It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
13 Issa Absalom bin David kellu oħtu jisimha Tamar li kienet sabiħa ħafna, u Amnon, li kien bin David ukoll, sar iħobbha. 2 Amnon tant kien imdejjaq li kien iħossu marid minħabba oħtu* Tamar, għax hi kienet verġni u għalih deher impossibbli li jaqtaʼ xewqtu magħha. 3 Issa Amnon kellu ħabib jismu Ġeħonadab, bin Simegħah ħu David; u Ġeħonadab kien jilħaqlu ħafna. 4 Għalhekk qallu: “Għala int, bin ir-re, tkun daqshekk imdejjaq kull filgħodu? Għidli x’għandek.” Amnon wieġbu: “Sirt inħobb lil Tamar, oħt ħija Absalom.” 5 Ġeħonadab wieġbu: “Imtedd fuq is-sodda u agħmel tabirruħek li int marid. Meta missierek jiġi jarak, għidlu, ‘Jekk jogħġbok, ħa tiġi oħti Tamar u tipprepara l-ikel li jingħata lill-morda* quddiem għajnejja, u jien nieklu minn idejha.’”
6 Għalhekk, Amnon imtedd u għamel tabirruħu li hu marid, u r-re mar jarah. Imbagħad Amnon qal lir-re: “Jekk jogħġbok, ħa tiġi oħti Tamar u taħmi żewġ ħobżiet forma taʼ qalb quddiem għajnejja, sabiex nieħu l-ikel minn idejha.” 7 U David bagħat jgħid lil Tamar li kienet id-dar: “Jekk jogħġbok, mur id-dar taʼ ħuk Amnon u pprepara l-ikel* għalih.” 8 Għalhekk, Tamar marret id-dar taʼ ħuha Amnon, fejn kien mimdud. Hi ħadet l-għaġina, għaġnitha f’ħobż quddiem għajnejh, u ħmietu. 9 Imbagħad ħadet it-taġen u servietu. Imma Amnon ma riedx jiekol u qal: “Oħorġu kollha ’l barra!” U hekk għamlu.
10 Amnon issa qal lil Tamar: “Ġib l-ikel* fil-kamra tas-sodda, ħalli nieklu minn idejk.” Għalhekk, qabdet il-ħobż forma taʼ qalb li kienet għamlet u ħaditu għand ħuha Amnon fil-kamra tas-sodda. 11 Meta ħadithulu biex jiekol, hu qabadha u qalilha: “Ejja, ħa jkollok x’taqsam miegħi oħti.” 12 Imma hi qaltlu: “Le ħija! Tumiljanix, għax ħaġa bħal din ma ssirx f’Iżrael. Tagħmilx din il-ħaġa taʼ mistħija. 13 Kif nistaʼ ngħix b’din il-ħaġa taʼ mistħija? U lilek iqisuk bħal wieħed mill-irġiel bla sens f’Iżrael. Jekk jogħġbok, kellem lir-re għax mhux se jċaħħdek minni.” 14 Imma hu ma riedx jismaʼ, u għax kien b’saħħtu iktar minnha umiljaha u stupraha. 15 Imbagħad, Amnon beda jobgħodha ħafna, tant li din il-mibegħda kienet akbar mill-imħabba li kellu għaliha. Hu qalilha: “Qum, itlaq ’l hemm!” 16 Għal dan hi qaltlu: “Le ħija, għax jekk tibgħatni issa jkun agħar minn dak li għamiltli!” Imma ma riedx jismaʼ minnha.
17 Għalhekk, għajjat lill-qaddej żagħżugħ tiegħu u qallu: “Jekk jogħġbok, oħroġ lil din il-persuna minn quddiemi u sakkar il-bieb warajha.” 18 (Issa hi kienet liebsa libsa speċjali,* għax hekk kienu jilbsu l-bniet verġni tar-re.) Għalhekk, il-qaddej tiegħu ħariġha ’l barra u sakkar il-bieb warajha. 19 Imbagħad Tamar poġġiet l-irmied fuq rasha, ċarrtet il-libsa sabiħa li kellha fuqha, u telqet b’idejha fuq rasha tibki u tgħajjat.
20 Għal dan ħuha Absalom staqsieha: “Jaqaw ħuk Amnon kien miegħek? U issa tgħid xejn oħti għax dak ħuk. Toqgħodx thewden fuq dak li ġara.” Imbagħad Tamar inqatgħet għaliha waħedha u għexet fid-dar taʼ ħuha Absalom. 21 Meta r-Re David semaʼ dwar dan kollu, hu rrabja ħafna. Imma ma riedx iweġġaʼ s-sentimenti t’ibnu Amnon għax kien iħobbu peress li kien l-ewwel imwieled. 22 U Absalom ma qallu xejn lil Amnon, la tajjeb u lanqas ħażin. Absalom kien jobogħdu minħabba li kien umilja lil oħtu Tamar.
23 Wara sentejn, in-nies li jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ t’Absalom kienu f’Bagħal-ħasor, ħdejn Efrajm, u Absalom stieden lit-tfal tar-re kollha. 24 Għalhekk, Absalom mar għand ir-re u qallu: “Jien, il-qaddej tiegħek, għandi n-nies li qed jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ. Jekk jogħġbok re, ejja int u l-qaddejja tiegħek miegħi.” 25 Imma r-re qal lil Absalom: “Le ibni. Jekk niġu kollha, inkunu taʼ piż għalik.” Għalkemm Absalom baqaʼ jħeġġu, m’aċċettax li jmur, imma xorta bierku. 26 Imbagħad Absalom qallu: “Jekk ma tiġix int, ħa jiġi magħna ħija Amnon, jekk jogħġbok.” Ir-re wieġbu: “Għala għandu jiġi miegħek?” 27 Imma Absalom baqaʼ jħeġġu, u b’hekk bagħat miegħu lil Amnon u lit-tfal tiegħu kollha.
28 Imbagħad Absalom ikkmanda lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu attenti u malli Amnon ikun ferħan minħabba l-inbid, jien se ngħidilkom, ‘Oqtlu lil Amnon!’ u intom għandkom toqtluh. Tibżgħux. Mhux jien qed nikkmandakom? Kunu sodi u kuraġġużi.” 29 Għalhekk dawn qatlu lil Amnon, eżatt bħalma kkmandahom Absalom. Imbagħad it-tfal tar-re l-oħrajn kollha qamu u ħarbu fuq il-bagħal tagħhom. 30 Waqt li kienu fi triqithom, lil David waslitlu l-aħbar: “Absalom qatel it-tfal kollha tar-re, u ħadd ma ħelisha.” 31 Għal dan, ir-re qam u ċarrat ħwejġu u nxteħet fl-art, u l-qaddejja kollha tiegħu kienu weqfin ħdejh bl-ilbiesi tagħhom imċarrtin.
32 Madankollu, Ġeħonadab, bin Simegħah ħu David qal: “Sidi r-re, taħsibx li qatlu lit-tfal tiegħek kollha, għax Amnon biss miet. Dan kien bil-kmand t’Absalom, li ddeċieda li jagħmillu dan minn dakinhar li umilja lil oħtu Tamar. 33 Għalhekk, sidi r-re, temminx l-aħbar li t-tfal tiegħek kollha mietu, għax Amnon biss miet.”
34 Sadanittant, Absalom ħarab. Iktar tard, l-għassies tal-belt ra ħafna nies ġejjin mit-triq taʼ warajh li tgħaddi minn ħdejn il-muntanja. 35 Għal dan, Ġeħonadab qal lir-re: “Ara! It-tfal tiegħek waslu lura bħalma għedtlek jien, il-qaddej tiegħek.” 36 Malli qal dan, it-tfal tar-re waslu u kienu qed jibku b’leħen għoli. Anki r-re u l-qaddejja tiegħu bkew fuq li bkew. 37 Imma Absalom ħarab għand Talmaj bin Għammiħud, ir-re tal-Gesur. David baqaʼ mdejjaq għal ħafna jiem minħabba ibnu Amnon. 38 Wara li ħarab fil-Gesur, Absalom baqaʼ hemm tliet snin.
39 Fl-aħħar, ir-Re David xtaq ħafna li jara lil Absalom, għax kien aċċetta l-fatt li Amnon kien miet.