L-Għanja taʼ Salamun
7 “Kemm huma sbieħ saqajk fis-sandli tiegħek,+ O bint ħerqana!+ It-tondjatura taʼ ġenbejk bħal ornament,+ xogħol idejn bniedem tas-sengħa. 2 Id-dawra taʼ żokortok tazza tonda. Ħa ma jonqosx minnha l-inbid imħallat.+ Żaqqek munzell qamħ, imdawwar bil-ġilji.+ 3 Sidrek qisu żewġt ifrieħ, tewmin t’għażżiela.+ 4 Għonqok+ bħal torri taʼ l-avorju. Għajnejk+ bħall-għadajjar taʼ Ħesbon,+ ħdejn il-bieb taʼ Bat-rabbim. Imnieħrek bħat-torri tal-Libanu, li jħares lejn Damasku. 5 Rasek hi bħall-Karmel,+ u t-trofof+ taʼ xagħrek huma bħal suf miżbugħ vjola ħamrani.+ Is-sultan mitluf wara xagħrek imdendel.+ 6 Kemm int sabiħa, u kemm int ħelwa, O tfajla maħbuba, fik għaxqa li ma bħalha!+ 7 Din l-istatura tiegħek tixbah lil siġra tal-palm,+ u sidrek+ lil għenieqed tat-tamal. 8 Jien għedt, ‘Ħa nitlaʼ fuq is-siġra tal-palm, biex naqbad il-friegħi tagħha bit-tamal.’+ U, jekk jogħġbok, ħa jkun sidrek bħall-għenieqed tad-dielja, u r-riħa tfuħ taʼ mnifsejk bħat-tuffieħ, 9 u t-togħma taʼ fommok bħall-aqwa nbid,”+ “inbid li jinżel ħelu ħelu+ għall-għażiż tiegħi, u jċarċar bil-mod fuq xofftejn dawk li jkunu reqdin.
10 “Jien taʼ l-għażiż tiegħi,+ u hu mxennaq għalija.+ 11 Ejja, O għażiż tiegħi, ħa mmorru fir-rabaʼ;+ ejja noqogħdu qalb il-pjanti tal-ħenna.+ 12 Ejja nqumu kmieni u mmorru fl-għelieqi tad-dwieli, ħa naraw jekk id-dielja rmietx,+ iż-żahar fetaħx,+ is-siġar tar-rummien warrdux.+ Hemmhekk nesprimi mħabbti lejk.+ 13 Il-mandragori*+ rħew ir-riħa tfuħ tagħhom, u ħdejn il-bibien tagħna hemm minn kull xorta taʼ frott mill-aqwa.+ Il-ġdid u l-qadim, O għażiż tiegħi, erfajtu għalik.