1 Slaten
13 U kien hemm bniedem+ t’Alla li ħareġ minn Ġuda u mar Betel skond il-kelma+ taʼ Ġeħova, waqt li Ġerobogħam kien wieqaf ħdejn l-artal+ biex joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji.+ 2 Imbagħad għajjat kontra l-artal skond il-kelma taʼ Ġeħova u qal: “O artal, artal, hekk qal Ġeħova, ‘Ara! Għad jitwieled iben fid-dar taʼ David, li jkun jismu Ġosija!+ Dan jissagrifika fuqek lill-qassisin tal-postijiet għall-qima* li qed joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fuqek, u jaħraq fuqek l-għadam tan-nies.’”+ 3 U dakinhar ta sinjal+ taʼ l-għaġeb, u qal: “Dan hu s-sinjal taʼ l-għaġeb li Ġeħova tkellem dwaru: Ara! L-artal jinqasam, u l-irmied bix-xaħam* jixxerred minn fuqu.”
4 U ġara, malli s-sultan semaʼ l-kelma mgħajta minn dan il-bniedem t’Alla kontra l-artal f’Betel, li Ġerobogħam mill-ewwel ħareġ idu minn fuq l-artal, u qal: “Aqbduh!”+ Minnufih l-id li ħareġ kontrih nixfitlu, u ma setax jiġbidha lura lejh.+ 5 U l-artal inqasam min-nofs u l-irmied bix-xaħam ixxerred minn fuq l-artal, skond is-sinjal taʼ l-għaġeb li dan il-bniedem t’Alla kien ta bil-kelma taʼ Ġeħova.+
6 Is-sultan issa qal lil dan il-bniedem taʼ l-Alla l-veru: “Taffi l-korla taʼ Ġeħova Alla tiegħek, jekk jogħġbok, u itlob għalija sabiex tingħatali idi lura.”+ Għal dan, il-bniedem taʼ l-Alla l-veru taffa+ l-korla taʼ Ġeħova, u id is-sultan ngħatatlu lura u ġiet għal li kienet.+ 7 U s-sultan issokta jgħid lill-bniedem taʼ l-Alla l-veru: “Ejja miegħi d-dar u kul xi ħaġa,+ u ħallini nagħtik rigal.”+ 8 Imma l-bniedem taʼ l-Alla l-veru qal lis-sultan: “Lanqas kieku kellek tagħtini nofs darek+ ma niġi miegħek+ u niekol il-ħobż u nixrob l-ilma f’dan il-post. 9 Għax hekk ġejt kmandat permezz tal-kelma taʼ Ġeħova, ‘La tikolx ħobż+ jew tixrob ilma, u terġax lura mit-triq li għaddejt minnha.’” 10 U għadda minn triq oħra, u ma reġax lura mit-triq li għadda minnha biex jiġi Betel.
11 U ċertu profeta xiħ+ kien joqgħod Betel, u wliedu marru għandu u rrakkontawlu kulma għamel dakinhar il-bniedem taʼ l-Alla l-veru f’Betel u l-kliem li kien qal lis-sultan, u qalu b’dan lil missierhom. 12 Imbagħad missierhom qalilhom: “Mela ’l fejn mar?” U wliedu wrewh it-triq li qabad il-bniedem taʼ l-Alla l-veru li kien ġie minn Ġuda. 13 U qal lil uliedu: “Xidduli l-ħmar bis-sarġ.” B’hekk huma xeddewlu l-ħmar,+ u hu rikbu u telaq.
14 U mar għal wara l-bniedem taʼ l-Alla l-veru u sabu bil-qiegħda taħt is-siġra l-kbira.+ Imbagħad qallu: “Int dak il-bniedem taʼ l-Alla l-veru li ġie minn Ġuda?”+ u l-ieħor qallu: “Jien hu.” 15 U kompla jgħidlu: “Ejja miegħi d-dar u kul il-ħobż.” 16 Imma hu qal: “Ma nistax niġi lura miegħek jew niġi għandek, u ma nistax niekol ħobż jew nixrob ilma miegħek f’dan il-post.+ 17 Għax intqalli permezz tal-kelma taʼ Ġeħova,+ ‘La tikolx ħobż jew tixrob ilma hemmhekk. Terġax lura mit-triq li għaddejt minnha.’”+ 18 Għal dan qallu: “Jien ukoll profeta bħalek, u anġlu+ kellimni skond il-kelma taʼ Ġeħova u qalli, ‘Għidlu jiġi lura miegħek id-dar sabiex jiekol il-ħobż u jixrob l-ilma.’” (Hu qarraq bih.)+ 19 Għalhekk, mar lura miegħu sabiex jiekol il-ħobż għandu u jixrob l-ilma.+
20 U ġara, waqt li kienu bil-qiegħda mal-mejda, li l-kelma+ taʼ Ġeħova ġiet għand il-profeta li kien ġabu lura; 21 u beda jsejjaħ lill-bniedem taʼ l-Alla l-veru li kien ġie minn Ġuda u jgħidlu: “Hekk qal Ġeħova, ‘Talli rribellajt+ kontra l-ordni taʼ Ġeħova u ma ħaristx il-kmandament li tak Ġeħova Alla tiegħek,+ 22 imma mort lura sabiex tiekol il-ħobż u tixrob l-ilma fil-post li dwaru għedtlek: “La tikolx ħobż jew tixrob ilma,” ġismek mejjet ma jidħolx fil-post fejn indifnu missirijietek.’”+
23 U wara li kiel il-ħobż u xorob, hu mill-ewwel xeddlu l-ħmar bis-sarġ, jiġifieri, lill-profeta li kien ġab lura miegħu. 24 U dan telaq. Iktar tard, sabu ljun+ fit-triq u qatlu,+ u l-ġisem mejjet tiegħu kien mitfugħ fit-triq. U l-ħmar kien ħdejh, u l-iljun kien ħdejn il-ġisem mejjet. 25 U għaddew xi rġiel, u raw il-ġisem mejjet mitfugħ fit-triq u l-iljun wieqaf ħdejn il-ġisem mejjet. Imbagħad daħlu u bdew jitkellmu dwar dan fil-belt fejn kien jgħix il-profeta x-xiħ.
26 Meta l-profeta li kien ġabu lura mit-triq semaʼ dwar dan, hu mill-ewwel qal: “Dak huwa l-bniedem taʼ l-Alla l-veru li rribella kontra l-ordni taʼ Ġeħova;+ u għalhekk Ġeħova tah lill-iljun, sabiex iqattgħu u joqtlu, skond il-kelma li qallu Ġeħova.”+ 27 U qal lil uliedu: “Xidduli l-ħmar bis-sarġ.” U xeddewhulu.+ 28 U telaq u sab il-ġisem mejjet mitfugħ fit-triq bil-ħmar u l-iljun weqfin ħdejn il-ġisem mejjet. L-iljun ma kienx kielu l-ġisem, lanqas ma kien qattaʼ l-ħmar.+ 29 U l-profeta refaʼ l-ġisem mejjet tal-bniedem taʼ l-Alla l-veru, qiegħdu fuq il-ħmar, u ġabu lura. U l-profeta x-xiħ daħal f’beltu biex jibkih u jidfnu. 30 Għalhekk, qiegħed il-ġisem mejjet fil-qabar tiegħu stess; u qagħdu jibkuh+ u jgħidu: “Jaħasra, ħija!” 31 U wara li difnu qal lil uliedu: “Meta mmut idfnuni fl-istess post fejn hu midfun il-bniedem taʼ l-Alla l-veru. Għadmi qegħduh ħdejn għadmu.+ 32 Għax dak li għajjat skond il-kelma taʼ Ġeħova kontra l-artal+ li hemm f’Betel u kontra s-santwarji kollha fil-postijiet għall-qima+ li qegħdin fil-bliet tas-Samarija+ se jseħħ żgur.”+
33 Wara din il-ġrajja, Ġerobogħam ma darx lura minn triqtu l-ħażina, imma reġaʼ ħatar qassisin għall-postijiet għall-qima minn fost il-poplu kollu.+ U kulmin kien jixtieq, hu kien jagħtih is-setgħa f’idu,+ u jgħidlu: “Ħa jsir wieħed mill-qassisin tal-postijiet għall-qima.” 34 U din il-ħaġa saret id-dnub taʼ dar Ġerobogħam,+ id-dnub li wassalha biex titqaċċat u tinqered għalkollox minn fuq wiċċ l-art.+