Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Kif Jittrattaw lil Dawk li Kienu Jagħmlu Parti mir-Reliġjon Tagħhom?
Aħna nagħmlu kulma nistgħu biex nittrattaw lil kulħadd bi mħabba, qalb tajba, u rispett. Jekk wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jkunx għadu regolari fil-qima tiegħu jew forsi jieqaf għalkollox, aħna nieħdu l-inizjattiva biex inkellmuh,a naċċertawh li nħobbuh, u nippruvaw ngħinuh jerġaʼ jkun irid jersaq qrib lejn Alla.—Luqa 15:4-7.
F’ċertu każijiet, persuna tistaʼ tagħmel xi ħaġa li minħabba fiha tiġi mneħħija mill-kongregazzjoni. (1 Korintin 5:13) Imma peress li aħna nħobbu lix-Xhieda l-oħra, nagħmlu kulma nistgħu biex minn qabel ngħinu lill-persuna ħalli ma jkunx hemm għalfejn titneħħa mill-kongregazzjoni. U anki jekk tiġi mneħħija, aħna xorta nuruha mħabba u rispett, eżatt bħalma tinkuraġġina nagħmlu l-Bibbja.—Marku 12:31; 1 Pietru 2:17.
Xi jwassal biex persuna titneħħa mill-kongregazzjoni?
Il-Bibbja turi b’mod ċar li jekk Kristjan jagħmel dnub serju u ma jkunx irid jinbidel, għandu jitneħħa mill-kongregazzjoni.b (1 Korintin 5:11-13) Fil-Bibbja nsibu wkoll liema dnubiet huma tant serji li jistgħu jwasslu lil persuna biex titneħħa mill-kongregazzjoni. Pereżempju, xi wħud minn dawn l-affarijiet huma l-adulterju, li wieħed jisker, il-qtil, l-abbuż domestiku, u s-serq.—1 Korintin 6:9, 10; Galatin 5:19-21; 1 Timotju 1:9, 10.
Però aħna ma naqbdux u nneħħu mill-kongregazzjoni lil xi ħadd li għamel dnub serju. L-anzjani tal-kongregazzjonic l-ewwel jippruvaw jgħinuh ibiddel l-attitudni tiegħu. (Rumani 2:4) Huma jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jgħinuh ikun irid jinbidel billi juru ħlewwa u qalb tajba. (Galatin 6:1) Dan jistaʼ jgħin lil dak li jkun għamel id-dnub biex jinduna bl-iżbalji li għamel u jindem. (2 Timotju 2:24-26) Imma jekk jibqaʼ jagħmel dak li l-Bibbja tgħid li hu ħażin u ma jindimx, avolja l-anzjani jkunu qed jipprovaw jgħinuh, ikun hemm bżonn li jitneħħa mill-kongregazzjoni. Dan isir billi l-anzjani jagħmlu avviż qasir lill-kongregazzjoni li l-persuna m’għadhiex waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
L-anzjani jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jgħinu lil xi ħadd li għamel dnub ikun irid jinbidel billi juru ħlewwa u qalb tajba
X’inhuma r-riżultati tajbin li jiġu meta persuna titneħħa mill-kongregazzjoni għax tkun trid tibqaʼ tagħmel dnub? Il-kongregazzjoni żżomm il-livelli għoljin t’Alla taʼ x’inhu tajjeb u ħażin u tiġi protetta mill-influwenza ħażina taʼ dak li jkun qed jagħmel dnub. (1 Korintin 5:6; 15:33; 1 Pietru 1:16) Ukoll, meta persuna titneħħa mill-kongregazzjoni, tistaʼ tiġi mmotivata biex tieqaf tagħmel il-ħażin u tagħmel il-bidliet li hemm bżonn.—Lhud 12:11.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif jittrattaw lil dawk li ġew imneħħijin mill-kongregazzjoni?
Il-Bibbja tgħid li l-Kristjani m’għandhomx ‘jibqgħu jagħmluha’ maʼ xi ħadd li ġie mneħħi mill-kongregazzjoni, ‘lanqas biss għandhom jieklu maʼ bniedem bħal dan.’ (1 Korintin 5:11) Għalhekk, ma nagħmluhiex maʼ xi ħadd li jkun tneħħa mill-kongregazzjoni. Imma dan ma jfissirx li ninjorawh kompletament. Aħna nittrattawh b’rispett. Hu jistaʼ jiġi għal-laqgħa tagħna u kull Xhud taʼ Ġeħova li jkun fil-laqgħa jistaʼ jagħżel jekk jilqgħux.d Hu jistaʼ anki jitlob l-għajnuna lill-anzjani biex jerġaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni.
Dawk li ġew imneħħijin mill-kongregazzjoni jistgħu jiġu għal-laqgħat tagħna
Xi ngħidu għal xi ħadd li ġie mneħħi mill-kongregazzjoni, imma l-mara u t-tfal tiegħu għadhom Xhieda taʼ Ġeħova? Avolja m’għadux jaqdi lil Ġeħova, huma xorta għadhom il-familja tiegħu. Peress li għadhom jgħixu fl-istess dar, ir-relazzjoni tiegħu mal-mara u t-tfal għandha tibqaʼ l-istess u huma kollha għandhom jibqgħu jittrattaw lil xulxin bi mħabba.
Xi ħadd li ġie mneħħi mill-kongregazzjoni jistaʼ jsaqsi lill-anzjani biex imorru jżuruh. Meta jżuruh, l-anzjani se jtuh pariri bi mħabba mill-Bibbja u jinkuraġġuh biex jindem u jerġaʼ lura għand Alla. (Żakkarija 1:3) Jekk hu jieqaf jagħmel dak li hu ħażin u juri li vera jixtieq jgħix skont il-livelli tal-Bibbja, hu jistaʼ jerġaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni. In-nies fil-kongregazzjoni se ‘jaħfrulu mill-qalb u jgħinuh iħossu aħjar’ eżatt bħalma għamlu l-Kristjani f’Korintu meta xi ħadd li kien qed jagħmel dnub nidem.—2 Korintin 2:6-8.
Dawk li fil-passat kienu mneħħijin mill-kongregazzjoni kif iħossuhom illum?
Ara x’qalu xi Xhieda taʼ Ġeħova li kienu mneħħijin mill-kongregazzjoni u iktar tard iddeċidew li jerġgħu jmorru lura għand Alla.
“Meta ddeċidejt li nerġaʼ nsir Xhud taʼ Ġeħova, ħsibt li l-anzjani se jkunu jridu jkunu jafu dak kollu li għamilt matul il-ħafna snin li ma kontx parti mill-kongregazzjoni. Imma minflok, huma qaluli, ‘Li jgħodd hu dak li se tagħmel minn issa ’l quddiem.’ Xħin qaluli hekk vera ħassejtni aħjar.”—Maria, l-Istati Uniti.
“In-nies fil-kongregazzjoni vera kienu ferħanin li rġajt ġejt lura. Ħassejtni apprezzat. Ħuti spiritwali fil-kongregazzjoni għenuni nħoss li Ġeħova u huma ħafruli. Dan għenni biex nieqaf inħossni ħażin dwar il-passat. L-anzjani dejjem kienu hemm biex jgħinuni nerġaʼ nsaħħaħ il-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova. Huma għenuni nħossni aħjar u fakkruni li Ġeħova għadu japprezzani u jħobbni.”—Malcom, Sierra Leone.
“Jien vera ferħana li Ġeħova tant iħobb lin-nies tiegħu li jara li l-organizzazzjoni tiegħu tibqaʼ nadifa. Avolja xi nies li ma jifhmux dan l-arranġament jarawha bħala xi ħaġa kattiva, fir-realtà hi xi ħaġa neċessarja u mimlija mħabba. Jiena vera napprezza li Missierna tas-sema hu Alla mimli mħabba u lest li jaħfer.”—Sandi, l-Istati Uniti.
a L-informazzjoni f’dan l-artiklu tapplika kemm għal raġel u kemm għal mara.
b Qabel, konna nirreferu għal xi ħadd li għamel dnub u ma nidimx bħala li ġie maqtugħ mis-sħubija. Imma issa nużaw il-kliem li hemm fil-Bibbja u nirreferu għalih bħala li ġie mneħħi mill-kongregazzjoni.
c L-anzjani huma rġiel Kristjani maturi li jgħallmu mill-Bibbja u jieħdu ħsieb lin-nies taʼ Ġeħova billi jgħinuhom u jinkuraġġuhom. Huma ma jitħallsux għax-xogħol li jagħmlu.—1 Pietru 5:1-3.
d F’każijiet estremi, apparti li xi ħadd jitlaq mill-kongregazzjoni jaf jagħmel affarijiet biex jipprova jkisser lill-kongregazzjoni u anki jipprova jiskuraġġixxi lil dawk li hemm fiha, jew jipprova jħajjar lil oħrajn biex jagħmlu dak li hu ħażin. Meta jiġri hekk, aħna nobdu l-kmand li hemm fil-Bibbja li jgħid “issellmulux.”—2 Ġwanni 9-11.