Ġenesi
19 Issa ż-żewġ anġli waslu Sodoma fil-għaxija, u Lot kien qiegħed bil-qiegħda fil-bieb taʼ Sodoma.+ Malli lemaħhom, Lot qam biex jiltaqaʼ magħhom u miel wiċċu lejn l-art.+ 2 U qalilhom: “Jekk jogħġobkom, issa, sinjuri, ilwu lejn id-dar tal-qaddej tagħkom u għaddu l-lejl hemmhekk u aħslu saqajkom.+ Imbagħad bakkru u morru għal triqitkom.”+ Qalulu: “Le, imma l-lejl se ngħadduh fil-pjazza.”+ 3 Imma hu baqaʼ jinsisti magħhom,+ u b’hekk huma lwew għal għandu u daħlu d-dar tiegħu. Imbagħad għamlilhom ikla kbira,+ u ħema l-ħobż bla ħmira,+ u kielu.
4 Qabel ma ż-żewġt irġiel setgħu jimteddu, in-nies tal-belt, in-nies taʼ Sodoma, minn tifel sa xiħ, in-nies kollha f’marmalja waħda,+ dawru d-dar.+ 5 U baqgħu jsejħu lil Lot u jgħidulu: “Fejn huma l-irġiel li daħlu għandek dan il-lejl? Oħroġhomlna biex ikollna x’naqsmu magħhom.”+
6 Fl-aħħar, Lot ħareġ barra ħdejhom fid-daħla u għalaq il-bieb warajh. 7 Imbagħad qalilhom: “Jekk jogħġobkom, ħuti, taġixxux ħażin.+ 8 Jekk jogħġobkom, hawn għandi żewġt ibniet li għadhom qatt ma kellhom x’jaqsmu maʼ raġel.+ Ħa noħroġhomlkom. Imbagħad agħmlulhom dak li jidhrilkom li hu tajjeb.+ Imma lil dawn l-irġiel tagħmlulhom xejn,+ għax għalhekk ġew, għall-kenn tas-saqaf tiegħi.”*+ 9 Qalulu: “Warrbilna min-nofs!” U żiedu: “Dan ir-raġel ġie hawnhekk biex jgħammar bħala barrani,+ u madankollu jrid fil-fatt jagħmilha taʼ mħallef.+ Issa lilek se nagħmlulek agħar milli se nagħmlu lilhom.” U bdew irossu b’kemm kellhom saħħa fuq ir-raġel,+ fuq Lot, u kienu waslu biex ikissru l-bieb.+ 10 Għalhekk, iż-żewġt irġiel ħarġu idejhom u daħħlu lil Lot ħdejhom, fid-dar, u għalqu l-bieb. 11 Imma għamew lin-nies li kienu fid-daħla tad-dar,+ miż-żgħir sal-kbir,+ u b’hekk dawn għejew jipprovaw ifittxu d-daħla.+
12 Imbagħad iż-żewġt irġiel qalu lil Lot: “Għandek lil xi ħadd ieħor hawnhekk? L-irġiel taʼ wliedek u wliedek subien u bniet u kulmin hu tiegħek fil-belt, oħroġhom minn dan il-post!+ 13 Għax dan il-post se nagħmluh ħerba, għaliex l-għajta kontra l-abitanti tal-belt kibret ħafna quddiem Ġeħova,+ u b’hekk Ġeħova bagħatna nagħmluha ħerba l-belt.”+ 14 Għalhekk, Lot ħareġ u beda jkellem lill-irġiel li kienu se jieħdu lill-bniet tiegħu u baqaʼ jgħidilhom: “Qumu! Oħorġu minn dan il-post, għaliex Ġeħova se jagħmilha ħerba l-belt!”+ Imma f’għajnejn l-irġiel taʼ wliedu hu deher qisu qed jiċċajta.+
15 Madankollu, meta beda jżernaq, l-anġli bdew jgħaġġlu iktar lil Lot u jgħidulu: “Qum! Ħu lil martek u liż-żewġt ibniet tiegħek li qegħdin hawnhekk,+ li ma tmurx tinqered fl-iżball tal-belt!”+ 16 Meta baqaʼ jitnikker,+ iż-żewġt irġiel qabduh minn idu, lilu, lil martu u liż-żewġt ibniet tiegħu, minħabba l-mogħdrija taʼ Ġeħova għalih,+ u ħarġuh u ħallewh barra l-belt.+ 17 U ġara li, malli kienu ħarġuhom ’il barra mill-belt, wieħed mill-irġiel beda jgħid: “Aħrab u salva ruħek!+ Tħarisx warajk+ u tieqaf imkien fid-Distrett kollu tal-Ġordan!+ Aħrab lejn ir-reġjun muntanjuż li ma tmurx tinqered!”+
18 U Lot qalilhom: “Mhux hekk, jekk jogħġbok, Ġeħova! 19 Issa, il-qaddej tiegħek hu approvat f’għajnejk,+ u b’hekk int qed tkabbar il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek,+ li int urejt miegħi biex iżżommni ħaj,*+ imma jien—jien ma nistax naħrab lejn ir-reġjun muntanjuż għax nibżaʼ li l-gwaj jibqaʼ jiġri warajja u żgur li mmut.+ 20 Issa, din il-belt hi qrib biex naħrab fiha u din hi ħaġa żgħira.+ Nistaʼ, jekk jogħġbok, naħrab hemmhekk—mhix ħaġa żgħira din?—u ruħi tibqaʼ ħajja.”+ 21 Għalhekk, wieġbu: “Ara! Nurik konsiderazzjoni f’din il-ħaġa wkoll,+ billi ma neqridx il-belt li għedtli biha int.+ 22 Ħaffef! Aħrab hemmhekk, għaliex ma nistaʼ nagħmel xejn sakemm tasal hemmhekk!”+ Huwa għalhekk li dik il-belt semmieha Sogħar.*+
23 Ix-xemx kienet telgħet fuq l-art meta Lot wasal Sogħar.+ 24 Imbagħad Ġeħova bagħat xita taʼ kubrit u nar fuq Sodoma u fuq Gomorra+ mis-smewwiet, mingħand Ġeħova. 25 Għalhekk, hu qered dawn il-bliet, saħansitra d-Distrett kollu kemm hu u l-abitanti kollha tal-bliet u l-ħdura taʼ l-art.+ 26 U mart Lot bdiet tħares lura minn warajh, u saret kolonna tal-melħ.+
27 Issa Abraham irħielha kmieni fil-għodu lejn il-post fejn kien qagħad quddiem Ġeħova.+ 28 U ħares lejn Sodoma u Gomorra u lejn l-art kollha tad-Distrett u ra li duħħan oħxon kien tielaʼ mill-art bħad-duħħan oħxon taʼ forn!*+ 29 U ġara li meta Alla għamel ħerba mill-bliet tad-Distrett, Alla żamm f’moħħu lil Abraham billi ħa passi biex joħroġ lil Lot minn nofs il-qerda meta qered il-bliet fejn kien jgħix+ Lot.
30 Iktar tard Lot telaʼ minn Sogħar u beda jgħammar fir-reġjun muntanjuż, u miegħu telgħu ż-żewġt ibniet tiegħu,+ għax beżaʼ jgħammar f’Sogħar.+ Għalhekk, beda jgħammar f’għar, hu u ż-żewġt ibniet tiegħu. 31 U l-kbira qalet liż-żgħira: “Missierna xiħ u m’hemmx raġel fl-art biex ikollu x’jaqsam magħna skond id-drawwa taʼ l-art kollha.+ 32 Ejja nagħtuh l-inbid x’jixrob+ lil missierna u ejja nimteddu miegħu u nżommu ħaj in-nisel minn missierna.”+
33 Għalhekk, dak il-lejl+ lil missierhom baqgħu jagħtuh l-inbid x’jixrob; imbagħad il-kbira daħlet u mteddet maʼ missierha, imma hu ma kienx jaf meta mteddet u meta qamet. 34 U ġara li l-għada l-kbira qalet liż-żgħira: “Ara! Il-lejl l-ieħor jien imteddejt maʼ missieri. Ejja nagħtuh l-inbid x’jixrob dan il-lejl ukoll. Imbagħad idħol int, imtedd miegħu, u ħa nżommu ħaj in-nisel minn missierna.” 35 Għalhekk, darba wara l-oħra lil missierhom tawh l-inbid x’jixrob dak il-lejl ukoll; imbagħad iż-żgħira qamet u mteddet miegħu, imma hu ma kienx jaf meta mteddet u meta qamet. 36 U ż-żewġt ibniet taʼ Lot it-tnejn ħarġu tqal minn missierhom.+ 37 Meta għalqilha ż-żmien, il-kbira wildet iben u semmietu Mowab.*+ Hu missier il-Mowabin, sa dan il-jum.+ 38 U ż-żgħira, hi wkoll wildet iben u mbagħad semmietu Ben-għammi.* Hu missier ulied Għammon,+ sa dan il-jum.