It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
3 Il-gwerra bejn dar Sawl u dar David ħadet fit-tul. David baqaʼ jissaħħaħ mentri dar Sawl baqgħet tiddgħajjef.
2 Sadanittant, David kellu t-tfal f’Ħebron. L-ewwel imwieled tiegħu kien Amnon minn Aħinogħam il-Ġeżragħelija. 3 It-tieni kien Kilegħab minn Abigajl l-armla taʼ Nabal il-Karmeli. It-tielet kien Absalom bin Magħka, li kienet bint Talmaj ir-re tal-Gesur. 4 Ir-rabaʼ kien Adonija bin Ħaggit, u l-ħames kien Sefatija bin Abital. 5 Is-sitt wieħed kien Itregħam bin Għegla, mart David. Dawn kienu t-tfal li David kellu f’Ħebron.
6 Waqt li l-gwerra bejn dar Sawl u dar David kompliet, Abner baqaʼ jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f’dar Sawl. 7 Issa Sawl kellu konkubina li kien jisimha Risfa bint Ajja. Iktar tard Is-boset qal lil Abner: “Għala kellek x’taqsam mal-konkubina taʼ missieri?” 8 Abner irrabja ħafna għall-kliem taʼ Is-boset u qallu: “Mela jien xi kelb taʼ Ġuda? Sal-lum, jien urejt imħabba u lealtà* maʼ dar missierek Sawl, lejn ħutu, u l-ħbieb tiegħu, u ma ttradejtekx u tajtek f’idejn David. Madankollu int illum titlobni nagħti kont taʼ żball minħabba mara. 9 Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk ma nagħmilx għal David bħalma ħaliflu Ġeħova. 10 Hu ħaliflu li se jneħħi s-saltna minn dar Sawl u jsaħħaħ it-tron taʼ David fuq Iżrael u fuq Ġuda, minn Dan sa Bir-xeba.” 11 Hu ma kellux il-ħila jgħidlu kelma oħra lil Abner minħabba li kien jibżaʼ minnu.
12 Abner bagħat messaġġiera għand David dak il-ħin stess, u qallu: “Taʼ min hi l-art? Agħmel patt miegħi, u jien nagħmel kulma nistaʼ* biex Iżrael kollu jżomm miegħek.” 13 Għal dan wieġbu: “Tajjeb! Jien nagħmel patt miegħek. L-unika ħaġa li nitlob mingħandek hi li ma tipprovax tara lil wiċċi jekk l-ewwel ma ġġibx għandi lil Mikal bint Sawl.” 14 Imbagħad, David bagħat messaġġiera għand Is-boset bin Sawl, u qallu: “Agħtini lil marti Mikal, li jien tgħarrast billi tajt prova* li kont qtilt 100 Filisti.” 15 Għalhekk, Is-boset bagħat għaliha biex jiħodha mingħand żewġha Paltijel bin Lajs. 16 Imma żewġha baqaʼ miexi magħha, jibki hekk kif mexa warajha sa Baħurim. Imbagħad Abner qallu: “Mur lura!” U mar lura.
17 Sadanittant, Abner bagħat jgħid lill-anzjani* t’Iżrael: “Għal xi żmien intom ridtu lil David bħala re fuqkom. 18 Issa aġixxu, għax Ġeħova qal lil David: ‘Permezz tiegħek se nsalva lill-poplu tiegħi Iżrael minn id il-Filistin u minn id l-għedewwa kollha tagħhom.’” 19 Imbagħad Abner tkellem man-nies taʼ Benjamin. Abner mar ukoll jitkellem fil-privat maʼ David f’Ħebron biex jgħidlu dak li qablu dwaru Iżrael u d-dar kollha taʼ Benjamin.
20 Meta Abner mar għand David f’Ħebron maʼ 20 raġel, David għamel festa għalihom. 21 Imbagħad Abner qal lil David: “Ħa mmur u niġbor lil Iżrael kollu quddiemek, sidi r-re, sabiex jagħmlu patt miegħek, u int issir re fuq dak kollu li tixtieq.” Għalhekk, David bagħat lil Abner fil-paċi.
22 Dak il-ħin, Ġowab u l-qaddejja taʼ David ġew lura minn attakk, u magħhom kellhom kwantità kbira t’affarijiet li ħadu. Abner ma kienx għadu ħdejn David f’Ħebron, għax kien bagħtu fil-paċi. 23 Meta Ġowab u l-armata kollha li kienet miegħu waslu, lil Ġowab qalulu: “Abner bin Ner ġie għand ir-re, u dan bagħtu fil-paċi.” 24 Għalhekk, Ġowab daħal għand ir-re u qallu: “X’għamilt? Għala bgħattu fil-paċi meta ġie għandek, u ħallejtu jaħrab? 25 Ma tafx kif inhu Abner? Hu ġie biex iqarraq bik u biex ikun jaf kulma qed tagħmel u kull fejn qed tmur.”
26 Għalhekk, Ġowab telaq minn ħdejn David u bagħat messaġġiera wara Abner, u ħaduh lura mill-ġibjun taʼ Sira. Imma David ma kienx jaf b’dan. 27 Meta Abner mar lura Ħebron, Ġowab daħħlu ’l ġewwa mill-bieb tal-belt biex ikellmu fil-privat. Madankollu, Ġowab tah daqqa taʼ xabla f’żaqqu u qatlu. Hu għamel hekk minħabba li kien qatillu lil* ħuh Għasael. 28 Iktar tard, David semaʼ b’dan u qal: “Quddiem Ġeħova, jien u saltnati innoċenti għal dejjem mill-ħtija tal-qtil* t’Abner bin Ner. 29 Jalla Ġowab u d-dar kollha taʼ missieru jiġu kkastigati. Jalla dejjem ikun hemm raġel minn dar Ġowab li jbati b’xi waħda minn dawn: tnixxija taʼ materja, ġdiem, diżabbiltà,* jinqatel bix-xabla, jew ikun bil-ġuħ!” 30 Ġowab u ħuh Abisaj qatlu lil Abner minħabba li kien qatel lil ħuhom Għasael fil-battalja f’Gibegħon.
31 Imbagħad David qal lil Ġowab u lin-nies kollha li kienu miegħu: “Ċarrtu ħwejjiġkom u itfgħu fuqkom ilbies tal-ixkora u ibku għal Abner.” Ir-Re David stess kien miexi wara s-sodda li fuqha kien hemm ġisem Abner. 32 Huma difnu lil Abner f’Ħebron, u r-re beka b’leħen għoli ħdejn il-qabar t’Abner, u n-nies kollha bdew jibku. 33 Ir-re kanta għal Abner:
“Kellu Abner imut b’mewta bla sens?
Int mitt bħal wieħed maqtul mill-kriminali.”*
U n-nies kollha reġgħu bkewh.
35 Iktar tard in-nies kollha marru jagħtu lil David ħobż biex jikkonslawh* waqt li kien għadu d-dawl, imma David ħalef: “Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk induq il-ħobż jew xi ħaġa oħra qabel ma tinżel ix-xemx!” 36 In-nies kollha raw dan u bħas-soltu qablu maʼ dak li kien qed jagħmel ir-re. 37 Għalhekk, dakinhar in-nies kollha taʼ David u Iżrael kollu kienu jafu li r-re ma kienx responsabbli għall-qtil t’Abner bin Ner. 38 Imbagħad, ir-re qal lill-qaddejja tiegħu: “Illum miet kap u raġel importanti f’Iżrael. 39 Illum jien dgħajjef, avolja magħżul* bħala re. U dawn l-irġiel, it-tfal ta’ Seruja, huma kattivi wisq. Jalla Ġeħova jpatti lil min jagħmel il-ħażen skont il-ħażen tiegħu stess.”