Atti
4 Issa, waqt li dawn it-tnejn kienu qed ikellmu lin-nies, ġew fuqhom il-qassisin ewlenin u l-kmandant tat-tempju+ u s-Sadduċej,+ 2 għax kienu rrabjati peress li kienu qed jgħallmu lin-nies u jużaw il-każ taʼ Ġesù biex ixandru b’mod ċar l-irxoxt mill-imwiet;+ 3 u qabduhom u żammewhom arrestati sa l-għada,+ għax kien diġà sar fil-għaxija. 4 Madankollu, ħafna minn dawk li kienu semgħu d-diskors emmnu,+ u l-għadd taʼ l-irġiel sar madwar ħamest elef.+
5 L-għada ġara li f’Ġerusalemm inġabru flimkien il-ħakkiema tagħhom u x-xjuħ u l-iskribi+ 6 (kif ukoll Anna,+ il-qassis ewlieni, u Kajfa+ u Ġwanni u Alessandru u kulmin kien jiġi mill-qassis ewlieni), 7 u qegħduhom fin-nofs u bdew jistaqsuhom: “B’liema qawwa jew f’isem min għamiltu dan?”+ 8 Imbagħad Pietru, mimli bl-ispirtu qaddis,+ qalilhom:
“Ħakkiema tal-poplu u xjuħ, 9 jekk illum qed niġu interrogati fuq għemil tajjeb li sar maʼ raġel marid,+ rigward min fejjaq lil dan ir-raġel, 10 ħa tkunu tafu intom ilkoll u l-poplu kollu taʼ Israel, li f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu,+ li intom sammartuh maʼ zokk+ imma li Alla qajmu mill-imwiet,+ permezz tiegħu dan il-bniedem jinsab hawn f’saħħtu quddiemkom. 11 Din hi ‘l-ġebla li intom il-bennejja ma stmajtuhiex u li saret il-ġebla tax-xewka taʼ fuqnett.’+ 12 Iktar minn hekk, f’ħadd iżjed m’hemm salvazzjoni, għax m’hemmx isem ieħor+ taħt is-sema li ngħata lill-bnedmin u li bih nistgħu niġu salvati.”+
13 Issa meta raw il-mod kif Pietru u Ġwanni tkellmu bla tlaqliq, u indunaw li kienu rġiel komuni u taʼ ftit skola,+ stagħġbu. U bdew jintebħu li dawn kienu jkunu maʼ Ġesù;+ 14 u kif ħarsu lejn ir-raġel li kien tfejjaq u li kien qiegħed magħhom,+ ma setgħu jgħidu xejn biex imeruhom.+ 15 Għalhekk, ordnawlhom joħorġu ’l barra mis-sala tas-Sinedriju, u bdew jikkonsultaw bejniethom 16 u jgħidu: “X’se nagħmlu b’dawn l-irġiel?+ Għax veru li permezz tagħhom seħħ sinjal li ma jistax jiġi injorat, sinjal li jistgħu jarawh l-abitanti kollha taʼ Ġerusalemm;+ u dan ma nistgħux niċħduh. 17 Madankollu, biex dan ma jkomplix jinxtered fost il-poplu, ħa nhedduhom u ngħidulhom biex m’ebda bniedem ma jitkellmu iżjed fuq dan l-isem.”+
18 Wara dan, sejħulhom u ordnawlhom biex imkien ma jitkellmu jew jgħallmu f’isem Ġesù. 19 Imma Pietru u Ġwanni wieġbu u qalulhom: “Jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nisimgħu minnkom iktar milli minn Alla, iġġudikaw intom. 20 Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.”+ 21 Imbagħad, wara iktar theddid, ħelsuhom għax ma sabu xejn fuqiex setgħu jikkastigawhom u anki minħabba n-nies,+ għax dawn kollha kienu qed jigglorifikaw lil Alla minħabba dak li ġara; 22 għax ir-raġel li fuqu kien seħħ dan il-fejqan mirakoluż kellu iktar minn erbgħin sena.
23 Wara li nħelsu, marru għand sħabhom+ u għarrfuhom b’dak li kienu qalulhom il-qassisin ewlenin u x-xjuħ. 24 Malli semgħu dan, b’fehma waħda għollew leħinhom lejn Alla+ u qalu:
“Mulej Sovran,+ int Dak li għamilt is-sema u l-art u l-baħar u kulma fihom,+ 25 u li permezz taʼ l-ispirtu qaddis għedt b’fomm missierna David,+ il-qaddej tiegħek, ‘Il-ġnus għala qamu f’rewwixta u l-popli mmeditaw fuq il-frugħat?+ 26 Is-slaten taʼ l-art ħadu l-pożizzjoni tagħhom u l-ħakkiema nġemgħu flimkien ħaġa waħda kontra Ġeħova u kontra l-midluk tiegħu.’+ 27 Tabilħaqq, kemm Erodi* u kemm Ponzju Pilatu+ nġabru flimkien f’din il-belt man-nies tal-ġnus u mal-popli taʼ Israel kontra l-qaddej qaddis tiegħek,+ Ġesù, li int dlikt,+ 28 sabiex jagħmlu dak li idek u l-iskop tiegħek iddeterminaw minn qabel li għandu jseħħ.+ 29 U issa, Ġeħova, agħti kas it-theddid tagħhom,+ u agħmel li l-ilsiera tiegħek jibqgħu jitkellmu l-kelma tiegħek bil-qlubija kollha,+ 30 waqt li toħroġ idek biex tfejjaq u jseħħu sinjali u għeġubijiet+ permezz taʼ isem+ il-qaddej qaddis tiegħek,+ Ġesù.”
31 U wara li talbu bil-ħerqa, il-post fejn kienu miġburin flimkien theżżeż;+ u lkoll imtlew bl-ispirtu qaddis+ u bdew ixandru l-kelma t’Alla bil-qlubija.+
32 U l-kotra taʼ dawk li kienu emmnu kienu qalb u ruħ waħda,+ u ħadd minnhom ma kien jgħid li dak li kellu kien tiegħu; imma kienu jaqsmu kollox bejniethom.+ 33 Ukoll, b’qawwa kbira l-appostli komplew jagħtu x-xiehda dwar l-irxoxt tal-Mulej Ġesù;+ u lkoll intwerew qalb tajba mhix mistħoqqa kbira. 34 Fil-fatt, ma kien hemm ħadd fosthom fil-bżonn;+ għax dawk kollha li kellhom għelieqi jew djar kienu jbigħuhom u jġibu dak li jdaħħlu mill-bejgħ 35 u jqegħduh f’riġlejn l-appostli.+ Imbagħad kien jitqassam+ bejn kulħadd, skond il-bżonn taʼ kull wieħed. 36 Hekk għamel Ġużeppi, Levita li twieled Ċipru u li l-appostli kienu semmewh ukoll Barnaba,+ isem li meta jiġi tradott ifisser Bin il-Faraġ. 37 Dan kellu biċċa art, biegħha u ġab il-flus u qegħedhom f’riġlejn l-appostli.+