Proverbji
17 Aħjar biċċa ħobż niexfa u bil-kwiet+ minn dar mimlija sagrifiċċji bit-tilwim magħhom.+
2 Qaddej li juri d-dehen se jaħkem fuq l-iben li mġibtu hi taʼ mistħija,+ u se jkollu sehem mill-wirt fost l-aħwa.+
3 Il-borma taʼ l-irfinar qiegħda għall-fidda u l-forn għad-deheb,+ imma Ġeħova hu dak li jeżamina l-qlub.+
4 Min jagħmel il-ħażen qed jagħti kas ix-xoffa li tagħmel il-ħsara.+ Il-giddieb qed jagħti widen lill-ilsien li qed iġib l-għawġ.+
5 Min qed jiddieħaq b’wieħed taʼ ftit mezzi jmaqdar lil Dak li għamlu.+ Min qed jifraħ bid-diżastru taʼ ħaddieħor mhux se jeħlisha mill-kastig.+
6 Il-kuruna tax-xjuħ hi wlied l-ulied,+ u s-sbuħija taʼ l-ulied hi missirijiethom.+
7 Għal kulmin hu bla sens ix-xoffa retta m’hijiex xierqa.+ Kemm hija inqas xierqa x-xoffa tal-gideb għan-nobbli!+
8 L-għotja hi ħaġra prezzjuża li tirbaħ l-approvazzjoni f’għajnejn is-sid kbir tagħha.+ Kulfejn idur jirnexxi.+
9 Dak li qed jgħatti nuqqas qed ifittex l-imħabba,+ u dak li jibqaʼ jitkellem dwar kwistjoni qed jifred lil dawk li jafu lil xulxin sew.+
10 Ċanfira lil min għandu l-abbiltà li jifhem taħdem iktar fil-fond+ minn mitt daqqa lill-istupidu.+
11 Il-ħażin ħlief ribelljoni ma jfittixx,+ u kattiv hu l-messaġġier li jintbagħat kontrih.+
12 Wieħed aħjar jiltaqaʼ m’orsa li tilfet il-frieħ+ milli maʼ xi ħadd stupidu fil-bluha tiegħu.+
13 Kulmin ipatti t-tajjeb bil-ħażin,+ il-ħażin ma jitlaqx minn daru.+
14 Il-bidu tal-ġlied hu bħal xi ħadd li jħalli l-ilmijiet joħorġu;+ mela qabel ma tfaqqaʼ t-tilwima, warrab.+
15 Kemm dak li jiddikjara lill-bniedem mill-agħar ġust+ u kemm dak li jiddikjara lill-ġust mill-agħar+—it-tnejn huma xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.+
16 L-istupidu għala għandu f’idu l-prezz biex jikseb l-għerf,+ meta għandu qalbu belha?*+
17 Ħabib veru jħobb il-ħin kollu;+ huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.+
18 Bniedem b’qalb belha jieħu bl-idejn+ u jiftiehem li jagħmel tajjeb għad-dejn kollu quddiem sieħbu.+
19 Kulmin iħobb il-ksur tal-liġi jħobb il-ġlied.+ Kulmin qed jgħolli d-daħla tal-bieb tiegħu qed ifittex tisbita.+
20 Min qalbu mgħawġa mhux se jsib it-tajjeb,+ u min ilsienu qarrieq se jiġi fil-gwaj.+
21 Kulmin isir missier taʼ tifel stupidu, swied taʼ qalb ikollu;+ u missier tifel bla sens ma jifraħx.+
22 Qalb ferriħija tajba biex tfejjaq,+ imma spirtu mdejjaq inixxef l-għadam.+
23 Min hu mill-agħar jaċċetta saħansitra tixħim minn taħt*+ biex jilwi l-mogħdijiet tal-ġudizzju.+
24 L-għerf qiegħed quddiem wiċċ min għandu l-abbiltà li jifhem,+ imma għajnejn l-istupidu huma f’tarf l-art.+
25 Iben stupidu hu d-diqa taʼ missieru+ u mrar għal dik li wilditu.+
26 Iktar minn hekk, mhux tajjeb li l-ġust jeħel multa;+ li ssawwat lin-nobbli jmur kontra dak li hu rett.+
27 Kulmin iżomm lura dak li jkun se jgħid għandu l-għarfien,+ u bniedem taʼ dixxerniment iżomm spirtu kalm.+
28 Anki xi ħadd iblah, meta jibqaʼ sieket, jitqies bħala għaref;+ kulmin jagħlaq xofftejh jitqies bħala wieħed li għandu l-abbiltà li jifhem.