LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 8/15 pp. 31-32
  • L-“Eureka Drama” għenet lil ħafna jsibu l-verità tal-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-“Eureka Drama” għenet lil ħafna jsibu l-verità tal-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • JIĠU KULTIVATI Ż-​ŻRIERAGĦ TAL-​VERITÀ
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 8/15 pp. 31-32
Karrijiet tad-drama li kienu jintużaw biex jirreklamaw l-Eureka Drama u jġorru l-apparat għaliha

MILL-ARKIVJI TAGĦNA

L-“Eureka Drama” għenet lil ħafna jsibu l-verità tal-Bibbja

“EWREKA!” Din il-​kelma tfisser “sibtu!” Fis-​seklu 19, meta kien hemm tfittxija sfrenata għad-​deheb f’Kalifornja, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, kont tismaʼ lil xi ħadd li jaħdem fil-​minjiera jgħajjat din il-​kelma meta kien isib id-​deheb. Però, Charles Taze Russell u sħabu l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu sabu xi ħaġa bil-​wisq iktar taʼ valur—il-​verità tal-​Bibbja. U kellhom sebaʼ mitt sena biex jaqsmuha m’oħrajn.

Sas-​sajf tal-​1914, kienu nġabru miljuni taʼ nies fi bliet kbar biex jaraw il-​“Photo-​Drama of Creation,” film taʼ tmien sigħat li kien maħruġ mill-​International Bible Students Association (IBSA). Bi stampi sbieħ li jiċċaqalqu, slajds bil-​kulur, qari affaxxinanti, u mużika klassika mill-​aqwa, din il-​preżentazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja kienet tibda mill-​ħolqien, tkopri l-​istorja umana, u tibqaʼ sejra sat-​tmiem tar-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù Kristu.—Riv. 20:4.a

Imma xi ngħidu għal dawk li kienu jgħixu fi rħula jew fi nħawi rurali? Sabiex dawk li kienu għatxana għall-​verità jkollhom ukoll opportunità li jarawha, f’Awwissu tal-​1914, l-​IBSA ħarġet l-​“Eureka Drama”—verżjoni tal-​“Photo-​Drama” li setgħet tinġarr imma mingħajr l-​istampi li jiċċaqalqu. Kellhom tlieta minn fejn jagħżlu, u kull waħda kienet disponibbli f’għadd taʼ lingwi: L-​“Eureka X” kien fiha l-​qari u l-​mużika kollha rekordjata. L-​“Eureka Y” kien fiha r-​rekordings kollha u s-​slajds bil-​kulur mill-​isbaħ. U l-​“Eureka Family Drama,” li kienet maħsuba biex tintuża fi djar, kien fiha siltiet tal-​qari u l-​għanjiet. Bi ftit flus setgħu jinkisbu wkoll fonografi u apparat ieħor biex jintwerew l-​istampi.

Proġekter

Kien jintuża proġekter biex juri s-​slajds kuluriti

Mingħajr il-​bżonn taʼ proġekter jew skrin kbir, l-​Istudenti tal-​Bibbja setgħu jieħdu magħhom din il-​preżentazzjoni fl-​irħula, u b’hekk jilħqu territorji ġodda bil-​messaġġ tas-​Saltna. L-​“Eureka X,” li kienet bis-​sawnd biss, setgħet tindaqq lejl u nhar. Il-​proġekter bis-​slajds tal-​“Eureka Y” setaʼ jitħaddem mingħajr elettriku, bl-​użu taʼ lampa apposta. Rapport fit-​Torri tal-​Għassa bil-​Finlandiż qal: “Nistgħu nuru dawn il-​films kważi f’kull post.” Kemm kien minnu dan!

Slajds kuluriti li kienu jintużaw fl-Eureka Drama

Minflok ma krew teatri kbar, Studenti tal-​Bibbja għaqlin spiss kienu jsibu postijiet b’xejn, bħal skejjel, stazzjonijiet tal-​ferrovija, u saħansitra ġo xi kamra fi djar kbar. Id-​drama spiss kienet tintwera fuq “skrin” li kien ikun magħmul minn liżar kbir abjad u li kien jiddendel maʼ naħa waħda taʼ maħżen. Anthony Hambuch kiteb: “Xi bdiewa kienu jagħmlu bħal stejdjum żgħir fil-​ġnien tas-​siġar tal-​frott tagħhom, billi kienu jpoġġu għadd taʼ zkuk ħalli n-​nies ikunu jistgħu joqogħdu bilqiegħda fuqhom u jgawdu l-​programm.” Dan it-​tim tal-​“Eureka” kien juża “karru tad-​Drama” għall-​apparat, il-​bagalji, u affarijiet oħra li kellhom bżonn biex jikkampjaw u jsajru.

L-​attendenza għall-​“Eureka” kienet tvarja minn ftit għal mijiet. Fl-​Istati Uniti, f’belt taʼ 150 ruħ, attendew 400 ruħ biex jarawha fi skola. F’postijiet oħra, kien hemm min mexa 8 kilometri ’l hemm u ’l hawn biex jara l-​“Eureka Drama.” Fl-​Iżvezja, il-​ġirien taʼ Charlotte Ahlberg li nġabru fid-​dar żgħira tagħha “verament ħassewhom imqanqlin” meta semgħu r-​rekordings. F’belt remota u li kellha minjiera fl-​Awstralja, marru mal-​1,500 ruħ biex jaraw id-​drama. It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż qal li fl-​iskejjel sekondarji u l-​kulleġġi, “l-​għalliema u l-​istudenti jibqgħu msaħħrin bl-​istampi u bir-​rekordings tal-​fonografu mill-​isbaħ tagħna.” L-​“Eureka Drama” kienet popolari anki f’postijiet fejn kellhom iċ-​ċinema.

JIĠU KULTIVATI Ż-​ŻRIERAGĦ TAL-​VERITÀ

L-​“Eureka Drama” kienet għodda utli għal programm tal-​Istudenti tal-​Bibbja li fih kienu jibagħtu kelliema biex jibdew klassijiet taʼ studju ġodda. Hu diffiċli li nkunu nafu kemm nies raw l-​“Eureka Drama.” Ħafna minn dawn ir-​rekordings kienu jintużaw il-​ħin kollu. Imma fl-​1915 kienu biss 14 minn 86 tim tad-​“Drama” li kienu jirrapportaw regolarment. Minkejja li b’dispjaċir il-​figuri mhumiex kompleti, is-​sommarju tal-​aħħar tas-​sena qal li kienu attendew iktar minn miljun ruħ biex jaraw id-​“Drama.” Xi 30,000 persuna talbu letteratura Biblika.

L-​“Eureka Drama” għandha mnejn ma kinitx ġrajja memorabbli fl-​istorja, imma mill-​Awstralja sal-​Arġentina, mill-​Afrika t’Isfel sal-​Gżejjer Britanniċi, l-​Indja, u l-​Karibew, jidher li miljuni raw din il-​preżentazzjoni unika. Ħafna fosthom sabu l-​verità tal-​Bibbja—iktar prezzjuża mid-​deheb—u setgħu jgħidu “Ewreka!”

a Ara “Mill-​arkivji tagħna—Film li jsaħħaħ il-​fidi jagħlaq 100 sena” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Frar 2014, paġni 30-​32.

“Il-Bibbja se tkun qisha ktieb ġdid”

Il-ktieb Scenario of the Photo-Drama of Creation

L-​iskop tal-​“Photo-​Drama” u l-​“Eureka Drama” kien li jibnu l-​fidi fil-​Bibbja bħala l-​ogħla sors taʼ verità xjentifika u l-​aqwa tagħlim għal ħajjitna. Wara li raw id-​“Drama,” ħafna li attendew ingħataw il-​ktieb Scenario of the Photo-​Drama of Creation. Il-​paġni tiegħu mimlijin stampi u taħditiet tad-​“Drama” għamlu lill-​Bibbja tidher “qisha ktieb ġdid.” Ingħataw b’xejn miljuni taʼ kopji minn dan il-​ktieb. Student tal-​Bibbja kiteb li wara d-​“Drama” nfisha, il-​ktieb Scenario donnu kien l-​“iktar mod dirett immaġinabbli kif jinfetħu għajnejn l-​għomja.”

Il-​ktieb Scenario sar ukoll ktieb maħbub mill-​familji tal-​Istudenti tal-​Bibbja. Iċ-​ċkejkna Alice Hoffmann u ħuha kienu jgħożżuh dan il-​ktieb. Hi kitbet: “Kemm konna nieħdu pjaċir inqallbu f’dan il-​ktieb u niftakru f’kull slajd!”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja