LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bhs pp. 207-223
  • Noti fl-aħħar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Noti fl-aħħar
  • X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Materjal Simili
  • Ibni Apprezzament għall-Kwalitajiet bla Paragun taʼ Ġeħova
    Il-Ministeru tas-Saltna—2006
  • Uża bis-sħiħ il-Kelma t’Alla fil-ministeru tiegħek
    Il-Ministeru tas-Saltna—2015
  • Il-Gvern T’Alla Jibda L-Ħakma Tiegħu
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Is-Saltna t’Alla—Superjuri f’Kollox
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
bhs pp. 207-223

Noti fl-​aħħar

1 ĠEĦOVA

L-​isem t’Alla hu Ġeħova u hu mifhum li jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Ġeħova hu l-​Alla li jistaʼ kollox, u hu ħalaq kollox. Hu għandu l-​qawwa biex jagħmel kulma jrid.

Bl-​Ebrajk, l-​isem t’Alla kien jinkiteb b’erbaʼ ittri. Bl-​Ingliż, dawn huma rappreżentati minn YHWH jew JHVH. L-​isem t’Alla jidher kważi 7,000 darba fit-​test Ebrajk oriġinali tal-​Bibbja. In-​nies minn madwar id-​dinja kollha jużaw forom differenti tal-​isem Ġeħova, u jippronunzjawh bil-​mod kif inhu komuni bil-​lingwa tagħhom.

▸ Kap. 1, para. 15

2 IL-​BIBBJA HI “MNEBBĦA MINN ALLA”

L-​Awtur tal-​Bibbja hu Alla, imma uża l-​irġiel biex jiktbuha. Dan hu bħal meta xi negozjant jgħid lis-​segretarju tiegħu biex jikteb ittra li jkun fiha l-​ideat tiegħu. Alla uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jiggwida l-​kittieba tal-​Bibbja biex jiktbu l-​ħsibijiet tiegħu. L-​ispirtu t’Alla ggwidahom b’diversi modi, kultant billi tahom viżjonijiet jew ħolm li huma mbagħad kienu jniżżlu bil-​miktub.

▸ Kap. 2, para. 5

3 PRINĊIPJI

Dawn huma tagħlim fil-​Bibbja li jispjega verità bażika. Pereżempju, il-​prinċipju “kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja” jgħallimna li n-​nies li nqattgħu l-​ħin magħhom jeffettwawna jew għat-​tajjeb jew għall-​ħażin. (1 Korintin 15:33) U l-​prinċipju “dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad” jgħallimna li ma nistgħux naħarbu l-​konsegwenzi tal-​azzjonijiet tagħna.—Galatin 6:7.

▸ Kap. 2, para. 12

4 PROFEZIJA

Din hi messaġġ mingħand Alla. Jistaʼ jkun spjegazzjoni tar-​rieda t’Alla, tagħlima morali, kmand, jew ġudizzju. Profezija tistaʼ tkun ukoll messaġġ dwar xi ħaġa li se sseħħ fil-​futur. Hemm ħafna profeziji fil-​Bibbja li diġà twettqu.

▸ Kap. 2, para. 13

5 PROFEZIJI DWAR IL-​MESSIJA

Ġesù hu dak li wettaq il-​ħafna profeziji tal-​Bibbja dwar il-​Messija. Ara l-​kaxxa “Profeziji dwar il-​Messija.”

▸ Kap. 2, para. 17, ntt.

PROFEZIJI DWAR IL-​MESSIJA

ĠRAJJA

PROFEZIJA

TWETTIQ

Imwieled fit-​tribù taʼ Ġuda

Ġenesi 49:10

Luqa 3:23-​33

Imwieled minn verġni

Isaija 7:14

Mattew 1:18-​25

Dixxendent tas-​Sultan David

Isaija 9:7

Mattew 1:1, 6-​17

Ġeħova ddikjara li Ġesù hu Ibnu

Salm 2:7

Mattew 3:17

Ħafna nies ma emmnux li Ġesù kien il-​Messija

Isaija 53:1

Ġwanni 12:37, 38

Daħal Ġerusalemm riekeb fuq ħmar

Żakkarija 9:9

Mattew 21:1-​9

Tradut minn ħabib tal-​qalb

Salm 41:9

Ġwanni 13:18, 21-​30

Tradut għal 30 biċċa tal-​fidda

Żakkarija 11:12

Mattew 26:14-​16

Baqaʼ sieket meta ġie akkużat

Isaija 53:7

Mattew 27:11-​14

Intefgħu x-​xorti għal ħwejġu

Salm 22:18

Mattew 27:35

Imwaqqaʼ għaċ-​ċajt waqt li kien fuq iz-​zokk

Salm 22:7, 8

Mattew 27:39-​43

Ebda għadma ma nkisritlu

Salm 34:20

Ġwanni 19:33, 36

Midfun mal-​għonja

Isaija 53:9

Mattew 27:57-​60

L-​irxoxt tiegħu

Salm 16:10

Atti 2:24, 27

Irxoxtat lejn is-​sema biex ikun fuq il-​leminija t’Alla

Salm 110:1

Atti 7:55, 56

6 L-​ISKOP TAʼ ĠEĦOVA GĦALL-​ART

Ġeħova ħalaq l-​art biex tkun ġenna għall-​bnedmin li jħobbuh. L-​iskop tiegħu ma nbidilx. Alla dalwaqt se jneħħi l-​ħażen u jagħti lill-​poplu tiegħu l-​ħajja taʼ dejjem.

▸ Kap. 3, para. 1

7 SATANA X-​XITAN

Satana huwa l-​anġlu li beda r-​ribelljoni kontra Alla. Hu msejjaħ Satana, li jfisser “Wieħed li Jopponi,” għax hu jiġġieled kontra Ġeħova. Hu msejjaħ ukoll Xitan, li jfisser “Kalunnjatur.” Dan l-​isem ingħatalu għax hu jigdeb dwar Alla u jqarraq bin-​nies.

▸ Kap. 3, para. 4

8 L-​ANĠLI

Ġeħova ħalaq lill-​anġli ħafna qabel ma ħalaq l-​art. Huma nħalqu biex jgħixu fis-​sema. Hemm iktar minn mitt miljun anġlu. (Danjel 7:10) Huma kollha għandhom isem u personalità differenti, u anġli leali bl-​umiltà jirrifjutaw li jingħataw qima mill-​bnedmin. Huma għandhom pożizzjonijiet differenti u jiġu inkarigati b’diversi xogħlijiet. Xi wħud minn dawn ix-​xogħlijiet jinkludu li jaqdu quddiem it-​tron taʼ Ġeħova, iwasslu messaġġi, jipproteġu u jiggwidaw lill-​qaddejja tiegħu fuq l-​art, iwettqu l-​ġudizzji tiegħu, u jappoġġaw ix-​xogħol tal-​ippritkar. (Salm 34:7; Rivelazzjoni 14:6; 22:8, 9) Fil-​futur, huma se jiġġieldu flimkien maʼ Ġesù fil-​gwerra t’Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16; 19:14, 15.

▸ Kap. 3, para. 5; Kap. 10, para. 1

9 ID-​DNUB

Kull ħaġa li nħossu, naħsbu, jew nagħmlu li tmur kontra Ġeħova jew ir-​rieda tiegħu hi dnub. Minħabba li d-​dnub jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tagħna m’Alla, hu tana liġijiet u prinċipji li jgħinuna nevitaw dnub apposta. Fil-​bidu, Ġeħova ħalaq kollox perfett, imma meta Adam u Eva għażlu li ma jobdux lil Ġeħova, huma dinbu u ma baqgħux perfetti. Huma xjaħu u mietu, u minħabba li writna d-​dnub mingħand Adam, aħna wkoll nixjieħu u mmutu.

▸ Kap. 3, para. 7; Kap. 5, para. 3

10 ARMAGEDDON

Din hi l-​gwerra t’Alla biex jeqred id-​dinja taʼ Satana u l-​ħażen kollu.

▸ Kap. 3, para. 13; Kap. 8, para. 18

11 IS-​SALTNA T’ALLA

Is-​Saltna t’Alla hi gvern li Ġeħova stabbilixxa fis-​sema. Ġesù Kristu hu s-​Sultan tagħha. Fil-​futur, Ġeħova se juża s-​Saltna biex ineħħi l-​ħażen kollu. Is-​Saltna t’Alla se ssaltan fuq l-​art kollha.

▸ Kap. 3, para. 14

12 ĠESÙ KRISTU

Alla ħalaq lil Ġesù qabel kull ħaġa oħra. Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-​art biex imut għall-​bnedmin kollha. Wara li Ġesù ġie maqtul, Ġeħova rxoxtah. Ġesù issa qed isaltan fis-​sema bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla.

▸ Kap. 4, para. 2

13 IL-​PROFEZIJA TAS-​70 ĠIMGĦA

Il-​Bibbja pprofetizzat, jew bassret, meta l-​Messija kien se jidher. Dan kien se jkun fl-​aħħar taʼ perijodu taʼ żmien imsejjaħ id-​69 ġimgħa, li beda fis-​sena 455 QK u li ntemm fis-​sena 29 WK.

Kif nafu li ntemm fis-​sena 29 WK? Id-​69 ġimgħa bdew fis-​sena 455 QK meta Neħemija wasal Ġerusalemm u beda jibni mill-​ġdid il-​belt. (Danjel 9:25; Neħemija 2:1, 5-​8) Bħalma l-​kelma “tużżana” ġġegħelna naħsbu fin-​numru 12, hekk ukoll il-​kelma “ġimgħa” tfakkarna fin-​numru 7. Il-​ġimgħat f’din il-​profezija mhumiex ġimgħat taʼ sebat ijiem imma huma ġimgħat taʼ sebaʼ snin, fi qbil mar-​regola profetika taʼ “jum għal sena.” (Numri 14:34; Eżekjel 4:6) Dan ifisser li kull ġimgħa hi twila sebaʼ snin u li d-​69 ġimgħa jiġu 483 sena (69 x 7). Jekk ngħoddu 483 sena mis-​sena 455 QK, naslu għas-​sena 29 WK. Din hi eżatt is-​sena meta Ġesù tgħammed u sar il-​Messija!—Luqa 3:1, 2, 21, 22.

L-​istess profezija bassret ġimgħa oħra, li jiġu sebaʼ snin oħra. Matul dan il-​perijodu taʼ żmien, fis-​sena 33 WK, il-​Messija kien se jinqatel, u mill-​bidu tas-​sena 36 WK, l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla kienet se tiġi pritkata lill-​ġnus kollha u mhux biss lil-​Lhud.—Danjel 9:24-​27.

▸ Kap. 4, para. 7

Ċart: Il-profezija tas-sebgħin ġimgħa f’Danjel 9 tbassar il-wasla tal-Messija

14 IT-​TAGĦLIM FALZ DWAR IT-​TRINITÀ

Il-​Bibbja tgħallem li Alla Ġeħova hu l-​Ħallieq u li hu ħalaq lil Ġesù qabel kull ħaġa oħra. (Kolossin 1:15, 16) Ġesù mhuwiex Alla li Jistaʼ Kollox. Hu qatt ma qal li kien daqs Alla. Infatti, hu qal: “Il-​Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28; 1 Korintin 15:28) Imma xi reliġjonijiet jgħallmu t-​Trinità, li Alla hu tliet persuni f’wieħed: il-​Missier, l-​Iben, u l-​ispirtu qaddis. Il-​kelma “Trinità” ma tinstabx fil-​Bibbja. Dan hu tagħlim falz.

L-​ispirtu qaddis hu l-​forza attiva t’Alla, il-​qawwa inviżibbli tiegħu f’azzjoni li juża biex jagħmel ir-​rieda tiegħu. Mhuwiex persuna. Pereżempju, il-​Kristjani tal-​bidu “mtlew bl-​ispirtu qaddis,” u Ġeħova qal: “Inferraʼ ftit mill-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin.”—Atti 2:1-​4, 17.

▸ Kap. 4, para. 12; Kap. 15, para. 17

15 IS-​SALIB

Meta l-​Kristjani veri jqimu lil Alla, ma jużawx is-​salib. Għala?

  1.  Is-​salib ilu żmien twil jintuża fir-​reliġjon falza. Fi żmien il-​qedem kien jintuża fil-​qima tan-​natura u f’ritwali pagani sesswali. Matul l-​ewwel 300 sena wara l-​mewt taʼ Ġesù, il-​Kristjani ma kinux jużaw is-​salib fil-​qima tagħhom. Ħafna żmien wara, l-​Imperatur Ruman Kostantinu għamel is-​salib simbolu tal-​Kristjanità. Is-​simbolu ntuża biex jipprova jagħmel il-​Kristjanità iktar popolari. Imma s-​salib ma kellu xejn x’jaqsam maʼ Ġesù Kristu. In-​New Catholic Encyclopedia tispjega: “Is-​salib insibuh f’kulturi taʼ qabel il-​Kristjanità u f’dawk mhux Kristjani.”

  2.  Ġesù ma mietx fuq salib. Il-​kelma Griega tradotta “salib” bażikament tfisser “arblu wieqaf,” “zokk,” jew “siġra.” The Companion Bible tispjega: “M’hemm xejn miktub fil-​Grieg tat-​[Testment il-​Ġdid] li saħansitra jindika żewġ biċċiet injam.” Ġesù miet fuq zokk wieqaf.

  3.  Ġeħova ma jridniex nużaw xbihat jew simboli fil-​qima tagħna.—Eżodu 20:4, 5; 1 Korintin 10:14.

▸ Kap. 5, para. 12

16 IT-​TIFKIRA

Ġesù kkmanda lid-​dixxipli tiegħu biex josservaw it-​Tifkira tal-​mewt tiegħu. Dan jagħmluh kull sena fl-​14 taʼ Nisan, l-​istess data li l-​Iżraelin kienu jiċċelebraw il-​Qbiż. Ħobż u nbid, li jirrappreżentaw il-​ġisem u d-​demm taʼ Ġesù, jingħaddu minn id għal id fit-​Tifkira. Dawk li se jsaltnu maʼ Ġesù fis-​sema jieklu l-​ħobż u jixorbu l-​inbid. Dawk li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art b’rispett jattendu t-​Tifkira imma ma jiklux il-​ħobż jew jixorbu l-​inbid.

▸ Kap. 5, para. 21

17 IR-​RUĦ

Fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida, il-​kelma “ruħ” tintuża biex tiddeskrivi (1) persuna, (2) annimal, jew (3) il-​ħajja taʼ persuna jew annimal. Issa se naraw xi eżempji:

  • Persuna. “Fi żmien Noè . . . ftit nies, jiġifieri, tmien erwieħ, inġarrew mill-​ilma u ġew salvati.” (1 Pietru 3:20) Hawnhekk il-​kelma “erwieħ” tirreferi għan-​nies—Noè u martu, it-​tliet uliedhom, u n-​nisa taʼ wliedhom.

  • Annimal. “Alla ssokta jgħid: ‘Ħa jkunu miżgħuda l-​ilmijiet bi qtajjaʼ t’erwieħ ħajjin u ħa jittajru l-​ħlejjaq li jtiru ’l fuq mill-​art f’wiċċ il-​firxa tas-​smewwiet.’ U Alla ssokta jgħid: ‘Ħa tnissel l-​art erwieħ ħajjin skond ġenshom, l-​annimali domestiċi u l-​annimali li jitkaxkru u l-​bhejjem salvaġġi taʼ l-​art skond ġenshom.’ U hekk sar.”—Ġenesi 1:20, 24.

  • Il-​ħajja taʼ persuna jew annimal. Ġeħova qal lil Mosè: “L-​irġiel kollha li kienu qed jipprovaw joqtluk [“ifittxu lil ruħek,” nota taʼ taħt] mietu.” (Eżodu 4:19) Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu qal: “Jien ir-​ragħaj mill-​aħjar; ir-​ragħaj mill-​aħjar jagħti ruħu għan-​nagħaġ.”—Ġwanni 10:11.

    Barra minn hekk, meta individwu jagħmel xi ħaġa ‘b’ruħu kollha,’ dan ifisser li jagħmilha minn jeddu u bl-​aħjar mod li jistaʼ. (Mattew 22:37; Dewteronomju 6:5) Il-​kelma “ruħ” tistaʼ tintuża wkoll biex tiddeskrivi x-​xewqa taʼ ħliqa ħajja. Persuna mejta jew ġisem mejjet nistgħu nirreferu għalih bħala ruħ mejta.—Numri 6:6; Proverbji 23:2; Isaija 56:11; Ħaggaj 2:13.

▸ Kap. 6, para. 5; Kap. 15, para. 17

18 SPIRTU

Il-​kliem Ebrajk u Grieg tradott “spirtu” fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida jistaʼ jfisser affarijiet differenti. Imma dejjem jirreferi għal xi ħaġa inviżibbli għall-​bnedmin, bħar-​riħ jew in-​nifs tal-​bnedmin u l-​annimali. Dan il-​kliem jistaʼ jirreferi wkoll għal spirti u għall-​ispirtu qaddis, li hu l-​forza attiva t’Alla. Il-​Bibbja ma tgħallimx li xi parti minn persuna tibqaʼ tgħix wara li tmut.—Eżodu 35:21; Salm 104:29; Mattew 12:43; Luqa 11:13.

▸ Kap. 6, para. 5; Kap. 15, para. 17

19 GEĦENNA

Geħenna hu l-​isem taʼ wied viċin Ġerusalemm fejn kienu jaħarqu u jeqirdu l-​iskart. M’hemm l-​ebda evidenza li fi żmien Ġesù, l-​annimali jew il-​bnedmin kienu jiġu ttorturati jew maħruqin ħajjin f’dan il-​wied. Allura Geħenna ma tissimbolizzax post inviżibbli fejn in-​nies li jmutu jiġu ttorturati u maħruqin għal dejjem. Meta Ġesù tkellem dwar dawk li jitwaddbu f’Geħenna, kien qed jitkellem dwar qerda totali.—Mattew 5:22; 10:28.

▸ Kap. 7, para. 20

20 IT-​TALBA TAL-​MISSIERNA

Din hi t-​talba li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu meta kien qed jgħallimhom kif għandhom jitolbu. Tissejjaħ ukoll it-​talba mudell. Pereżempju, Ġesù għallimna biex nitolbu b’dan il-​mod:

  • “Ħa jitqaddes ismek”

    Aħna nitolbu biex Ġeħova jnaddaf ismu, jew ir-​reputazzjoni tiegħu, minn kull gidba. Dan biex kulħadd, fis-​sema u fuq l-​art, jonora u jirrispetta l-​isem t’Alla.

  • “Ħa tiġi saltnatek”

    Aħna nitolbu biex il-​gvern t’Alla jeqred id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana, isaltan għal fuq l-​art, u jbiddel id-​dinja f’ġenna tal-​art.

  • “Ħa jkun li trid int . . . fuq l-​art”

    Aħna nitolbu biex jitwettaq l-​iskop t’Alla għall-​art ħalli bnedmin ubbidjenti u perfetti jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna tal-​art, sewwasew bħalma ried Ġeħova meta ġew maħluqin il-​bnedmin.

▸ Kap. 8, para. 2

21 IL-​FIDWA

Ġeħova pprovda l-​fidwa biex jeħles lill-​bnedmin mid-​dnub u l-​mewt. Il-​fidwa kienet il-​prezz meħtieġ biex tinxtara lura l-​ħajja umana perfetta li tilef l-​ewwel raġel, Adam, u biex titranġa r-​relazzjoni bejn il-​bnedmin u Ġeħova. Alla bagħat lil Ġesù lejn l-​art biex ikun jistaʼ jmut għall-​midinbin kollha. Minħabba l-​mewt taʼ Ġesù, il-​bnedmin kollha għandhom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem u jsiru perfetti.

▸ Kap. 8, para. 21; Kap. 9, para. 13

22 IS-​SENA 1914 GĦALA HI DAQSTANT IMPORTANTI?

Il-​profezija f’​Danjel kapitlu 4 tgħallimna li Alla kien se jistabbilixxi s-​Saltna tiegħu fl-​1914.

Il-​profezija: Ġeħova ta lis-​Sultan Nebukadnessar ħolma profetika dwar siġra kbira li tqaċċtet. Fil-​ħolma, ċirku tal-​ħadid u r-​ram tqiegħed madwar zokk is-​siġra biex din ma titħalliex tikber għal perijodu taʼ “sebaʼ żminijiet.” Wara dan, is-​siġra kienet se terġaʼ tikber.—Danjel 4:1, 10-​16.

Dak li l-​profezija tfisser għalina: Is-​siġra tirrappreżenta t-​tmexxija t’Alla. Għal ħafna snin, Ġeħova uża slaten f’Ġerusalemm biex imexxu lill-​ġens tal-​Iżrael. (1 Kronaki 29:23) Imma dawn is-​slaten saru żleali, u ma baqgħux isaltnu. Ġerusalemm inqerdet fis-​sena 607 QK. Dan kien il-​bidu tas-​“seba’ żminijiet.” (2 Slaten 25:1, 8-​10; Eżekjel 21:25-​27) Meta Ġesù qal, “Ġerusalemm tintrifes mill-​ġnus sakemm jitwettqu ż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus,” hu kien qed jitkellem dwar is-​“seba’ żminijiet.” (Luqa 21:24) Allura s-​“sebaʼ żminijiet” ma ntemmux meta Ġesù kien fuq l-​art. Ġeħova wiegħed li kien se jaħtar Sultan fi tmiem is-​“sebaʼ żminijiet.” It-​tmexxija taʼ dan is-​Sultan ġdid, Ġesù, kienet se ġġib barkiet kbar għan-​nies t’Alla madwar l-​art, għal dejjem.—Luqa 1:30-​33.

It-​tul tas-​“sebaʼ żminijiet”: Is-​“seba’ żminijiet” damu 2,520 sena. Jekk ngħoddu 2,520 sena mis-​sena 607 QK, naslu fis-​sena 1914. Dan kien meta Ġeħova għamel lil Ġesù, il-​Messija, is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla fis-​sema.

Kif naslu għan-​numru 2,520? Il-​Bibbja tgħid li tliet żminijiet u nofs jiġu 1,260 ġurnata. (Rivelazzjoni 12:6, 14) Allura “sebaʼ żminijiet” jiġu d-​doppju taʼ dan in-​numru, jew 2,520 ġurnata. L-​2,520 ġurnata huma daqs 2,520 sena minħabba r-​regola profetika “jum għal sena.”—Numri 14:34; Eżekjel 4:6.

▸ Kap. 8, para. 23

Ċart taʼ dati u ġrajjiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħolma taʼ Nebukadnessar

23 MIKIEL L-​ARKANĠLU

Il-​kelma “arkanġlu” tfisser “kap tal-​anġli.” Il-​Bibbja ssemmi arkanġlu wieħed, u ismu hu Mikiel.—Danjel 12:1; Ġuda 9.

Mikiel hu l-​Mexxej tal-​armata t’anġli leali t’Alla. Rivelazzjoni 12:7 jgħid: “Mikiel u l-​anġli tiegħu tqabdu mad-​dragun . . . u l-​anġli tiegħu.” Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jgħid li l-​Mexxej tal-​armata t’Alla hu Ġesù, allura Mikiel hu isem ieħor għal Ġesù.—Rivelazzjoni 19:14-​16.

▸ Kap. 9, para. 4

24 L-​AĦĦAR JIEM

Din l-​espressjoni tirreferi għall-​perijodu taʼ żmien meta ġrajjiet kbar se jseħħu fuq l-​art eżatt qabel ma s-​Saltna t’Alla teqred id-​dinja taʼ Satana. Espressjonijiet simili, bħall-​“konklużjoni tas-​sistema” u “l-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem,” jintużaw fil-​profezija Biblika biex jirreferu għall-​istess perijodu taʼ żmien. (Mattew 24:3, 27, 37)“L-​aħħar jiem” bdew meta s-​Saltna t’Alla bdiet issaltan fis-​sema fl-​1914 u se jintemmu meta d-​dinja taʼ Satana tiġi meqruda f’Armageddon.—2 Timotju 3:1; 2 Pietru 3:3.

▸ Kap. 9, para. 5

25 IRXOXT

Meta Alla jerġaʼ jagħti l-​ħajja lil individwu li jkun miet, dan jissejjaħ irxoxt. Fil-​Bibbja jissemmew disaʼ każi taʼ rxoxt. Elija, Eliżew, Ġesù, Pietru, u Pawlu kollha wettqu rxoxt. Dawn il-​mirakli kienu possibbli biss minħabba l-​qawwa t’Alla. Ġeħova jwiegħed li se jqajjem ‘kemm in-​nies sewwa u kemm dawk li m’humiex sewwa’ biex jgħixu fuq l-​art. (Atti 24:15) Il-​Bibbja ssemmi wkoll irxoxt lejn is-​sema. Dan iseħħ meta dawk li huma magħżulin, jew midlukin, minn Alla jiġu rxoxtati biex jgħixu fis-​sema maʼ Ġesù.—Ġwanni 5:28, 29; 11:25; Filippin 3:11; Rivelazzjoni 20:5, 6.

▸ Kap. 9, para. 13

26 DEMONIŻMU (SPIRITIŻMU)

Id-​demoniżmu jew l-​ispiritiżmu hu l-​prattika ħażina taʼ li tipprova tikkomunika mal-​ispirti, jew direttament jew permezz taʼ xi ħadd ieħor, bħal xi saħħar jew medjum tal-​ispirti. Nies li jipprattikaw l-​ispiritiżmu jagħmlu dan għax jemmnu t-​tagħlim falz li l-​ispirti tal-​bnedmin jibqgħu ħajjin wara l-​mewt u jsiru fatati setgħanin. Id-​demonji jipprovaw ukoll jinfluwenzaw lill-​bnedmin biex ma jobdux lil Alla. L-​astroloġija, it-​teħbir, il-​maġija, is-​seħer, is-​superstizzjonijiet, l-​okkult, u s-​sopranaturali wkoll huma parti mid-​demoniżmu. Ħafna kotba, rivisti, oroskopji, films, posters, u saħansitra diski jagħmlu d-​demonji, il-​maġija, u s-​sopranaturali jidhru qishom ma jagħmlux ħsara jew li huma eċċitanti. Ħafna drawwiet tal-​funerali, bħal sagrifiċċji għall-​mejtin, ċelebrazzjonijiet tal-​funerali, anniversarji tal-​funerali, u xi ritwali oħra wkoll jinkludu kuntatt mad-​demonji. In-​nies spiss jużaw id-​drogi meta jipprovaw jużaw il-​qawwa tad-​demonji.—Galatin 5:20; Rivelazzjoni 21:8.

▸ Kap. 10, para. 10; Kap. 16, para. 4

27 IS-​SOVRANITÀ TAʼ ĠEĦOVA

Ġeħova hu Alla li Jistaʼ Kollox, u hu ħalaq l-​univers kollu. (Rivelazzjoni 15:3) Għalhekk hu s-​Sid taʼ kollox u għandu sovranità, jew awtorità sħiħa, biex isaltan fuq il-​ħolqien tiegħu. (Salm 24:1; Isaija 40:21-​23; Rivelazzjoni 4:11) Hu għamel liġijiet għal kull ħaġa li ħalaq. Ukoll, Ġeħova għandu l-​awtorità biex jaħtar lil oħrajn biex ikunu mexxejja. Aħna nappoġġaw is-​sovranità t’Alla meta nħobbuh u nobduh.—1 Kronaki 29:11.

▸ Kap. 11, para. 10

28 ABORT

Abort isir apposta biex tinqatel tarbija li tkun għadha ma twilditx. Mhix xi aċċident jew ir-​riżultat taʼ xi reazzjoni naturali tal-​ġisem uman. Minn meta t-​tarbija titnissel, mhijiex biss parti mill-​ġisem tal-​omm. It-​tarbija hi persuna separata.

▸ Kap. 13, para. 5

29 TRASFUŻJONI TAD-​DEMM

Din hi l-​proċedura medika li fiha demm sħiħ jew wieħed mill-​erbaʼ komponenti prinċipali jiġi trasferit fil-​ġisem taʼ persuna. Dan jistaʼ jkun demm taʼ persuna oħra jew demm li jkun ġie maħżun. L-​erbaʼ komponenti prinċipali tad-​demm huma l-​plasma, iċ-​ċelluli ħomor tad-​demm, iċ-​ċelluli bojod tad-​demm, u l-​platelets.

▸ Kap. 13, para. 13

30 DIXXIPLINA

Fil-​Bibbja, il-​kelma għal “dixxiplina” mhijiex biss kelma oħra għal kastig. Meta niġu dixxiplinati, aħna niġu istruwiti, edukati, u koreġuti. Ġeħova qatt mhu abbużiv jew kattiv maʼ dawk li jiddixxiplinahom. (Proverbji 4:1, 2) Ġeħova jħalli eżempju mill-​isbaħ għall-​ġenituri. Id-​dixxiplina li hu jagħti tant hi effettiva li persuna tistaʼ saħansitra ssir tħobb id-​dixxiplina. (Proverbji 12:1) Ġeħova jħobb lil niesu, u hu jħarriġhom. Hu jagħtihom istruzzjoni li tikkoreġi ideat żbaljati u li tgħinhom jitgħallmu biex jaħsbu u jaġixxu b’mod li jogħġob lilu. Għall-​ġenituri, id-​dixxiplina tinkludi li jgħinu lil uliedhom jifhmu r-​raġunijiet għala għandhom ikunu ubbidjenti. Tfisser ukoll li jgħallmuhom iħobbu lil Ġeħova, kif ukoll li jħobbu l-​Kelma tiegħu l-​Bibbja, u jifhmu l-​prinċipji li fiha.

▸ Kap. 14, para. 13

31 DEMONJI

Huma ħlejjaq spirti inviżibbli u mill-​agħar li għandhom qawwa sopranaturali. Id-​demonji huma anġli mill-​agħar. Huma saru ħżiena meta għamlu lilhom infushom għedewwa t’Alla billi m’obdewhx. (Ġenesi 6:2; Ġuda 6) Huma ngħaqdu maʼ Satana fir-​ribelljoni tiegħu kontra Ġeħova.—Dewteronomju 32:17; Luqa 8:30; Atti 16:16; Ġakbu 2:19.

▸ Kap. 16, para. 4

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja