċu s-​suġġett tagħhom u mbagħad iqajmu mistoqsija. Huma jagħmlu pawsa biex jagħtu ċans lill-​persuna l-​oħra twieġeb, u mbagħad juru li fehmu dak li qal l-​inkwilin. Matul id-​diskussjoni, jistgħu jagħtu lill-​inkwilin diversi opportunitajiet biex jikkummenta. Huma jafu li fil-​biċċa l-​kbira jistgħu jagħmlu iktar biex jgħinu individwu jekk ikunu jafu l-​ħarsa tiegħu rigward il-​kwistjoni li tkun qed tiġi diskussa.—Prov. 20:5.

      M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd se jwieġeb b’mod favorevoli għall-​mistoqsijiet. Iżda dan ma waqqafx lil Ġesù milli jagħmel pawsi twal biżżejjed biex jagħti ċans jitkellmu saħansitra lil dawk li opponewh. (Mk. 3:1-​5) Meta tippermetti lill-​individwu l-​ieħor jitkellem tkun qed tinkuraġġih jaħseb, u b’hekk ikun jistaʼ juri x’hemm f’qalbu. Wieħed mill-​iskopijiet tal-​ministeru tagħna, fil-​fatt, hu li nqanqlu l-​qalb billi lin-​nies nippreżentawlhom kwistjonijiet vitali mill-​Kelma taʼ Alla li fuqhom iridu jieħdu deċiżjonijiet.—Ebr. 4:12.

      L-​użu taʼ pawsi xierqa fil-​ministeru tagħna huwa tassew arti. Meta l-​pawsi jintużaw b’mod effettiv, l-​ideat jitwasslu b’iktar ċarezza u spiss jiġu miftakrin għal żmien twil.

      KIF TAGĦMEL DAN

      • Agħti attenzjoni speċjali għall-​punteġġatura meta tkun qed taqra b’leħen għoli.

      • Agħti widen b’attenzjoni għal kelliema kwalifikati sew, u osserva fejn jagħmlu pawsi u għal kemm ħin.

      • Wara li tgħid xi ħaġa li tassew trid li oħrajn jiftakruha, agħmel pawsa biex jifhmuha sew.

      • Fil-​konversazzjonijiet, stieden lil oħrajn biex jesprimu l-​ħsibijiet tagħhom, u mbagħad agħti widen għat-​tweġiba tagħhom. Ħallihom jispiċċaw. Taqbiżx fin-​nofs.

      TAĦRIĠ: Aqra Marku 9:1-​13 b’leħen għoli; ħu pawsa xierqa minħabba d-​diversi marki tal-​punteġġatura. Tħallix il-​qari jkarkar. Wara li tkun ipprattikajt, itlob lil xi ħadd joqgħod jisimgħek u jagħtik xi suġġerimenti sabiex ittejjeb il-​pawsi.

  • Enfasi Biex Jingħata s-​Sens Xieraq
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • STUDJU 6

      Enfasi Biex Jingħata s-​Sens Xieraq

      X’hemm bżonn tagħmel?

      Enfasizza l-​kliem u l-​frażijiet b’mod li jkun faċli għas-​semmiegħa li jifhmu l-​ideat li qed jiġu espressi.

      Għala Importanti?

      L-​enfasi biex tagħti s-​sens xieraq tgħin lill-​kelliemi jżomm l-​attenzjoni taʼ dawk fl-​udjenza tiegħu u tgħinu wkoll jipperswadihom jew jimmotivahom.

      META titkellem jew taqra b’leħen għoli, huwa importanti li mhux biss tlissen kliem individwali b’mod korrett imma wkoll li tenfasizza l-​kliem fundamentali u l-​espressjonijiet li fihom il-​ħsieb b’mod li twassal l-​ideat b’ċarezza.

      L-​enfasi biex tagħti s-​sens xieraq ma tinvolvix biss li tagħmel iktar enfasi fuq ftit jew saħansitra fuq ħafna kliem. L-​enfasi għandha tkun fuq il-​kliem it-​tajjeb. Jekk jiġi enfasizzat il-​kliem żbaljat, it-​tifsir taʼ dak li tgħid jistaʼ ma jkunx ċar għan-​nies fl-​udjenza tiegħek, li min-​naħa tagħhom jistgħu jħallu ħsibijiethom itiru fuq affarijiet oħrajn. Avolja l-​materjal forsi jkun informattiv, taħdita li m’għandhiex enfasi tajba biex tagħti s-​sens se tkun inqas effettiva f’li tqanqal lill-​udjenza.

      L-​enfasi miżjuda tistaʼ tintwera b’diversi modi u spiss tintuża b’iktar minn mod wieħed: b’leħen ogħla, b’iktar intensità tas-​sentiment, b’espressjoni bil-​mod u bil-​kalma, billi tieħu pawsa qabel jew wara xi stqarrija (jew it-​tnejn), u b’ġesti u espressjonijiet tal-​wiċċ. B’xi lingwi, l-​enfasi tistaʼ tintwera wkoll billi tbaxxi jew tgħolli t-​ton. Qis il-​materjal u ċ-​ċirkustanzi li għandek biex tara liema jkun l-​iktar xieraq.

      Meta tiddeċiedi x’se tenfasizza, ikkunsidra dan li ġej. (1) Fi kwalunkwe sentenza, il-​kliem li għandu jingħata iżjed enfasi mhuwiex determinat biss mill-​kumplament tas-​sentenza iżda wkoll mill-​kuntest. (2) L-​enfasi biex tagħti s-​sens tistaʼ tintuża biex jiġi enfasizzat il-​bidu taʼ ħsieb ġdid, sew jekk hu punt prinċipali u sew jekk hu sempliċement bidla fl-​irraġunar. Tistaʼ wkoll tiġbed l-​attenzjoni għall-​konklużjoni tal-​irraġunar. (3) Kelliemi jistaʼ juża l-​enfasi biex jagħti s-​sens ħalli juri kif iħossu dwar xi kwistjoni. (4) L-​enfasi biex tagħti s-​sens xieraq tistaʼ wkoll tintuża biex jispikkaw il-​punti prinċipali taʼ taħdita.

      Sabiex juża l-​enfasi biex jagħti s-​sens b’dawn il-​modi, kelliemi jew qarrej pubbliku jrid jifhem ċar il-​materjal li għandu u jkun ħerqan li l-​udjenza tiegħu tifhmu sew. Rigward l-​istruzzjoni mogħtija fi żmien Esdra, Neħemija 8:8 jgħid: “Komplew jaqraw b’leħen għoli mill-​ktieb, mil-​liġi taʼ l-​Alla l-​veru, u din ġiet spjegata sew, u mfissra; u komplew ifiehmu l-​qari.” Huwa ovvju li dawk li qraw u spjegaw il-​Liġi taʼ Alla f’din l-​okkażjoni għarfu l-​importanza li jgħinu lil dawk fl-​udjenza tagħhom jifhmu t-​tifsir taʼ dak li nqara, iżommuh f’moħħhom, u japplikawh.

      X’Jistaʼ Jikkaġuna Problema. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies ikunu kapaċi jagħmlu t-​tifsir tagħhom ċar meta jitkellmu b’mod normali fil-​ħajja taʼ kuljum. Madankollu, meta jaqraw materjal miktub minn xi ħadd ieħor, tistaʼ tkun taʼ sfida li jaraw liema kliem jew espressjonijiet għandhom jenfasizzaw. Is-​sigriet huwa li tifhem sew il-​materjal. Dan jirrikjedi studju bir-​reqqa taʼ dak li nkiteb. Mela jekk tintalab taqra xi materjal fil-​laqgħa tal-​kongregazzjoni, int għandek tipprepara b’mod ħabrieki.

      Minflok ma jenfasizzaw is-​sens, xi nies jenfasizzaw il-​kliem f’intervalli pjuttost speċifiċi, sew jekk l-​enfasi tkun waħda sinifikanti u sew jekk le. Oħrajn jenfasizzaw kliem li għandu rwol, forsi billi jpoġġu enfasi esaġerata fuq il-​prepożizzjonijiet u l-​konġunzjonijiet, jiġifieri, kliem li jgħaqqad. Meta l-​enfasi ma tgħinx biex il-​ħsieb ikun ċar, din faċli ssir vizzju li jtellef.

      Bl-​għan li jużaw l-​enfasi biex jagħtu s-​sens, xi kelliema jgħollu leħinhom b’mod li jistaʼ jagħmel lill-​udjenza tħossha li qed tiġi mċanfra. M’għandniex xi ngħidu, dan rari jagħti l-​aqwa riżultati. Jekk l-​enfasi biex tagħti s-​sens ma tkunx naturali, l-​impressjoni li tistaʼ tingħata hi li l-​kelliemi qed iqis lin-​nies fl-​udjenza tiegħu bħala inferjuri. Kemm ikun aħjar li sempliċement tipprova tilħqilhom qalbhom bl-​imħabba u tgħinhom jaraw li dak li qed jintqal huwa kemm Skritturali kif ukoll raġunevoli!

      Kif Titjieb. Spiss persuna li għandha problema bl-​enfasi biex tagħti s-​sens ma tkunx konxja tagħha. Forsi jkun hemm bżonn li xi ħadd ieħor jiġbdilha l-​attenzjoni għal dan. Jekk għandek bżonn titjieb f’dan il-​qasam, l-​indokratur tal-​iskola tiegħek se jgħinek. Ukoll, toqgħodx lura milli titlob l-​għajnuna mingħand xi ħadd ieħor li hu kelliemi tajjeb. Itolbu jisimgħek b’attenzjoni int u taqra u titkellem u mbagħad għidlu jagħtik xi suġġerimenti dwar kif titjieb.

      Biex tibda, min jagħtik il-​pariri jistaʼ jissuġġerilek li tuża xi artiklu fit-​Torri tal-​Għassa biex tipprattika fuqu. Bla dubju, hu se jgħidlek biex tanalizza s-​sentenzi individwali ħalli tagħraf tiddeċiedi liema kliem jew frażijiet għandek tenfasizza sabiex tagħmel it-​tifsir faċli biex jinftiehem. Hu jistaʼ jfakkrek biex tagħti attenzjoni speċjali lil ċertu kliem li jkun bil-​korsiv. Ftakar li l-​kliem fis-​sentenza jaħdem flimkien. Spiss, hija ġabra taʼ kliem li għandha tiġi enfasizzata, mhux sempliċement kelma waħda. B’xi lingwi, l-​istudenti jistgħu jiġu mħeġġin jikkunsidraw iktar bir-​reqqa x’jindikaw l-​aċċenti rigward l-​enfasi biex jingħata s-​sens xieraq.

      Bħala l-​pass li jmiss biex titgħallem tara xi trid tenfasizza, il-​ħu li jagħtik il-​pariri jistaʼ jħeġġek tikkunsidra kuntest li jiftaħ iktar fuq is-​suġġett mis-​sentenza nfisha. Liema ħsieb bażiku qed jiġi żviluppat fil-​paragrafu kollu kemm hu? Dan kif għandu jinfluwenza dak li tenfasizza f’sentenzi individwali? Ħares lejn it-​titlu tal-​artiklu u lejn is-​sottitlu b’ittri skuri li taħtu jidher il-​materjal li għandek. Kif jeffettwaw l-​għażla tiegħek taʼ espressjonijiet li għandek tenfasizza? Dawn kollha huma fatturi li għandek tqis. Iżda oqgħod attent li ma tpoġġix enfasi qawwija fuq wisq kliem.

      Sew jekk tkun se titkellem b’mod spontanju u sew jekk se taqra, il-​ħu li jagħti l-​pariri jistaʼ wkoll iħeġġek tippermetti l-​irraġunar jinfluwenza l-​użu tal-​enfasi biex tagħti s-​sens. Trid tkun konxju tal-​postijiet fejn jintemm l-​irraġunar jew fejn il-​preżentazzjoni taqleb minn ħsieb importanti għal ieħor. Dawk fl-​udjenza se japprezzaw jekk it-​taħdita tiegħek iġġibhom konxji taʼ dan. Dan jistaʼ jsir billi tenfasizza ċertu kliem bħal l-​ewwel nett, issa, fl-​aħħar, b’hekk, u bir-​raġun.

      Ukoll, il-​ħu li jagħtik il-​pariri se jiġbidlek l-​attenzjoni lejn ħsibijiet li magħhom trid torbot ċertu sentiment speċjali. Biex tagħmel dan tistaʼ forsi tenfasizza kliem bħal ħafna, żgur, bl-​ebda mod, lanqas qatt, importanti, u dejjem. Meta tagħmel dan tistaʼ teffettwa l-​mod kif l-​udjenza tiegħek tħossha dwar dak li qed tgħid. Jingħad iktar dwar dan fi Studju 11, “Kordjalità u Sentiment.”

      Sabiex ittejjeb l-​użu tiegħek tal-​enfasi biex tagħti s-​sens, int se tiġi mħeġġeġ ukoll li jkollok ċar f’moħħok il-​punti prinċipali li trid li l-​udjenza tiftakar. Dan se jingħata iktar konsiderazzjoni fejn jidħol il-​qari pubbliku fi Studju 7, “Enfasi fuq l-​Ideat Prinċipali” u fejn jidħol it-​taħdit fi Studju 37, “Punti Prinċipali Magħmulin Jispikkaw.”

      Jekk qed tistinka biex titjieb fil-​ministeru tal-​għalqa, oqgħod attent speċjalment għall-​mod kif taqra l-​iskritturi. Ħudha drawwa li tistaqsi lilek innifsek, ‘Jien għala qed naqra dan il-​vers?’ Bħala għalliem, mhuwiex dejjem biżżejjed li sempliċement tgħid il-​kliem sewwa. Anki li taqra l-​vers b’sentiment jistaʼ ma jkunx biżżejjed. Jekk tkun qed twieġeb il-​mistoqsija taʼ xi ħadd jew qed tgħallem xi verità bażika, huwa tajjeb li tenfasizza mill-​iskrittura l-​kliem jew l-​espressjonijiet li jsostnu dak li qed jiġi diskuss. Inkella, il-​persuna li qed taqralha tistaʼ ma tifhimx il-​punt.

      Minħabba li l-​enfasi biex tagħti s-​sens tinvolvi li tpoġġi iżjed enfasi fuq ċertu kliem u frażijiet, kelliemi li m’għandux esperjenza jistaʼ jkollu t-​tendenza li dan il-​kliem u l-​frażijiet jenfasizzahom iżżejjed. Ir-​riżultati jkunu xi ftit jew wisq bħan-​noti li jindaqqu minn persuna li għadha kemm bdiet titgħallem strument mużikali. Madankollu, b’iktar prattika, in-​“noti” individwali sempliċement isiru parti mill-​“mużika” espressa b’mod mill-​isbaħ.

      Wara li tkun tgħallimt xi ftit mill-​affarijiet bażiċi, int se tkun tistaʼ tibbenefika billi tosserva kelliema tal-​esperjenza. Ma ddumx ma tirrealizza kemm tistaʼ twettaq affarijiet jekk tvarja l-​livelli taʼ enfasi. U int se tapprezza l-​valur tal-​użu tal-​enfasi b’diversi modi biex tiċċara t-​tifsir taʼ dak li jintqal. Meta titgħallem kif tagħmel l-​enfasi biex tagħti s-​sens xieraq se ttejjeb l-​effettività tal-​qari u tat-​taħdit tiegħek.

      Dwar l-​enfasi biex tagħti s-​sens titgħallimx biss b’kemm tgħaddi. Sabiex titkellem b’mod effettiv, ibqaʼ aħdem fuqha sakemm tkun tas-​sengħa fl-​użu tagħha u tkun tistaʼ tużaha b’mod li tinstemaʼ naturali f’widnejn ħaddieħor.

      KIF TITGĦALLEM TAGĦMEL DAN

      • Ipprattika kif tidentifika l-​kliem prinċipali u ġabriet taʼ kliem fis-​sentenzi. Oqgħod attent b’mod speċjali li tagħmel dan fuq il-​bażi tal-​kuntest.

      • Ipprova uża l-​enfasi biex tindika (1) bidla fil-​ħsieb u (2) kif tħossok int dwar dak li qed tgħid.

      • Meta taqra l-​iskritturi, ħudha drawwa li tenfasizza l-​kliem li jsostni direttament ir-​raġuni tiegħek għalfejn irreferejt għal dawn il-​versi.

      TAĦRIĠ: (1) Agħżel żewġ skritturi li tuża spiss fil-​ministeru tal-​għalqa. Iddeċiedi dwar xiex qed tistinka biex tagħti prova f’kull skrittura. Aqra l-​iskritturi b’leħen għoli b’mod li tenfasizza l-​kliem jew ġabriet taʼ kliem li jsostnu dawn il-​punti. (2) Studja Ebrej 1:1-​14. Il-​kliem “profeti” (v. 1), “Iben” (v. 2), u “anġli” (vv. 4, 5) għala għandhom jingħataw enfasi speċjali sabiex tesprimi ċar l-​irraġunar f’dan il-​kapitlu? Ipprattika billi taqra l-​kapitlu b’leħen għoli b’enfasi biex tagħti s-​sens li tiffoka fuq l-​irraġunar.

  • Enfasi fuq l-Ideat Prinċipali
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • STUDJU 7

      Enfasi fuq l-​Ideat Prinċipali

      X’hemm bżonn tagħmel?

      Meta taqra b’leħen għoli, agħmel enfasi speċjali fuq l-​ideat prinċipali fil-​materjal kollu li jkun qed jinqara, mhux sempliċement fuq sentenzi individwali.

      Għala importanti?

      Il-​messaġġ tiegħek se jkun iżjed faċli li wieħed jiftakru jekk l-​ideat prinċipali jiġu enfasizzati.

      QARREJ effettiv jara iżjed minn sempliċi sentenza individwali, saħansitra iżjed mill-​paragrafu li fih tidher. Meta jaqra, hu jkollu f’moħħu l-​ideat prinċipali fil-​materjal kollu li jkun qed jippreżenta. Dan jinfluwenza l-​għażla tiegħu taʼ fejn se jpoġġi l-​enfasi.

      Jekk dan il-​proċess ma jsirx, ma jkunx hemm punti li jispikkaw fit-​taħdita. Xejn ma se jiġi enfasizzat iktar mill-​kumplament. Meta l-​preżentazzjoni tiġi fi tmiemha, jistaʼ jkun diffiċli li tiftakar xi ħaġa bħala li spikkat.

      L-​attenzjoni xierqa biex tenfasizza l-​ideat prinċipali spiss tistaʼ ttejjeb bil-​kbir il-​qari taʼ xi rakkont mill-​Bibbja. Enfasi bħal din tistaʼ tagħti iktar sinifikat lill-​qari tal-​paragrafi fi studju tal-​Bibbja fid-​dar jew f’laqgħa tal-​kongregazzjoni. U huwa importanti b’mod speċjali meta tagħti taħdita minn manuskritt, bħalma jsir kultant fil-​konvenzjonijiet tagħna.

      Kif Tagħmilha. Fl-​iskola, int tistaʼ tiġi inkarigat biex taqra silta mill-​Bibbja. X’għandu jiġi enfasizzat? Jekk hemm xi idea ċentrali jew ġrajja importanti li dwarha ġie żviluppat il-​materjal li tkun qed taqra, ikun xieraq li tagħmilha tispikka.

      Sew jekk xi silta li se taqra tkun poeżija jew proża, proverbji jew rakkont, l-​udjenza li għandek se tibbenefika jekk taqraha tajjeb. (2 Tim. 3:16, 17) Sabiex tagħmel dan trid tikkunsidra s-​siltiet li tkun se taqra kif ukoll l-​udjenza.

      Jekk se taqra b’leħen għoli minn pubblikazzjoni waqt studju tal-​Bibbja jew f’laqgħa tal-​kongregazzjoni, x’inhuma l-​ideat prinċipali li għandek bżonn tenfasizza? Qis it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tal-​istudju bħala l-​ideat prinċipali. Ukoll, enfasizza l-​ħsibijiet li huma konnessi mas-​sottitlu miktub b’ittri skuri li taħtu jidher il-​materjal.

      Ikun aħjar li ma tiħodhiex drawwa li tuża manuskritt f’taħditiet mogħtijin fil-​kongregazzjoni. Madankollu, kultant il-​manuskritti jiġu provduti għal ċerti taħditiet tal-​konvenzjoni sabiex l-​istess ħsibijiet jiġu preżentati bl-​istess mod f’kull konvenzjoni. Sabiex jenfasizza l-​ideat prinċipali f’manuskritt bħal dan, il-​kelliemi l-​ewwel għandu janalizza l-​materjal bir-​reqqa. X’inhuma l-​punti prinċipali? Hu għandu jkun kapaċi jagħrafhom. Il-​punti prinċipali mhumiex sempliċi ideat li jħoss li huma interessanti. Dawn huma l-​ħsibijiet ewlenin li madwarhom jiġi żviluppat il-​materjal. Kultant stqarrija qasira taʼ idea prinċipali fil-​manuskritt tintroduċi rakkont jew argument. Iktar spiss, stqarrija qawwija ssir wara li tkun ġiet preżentata l-​evidenza. Meta dawn il-​punti ewlenin ikunu ġew identifikati, il-​kelliemi għandu jimmarkahom fil-​manuskritt tiegħu. Normalment ikun hemm biss ftit, x’aktarx mhux iktar minn erbaʼ jew ħames punti. Imbagħad, għandu bżonn jipprattika l-​qari b’mod li jkun faċli għall-​udjenza biex tidentifikahom. Dawn huma l-​quċċati tat-​taħdita. Jekk il-​materjal jingħata b’enfasi xierqa, dawn l-​ideat prinċipali x’aktarx li iktar se jiġu miftakrin. Dan għandu jkun l-​għan tal-​kelliemi.

      Hemm diversi modi li bihom kelliemi jistaʼ juri l-​enfasi li hemm bżonn sabiex jgħin lill-​udjenza tidentifika l-​punti prinċipali. Hu jistaʼ juża iżjed entużjażmu, bidla fil-​pass, ammont taʼ sentiment profond, jew ġesti xierqa, biex insemmu biss ftit.

      PUNTI LI GĦANDEK IŻŻOMM F’MOĦĦOK

      • Analizza l-​materjal stampat sabiex tidentifika l-​ideat prinċipali li madwarhom huwa żviluppat. Immarkahom.

      • Meta taqra b’leħen għoli, uża iżjed entużjażmu, pass iżjed bil-​mod, jew ammont taʼ sentiment profond, kif inhu xieraq, sabiex tagħmel dawn l-​ideat prinċipali jispikkaw.

      TAĦRIĠ: Agħżel ħames paragrafi minn artiklu tat-​Torri tal-​Għassa li se nistudjaw. Agħmel linja taħt it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tal-​istudju f’dawn il-​paragrafi. Aqra l-​paragrafi b’leħen għoli biex hekk it-​tweġibiet ikunu faċli għas-​semmiegħ biex jidentifikahom.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja