ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 23
Żomm “il-Fjamma taʼ Jah” Mixgħula
“[L-imħabba] tħeġġeġ bħal ħuġġieġa nar, il-fjamma taʼ Jah.”—GĦAN. 8:6.
GĦANJA 131 “Dak li Alla għaqqad flimkien”
ĦARSA BIL-QUDDIEMa
1. Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-imħabba vera?
L-IMĦABBA “tħeġġeġ bħal ħuġġieġa nar, il-fjamma taʼ Jah. Ħafna ilmijiet m’humiex kapaċi jitfu l-imħabba, u lanqas ix-xmajjar ma jistgħu jġorruha magħhom.”b (Għan. 8:6, 7) Kemm jiddeskrivu sabiħ l-imħabba vera dawn iż-żewġ versi! Dan il-kliem jinkuraġġixxi lill-koppji miżżewġin. Intom jistaʼ jkollkom imħabba vera bejnietkom.
2. Koppja x’għandhom jagħmlu biex ikunu ċerti li l-imħabba ma tonqosx?
2 Biex koppja jħobbu lil xulxin sakemm jibqgħu ħajjin iridu jagħmlu sforz. Pereżempju, fjamma tistaʼ tibqaʼ taqbad biss jekk xi ħadd jitfgħalha l-injam. Jekk ħadd ma jieħu ħsiebha tintefa. B’mod simili, l-imħabba bejn mara u raġel miżżewġin tistaʼ tibqaʼ b’saħħitha jekk isaħħu r-relazzjoni tagħhom. Kultant, koppja jistgħu jħossu li l-imħabba qed tonqos, speċjalment jekk ikollhom problemi taʼ flus, saħħa, jew ir-responsabbiltà li jrabbu t-tfal. Mela jekk int miżżewweġ, kif tistaʼ żżomm “il-fjamma taʼ Jah” mixgħula fiż-żwieġ tiegħek? F’dan l-artiklu se niddiskutu tliet modi taʼ kif iżżomm ir-relazzjoni tiegħek b’saħħitha u tkun ferħan fiż-żwieġ.c
IBQAʼ SAĦĦAĦ IL-ĦBIBERIJA TIEGĦEK MAʼ ĠEĦOVA
Bħal Ġużeppi u Marija, koppja għandha bżonn ikollha ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova (Ara paragrafu 3)
3. Ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova kif tgħin lil koppja jibqgħu jħobbu lil xulxin? (Ekkleżjasti 4:12) (Ara l-istampa.)
3 Biex iżommu “l-fjamma taʼ Jah” mixgħula, kemm ir-raġel u anki l-mara jridu jaħdmu biex ikollhom ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova. Din kif se tgħinhom fiż-żwieġ tagħhom? Meta koppja jqisu l-ħbiberija tagħhom maʼ Missierhom tas-sema importanti, se jkunu lesti japplikaw il-pariri tiegħu. Dan jistaʼ jgħinhom jevitaw u jirranġaw problemi li jistgħu jnaqqsu l-imħabba taʼ bejniethom. (Aqra Ekkleżjasti 4:12.) Nies li għandhom ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova jagħmlu li jistgħu biex jimitawh u jkollhom kwalitajiet bħal tiegħu, bħall-qalb tajba, il-paċenzja, u l-maħfra. (Efes. 4:32; 5:1) Meta l-koppji juru dawn il-kwalitajiet, se jkun iktar faċli biex l-imħabba taʼ bejniethom tikber. Oħt jisimha Lena, li ilha miżżewġa iktar minn 25 sena, tgħid, “Hu iktar faċli biex tħobb u tirrispetta lil xi ħadd li għandu ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova.”
4. Ġeħova għala għażel lil Ġużeppi u Marija biex ikunu l-ġenituri tal-Messija?
4 Ejja naraw eżempju mill-Bibbja. Meta Ġeħova għażel il-ġenituri tal-Messija, hu għażel lil Ġużeppi u Marija mid-dixxendenti kollha taʼ David. Għala? Għax it-tnejn li huma kellhom ħbiberija maʼ Ġeħova, u hu kien jaf li se jpoġġu lilu l-ewwel fiż-żwieġ. Koppji miżżewġin, x’tistgħu titgħallmu minn Ġużeppi u Marija?
5. L-irġiel miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu minn Ġużeppi?
5 Ġużeppi kien lest li jobdi d-direzzjoni taʼ Ġeħova, u dan għenu jkun raġel miżżewweġ aħjar. Alla tah xi struzzjonijiet dwar il-familja tiegħu minn tal-inqas tliet darbiet. Kull darba, Ġużeppi obda mill-ewwel, anki meta kien diffiċli għalih. (Mt. 1:20, 24; 2:13-15, 19-21) Peress li obda d-direzzjoni taʼ Ġeħova, Ġużeppi pproteġa lil Marija u ħa ħsiebha. Wisq probabbli, dan ġiegħel lil Marija tħobb u tirrispetta ħafna iktar lil Ġużeppi. Irġiel miżżewġin, intom tistgħu timitaw lil Ġużeppi billi tfittxu pariri mill-Bibbja biex tieħdu ħsieb il-familja tagħkom.d Meta tapplikaw dawn il-pariri, anki jekk ikollkom tagħmlu xi bidliet, tkunu qed turu li tħobbu lill-mara u ssaħħu ż-żwieġ tagħkom. Oħt minn Vanuatu, li ilha miżżewġa iktar minn 20 sena, tgħid: “Meta r-raġel tiegħi jara x’inhi d-direzzjoni taʼ Ġeħova u japplikaha, jien nirrispettah iżjed. Jien inħossni protetta u ma niddubitax id-deċiżjonijiet li jieħu.”
6. In-nisa miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu minn Marija?
6 Il-fidi taʼ Marija ma kinitx tiddependi fuq dak li jagħmel Ġużeppi għax diġà kellha ħbiberija soda maʼ Ġeħova. Hi kienet taf l-Iskrittura sew.e U kienet tagħmel ċert li taħseb sew fuq li tgħallmet. (Lq. 2:19, 51) Minħabba l-ħbiberija li kellha maʼ Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li Marija kienet mara tajba fiż-żwieġ. Illum, ħafna nisa miżżewġin jaħdmu iebes biex jimitaw lil Marija. Pereżempju, oħt jisimha Emiko tgħid: “Qabel iżżewwiġt kelli rutina spiritwali għalija. Imma wara li żżewwiġt, ir-raġel kien jitlob għalina u jieħu ħsieb il-qima tal-familja. Indunajt li kont qed niddependi fuqu għal dawn l-affarijiet. Rajt li jien kelli naħdem biex il-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova tibqaʼ b’saħħitha. Allura issa nagħmel il-ħin biex nitlob lil Ġeħova, naqra l-Bibbja, u nimmedita dwarha.” (Gal. 6:5) Nisa miżżewġin, jekk tkomplu ssaħħu l-ħbiberija tagħkom maʼ Ġeħova, ir-raġel tagħkom se jkollu iżjed għal xiex ifaħħarkom u jħobbkom.—Prov. 31:30.
7. Il-koppji miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu minn Ġużeppi u Marija dwar kif jaqdu lil Ġeħova flimkien?
7 Ġużeppi u Marija ħadmu flimkien ukoll biex iżommu l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova b’saħħitha. Huma fehmu li hu importanti ħafna li jaqdu lil Ġeħova flimkien bħala familja. (Lq. 2:22-24, 41; 4:16) Dan setaʼ kien diffiċli, speċjalment meta kellhom iktar tfal, imma rnexxielhom. Kemm huma eżempju mill-aqwa għall-koppji miżżewġin illum! Jekk għandek it-tfal, bħalma kellhom Ġużeppi u Marija, jistaʼ jkun diffiċli biex tmur il-laqgħat jew tagħmel il-ħin għall-qima bħala familja. U jistaʼ jkun iżjed diffiċli biex issibu ħin ħalli tistudjaw u titolbu bħala koppja. Imma tinsewx li meta taqdu lil Ġeħova flimkien, se tersqu eqreb tiegħu u taʼ xulxin. Mela agħmel ċert li l-affarijiet spiritwali jkunu l-iktar importanti.
8. Koppji li għandhom il-problemi fiż-żwieġ x’jistgħu jagħmlu biex jibbenefikaw iżjed mill-qima bħala familja?
8 X’tistgħu tagħmlu jekk għandkom il-problemi fiż-żwieġ? Forsi l-idea li tkunu flimkien għall-qima bħala familja ma togħġobkomx. Jekk tħossukom hekk, ibdew bi ftit ħin u tkellmu fuq affarijiet li tieħdu pjaċir bihom it-tnejn. Dan se jgħinkom tħobbu iżjed lil xulxin u tkunu tixtiequ taqdu lil Ġeħova flimkien.
QATTGĦU L-ĦIN FLIMKIEN
9. Raġel u mara miżżewġin għala għandhom iqattgħu l-ħin flimkien?
9 Koppji miżżewġin, intom tistgħu żżommu l-imħabba taʼ bejnietkom b’saħħitha billi tqattgħu l-ħin flimkien. Meta tagħmlu hekk se tibqgħu attenti għal x’qed jaħseb u jħoss ir-raġel jew il-mara tiegħek. (Ġen. 2:24) Ara xi ndunaw Lilia u Ruslan ftit wara li żżewġu, iżjed minn 15-il sena ilu. Hi tgħid: “Aħna ndunajna li mhux se jkollna ħin flimkien daqs kemm ħsibna. Aħna kellna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol, il-faċendi, u iktar tard bit-tfal. Indunajna li jekk ma nqattgħux ħin flimkien, l-imħabba taʼ bejnietna tistaʼ ma tibqax b’saħħitha.”
10. Il-koppji miżżewġin kif jistgħu japplikaw il-prinċipju f’Efesin 5:15, 16?
10 Il-koppji x’jistgħu jagħmlu biex ikunu ċerti li jqattgħu l-ħin flimkien? Jistaʼ jkun li jkollkom bżonn tippjanaw biex tkunu flimkien. (Aqra Efesin 5:15, 16.) Ħu min-Niġerja jismu Uzondu jgħid: “Meta nkun qed nippjana x’se nagħmel, jien ninkludi l-ħin li rrid inqattaʼ mal-mara u ma nħalli xejn itellifna.” (Flp. 1:10) Ara x’tagħmel Anastasia, il-mara taʼ indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fil-Moldova, biex tuża l-ħin tagħha bl-aħjar mod. Hi tgħid: “Jien nipprova nagħmel l-affarijiet tiegħi waqt li r-raġel ikun qed jagħmel ix-xogħol tiegħu. Imbagħad iktar tard inkunu nistgħu nqattgħu l-ħin flimkien.” Imma x’tistgħu tagħmlu biex tqattgħu l-ħin flimkien anki jekk għandkom ħafna x’tagħmlu?
Liema affarijiet tistgħu tagħmlu bħala koppja? (Ara paragrafi 11-12)
11. Akwila u Prixilla x’kienu jagħmlu flimkien?
11 Il-koppji miżżewġin jistgħu jitgħallmu mill-eżempju t’Akwila u Prixilla, koppja rispettata ħafna mill-Kristjani tal-bidu. (Rum. 16:3, 4) Il-Bibbja ma tagħtix ħafna dettalji dwar iż-żwieġ tagħhom, imma turina li ħadmu, ippritkaw, u għenu lil oħrajn flimkien. (Atti 18:2, 3, 24-26) Fil-fatt, kull meta l-Bibbja ssemmi lil Akwila u Prixilla, dejjem issemmihom flimkien.
12. Raġel u mara miżżewġin x’jistgħu jagħmlu biex iqattgħu iktar ħin flimkien? (Ara l-istampa.)
12 Il-koppji kif jistgħu jimitaw lil Akwila u Prixilla? Aħseb fl-affarijiet kollha li int u r-raġel jew il-mara tiegħek għandkom tagħmlu. Tistgħu tagħmlu ftit mill-affarijiet flimkien minflok weħidkom? Pereżempju, Akwila u Prixilla ppritkaw flimkien. Intom tagħmlu bħalhom b’mod regolari? Huma kienu jagħmlu l-istess xogħol ukoll. Jekk ma taħdmux flimkien, tistgħu tagħmlu l-faċendi tad-dar flimkien? (Ekk. 4:9) Meta tgħinu lil xulxin, se tħossukom iktar bħala team u jkollkom l-opportunità li titkellmu flimkien. Robert u Linda ilhom miżżewġin għal iktar minn 50 sena. Hu jgħid: “Ngħid il-verità, ma jibqgħalniex ħafna ħin xi nqattgħu flimkien. Imma meta nkun qed naħsel il-platti u l-mara tixxottahom, jew inkun qed naħdem fil-ġnien u hi toħroġ ħdejja, inħossni vera ferħan. Meta nagħmlu l-affarijiet flimkien, l-imħabba taʼ bejnietna tkompli tikber.”
13. X’għandhom jagħmlu mara u raġel miżżewġin biex iħobbu iktar lil xulxin?
13 Ftakar, billi koppja jqattgħu l-ħin flimkien ma jfissirx li se jħobbu iktar lil xulxin. Mara miżżewġa mill-Brażil tgħid: “Tant għandna x’nagħmlu li faċli naħsbu li qed inqattgħu l-ħin flimkien għax ngħixu fl-istess dar. Tgħallimt li nkunu flimkien mhux biżżejjed. Irrid ukoll nagħti lir-raġel l-attenzjoni li jkollu bżonn.” Ara kif Bruno u l-mara tiegħu, Tays, jagħmlu ċert li jagħtu kas xulxin. Hu jgħid: “Meta nqattgħu l-ħin flimkien, aħna nneħħu l-mowbajl u nieħdu pjaċir flimkien.”
14. Jekk koppja ma jiħdux pjaċir iqattgħu l-ħin flimkien, x’jistgħu jagħmlu?
14 X’tistaʼ tagħmel jekk int u r-raġel jew il-mara tiegħek ma tiħdux pjaċir tqattgħu l-ħin flimkien? Forsi ma jogħġbukomx l-istess affarijiet, jew ma taqblux flimkien. X’tistgħu tagħmlu? Erġaʼ aħseb fil-fjamma li semmejna qabel. Fil-bidu, il-fjamma mhux se tkun kbira. Biex tikber, trid tkompli titfgħalha bil-mod il-biċċiet tal-injam. B’mod simili, għax ma tibdewx tqattgħu ftit ħin flimkien kuljum? Kunu ċerti li tagħmlu affarijiet li tieħdu pjaċir bihom it-tnejn, u mhux affarijiet li jistgħu jaqilgħu xi problema. (Ġak. 3:18) Billi tibdew b’affarijiet żgħar, tistgħu terġgħu taraw l-imħabba taʼ bejnietkom tikber.
IRRISPETTAW LIL XULXIN
15. Ir-rispett għala hu importanti biex koppja jibqgħu jħobbu lil xulxin?
15 Ir-rispett hu importanti ħafna fiż-żwieġ. Dan qisu l-ossiġnu li jħalli l-fjamma taqbad. Mingħajr l-ossiġnu, il-fjamma malajr tintefa. B’mod simili, jekk koppja ma jirrispettawx lil xulxin, l-imħabba taʼ bejniethom malajr tonqos. Imma raġel u mara miżżewġin li jirrispettaw lil xulxin ikunu qed jaħdmu biex l-imħabba taʼ bejniethom tibqaʼ b’saħħitha. Ftakar li l-importanti mhux jekk taħsibx li qed turi rispett, imma li r-raġel jew il-mara tiegħek tħossha rispettata. Penny u Aret ilhom miżżewġin għal iktar minn 25 sena. Hi tgħid: “Peress li nirrispettaw lil xulxin, id-dar hi post taʼ paċi. Aħna nħossuna komdi nitkellmu għax nafu li l-opinjonijiet tagħna t-tnejn huma importanti għalina.” Mela x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lir-raġel jew il-mara tiegħek tħossha rispettata? Ejja naraw l-eżempju t’Abraham u Sara.
Raġel Kristjan għandu juri rispett lejn il-mara tiegħu billi jismagħha sew (Ara paragrafu 16)
16. L-irġiel miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Abraham? (1 Pietru 3:7) (Ara l-istampa.)
16 Abraham kien jirrispetta lil Sara. Hu kien jismaʼ l-opinjoni tagħha u jaħseb kif tħossha dwar ċerti affarijiet. Darba Sara kienet imdejqa ħafna. Hi qalet lil Abraham kif kienet qed tħossha, u anki waħħlet fih għal dak li kien qed jiġri. Imma Abraham ma rrabjax u ma qalilhiex xi ħaġa li setgħet weġġgħetha. Abraham kien jaf li Sara kienet sottomessa u taċċetta d-deċiżjonijiet li jieħu hu. Abraham semaʼ dak li qaltlu Sara u pprova jsolvi l-problema. (Ġen. 16:5, 6) X’nistgħu nitgħallmu? Irġiel miżżewġin, intom għandkom l-awtorità li tieħdu deċiżjonijiet għall-familja tagħkom. (1 Kor. 11:3) Imma xi ħaġa sabiħa li tistgħu tagħmlu hi li titkellmu mal-mara tagħkom qabel tieħdu d-deċiżjoni, speċjalment jekk tkun se teffettwa lilha. (1 Kor. 13:4, 5) Xi kultant, il-mara tiegħek tistaʼ tħossha ansjuża u tkun trid tgħidlek kif qed tħossha. Turi li tirrispettaha billi toqgħod tismagħha? (Aqra l-1 Pietru 3:7.) Angela u Dmitry ilhom miżżewġin kważi 30 sena. Hi tispjega kif ir-raġel tagħha jġegħelha tħossha rispettata: “Dmitry dejjem ikun lest li jismagħni meta nkun imdejqa jew meta jkolli aptit noqgħod nitkellem. Hu paċenzjuż miegħi, anki meta nibda nitkellem bir-rabja.”
17. In-nisa miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Sara? (1 Pietru 3:5, 6)
17 Sara rrispettat lil Abraham billi ssapportjatu fid-deċiżjonijiet tiegħu. (Ġen. 12:5) Darba waħda, Abraham wera ospitalità ma’ xi rġiel li hu u Sara ma kinux qed jistennew. Hu qal lil Sara biex tieqaf minn dak li kienet qed tagħmel u tipprepara l-ħobż. (Ġen. 18:6) Sara waqfet mill-ewwel u għamlet dak li qalilha Abraham. Nisa miżżewġin, intom tistgħu timitaw lil Sara billi tissapportjaw l-irġiel tagħkom fid-deċiżjonijiet tagħhom. Meta tagħmlu hekk tkunu qed issaħħu ż-żwieġ tagħkom. (Aqra l-1 Pietru 3:5, 6.) Dmitry, li semmejna fil-paragrafu taʼ qabel, jispjega kif il-mara tiegħu ġġiegħlu jħossu rrispettat. Hu jgħid: “Jien napprezza l-isforz li tagħmel Angela biex tissapportjani fid-deċiżjonijiet tiegħi, anki meta ma taqbilx. Jekk l-affarijiet ma jmorrux kif inkun ħsibt jien, hi ma toqgħodx tgerger.” Kemm hu iktar faċli li tħobb lil xi ħadd li jkun jirrispettak!
18. Il-koppji miżżewġin kif jibbenefikaw meta jaħdmu biex l-imħabba taʼ bejniethom tibqaʼ b’saħħitha?
18 Illum, Satana jrid li l-koppji Kristjani ma jibqgħux iħobbu lil xulxin. Hu jaf li jekk koppja ma jibqgħux iħobbu lil xulxin, jistgħu jibdew jitbiegħdu minn Ġeħova. Imma l-imħabba vera ma tonqos qatt. Jalla l-imħabba fiż-żwieġ tiegħek tkun bħal dik li tissemma fl-Għanja taʼ Salamun. Kunu determinati li tpoġġu lil Ġeħova l-ewwel fiż-żwieġ tagħkom, tagħmlu l-ħin għal xulxin, u tirrispettaw is-sentimenti taʼ xulxin. Jekk tagħmlu hekk se ġġibu tifħir lil Ġeħova, il-wieħed li minnu ġejja l-imħabba vera. U bħal fjamma li xi ħadd jibqaʼ jitfgħalha l-injam biex tibqaʼ taqbad, l-imħabba taʼ bejnietkom se tibqaʼ b’saħħitha.
GĦANJA 132 Issa sirna ħaġa waħda
a Ġeħova ta lin-nies ir-rigal taż-żwieġ. Meta jkunu miżżewġin, mara u raġel jistgħu juru mħabba kbira lejn xulxin. Imma kultant, din l-imħabba tistaʼ tibda tonqos. Jekk int miżżewweġ, dan l-artiklu se jgħinek tibqaʼ tħobb lill-mara jew ir-raġel tiegħek, u tkun ferħan fiż-żwieġ.
b L-imħabba vera ma tinbidilx u ma tispiċċax. Din tissejjaħ “il-fjamma taʼ Jah” għax Ġeħova ħalaqha.
c Dawn il-pariri jistgħu jgħinuk issaħħaħ iż-żwieġ tiegħek anki jekk ir-raġel jew il-mara mhix Xhud taʼ Ġeħova.—1 Kor. 7:12-14; 1 Pt. 3:1, 2.
d Ara l-pariri tajbin fis-serje t’artikli “Għajnuna għall-Familja” fuq jw.org u fuq JW Library®.