L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
10 Issa r-reġina taʼ Xeba semgħet dwar il-fama li kellu Salamun minħabba isem Ġeħova, għalhekk marret biex tittestja l-għerf tiegħu b’mistoqsijiet diffiċli.* 2 Hi waslet Ġerusalemm b’ammont impressjonanti taʼ qaddejja, u b’iġmla jġorru żejt tal-balzmu, kwantità kbira taʼ deheb, u ħaġar prezzjuż. Hi daħlet għand Salamun u kellmitu fuq dak kollu li kien għal qalbha. 3 Imbagħad Salamun wieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħha. Ma kien hemm xejn li kien diffiċli wisq* għalih biex jispjegalha.
4 Meta r-reġina taʼ Xeba rat l-għerf kollu taʼ Salamun, id-dar li kien bena, 5 l-ikel fuq il-mejda tiegħu, kif il-qaddejja tiegħu kienu jpoġġu mal-mejda, is-servizz taʼ dawk li kienu jservu l-ikel u lbieshom, lil dawk li jservu x-xorb, u s-sagrifiċċji tal-ħruq li kien joffri regolarment fid-dar taʼ Ġeħova, hi baqgħet imbellha.* 6 Għalhekk qalet lir-re: “Dak li smajt f’pajjiżi dwar dak li għamilt* u dwar l-għerf tiegħek hu veru. 7 Iżda m’emmintx dak li smajt sakemm ġejt u rajt b’għajnejja. U ara, lanqas in-nofs ma kienu qaluli! L-għerf u l-ġid tiegħek huma ħafna iktar minn dak li smajt. 8 Ferħanin huma n-nies tiegħek u ferħanin huma l-qaddejja tiegħek li jkunu miegħek kuljum u jisimgħu l-għerf tiegħek! 9 Ħa jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħa pjaċir bik u poġġiek fuq it-tron t’Iżrael. Peress li Ġeħova għandu mħabba dejjiema għal Iżrael, hu għamlek re biex tagħmel il-ġustizzja u tmexxi bis-sewwa.”
10 Imbagħad tat lir-re 120 talent* deheb, kwantità kbira taʼ żejt tal-balzmu, u ħaġar prezzjuż. Ħadd ma ta kwantità taʼ żejt tal-balzmu daqskemm tat ir-reġina taʼ Xeba lir-Re Salamun.
11 Il-flotta taʼ vapuri taʼ Ħiram li kienet qed iġġorr id-deheb minn Ofir, ħadet ukoll minn hemm ħaġar prezzjuż u ammont kbir ħafna taʼ njam tas-sandlu. 12 Mill-injam tas-sandlu, ir-re għamel tip t’appoġġ għad-dar taʼ Ġeħova u għall-palazz tiegħu, kif ukoll arpi u strumenti tal-korda għall-kantanti. Sal-lum qatt ma deher injam tas-sandlu bħal dan u ħadd qatt ma reġaʼ ġab bħalu.
13 Apparti l-affarijiet li r-Re Salamun ta lir-reġina taʼ Xeba minn jeddu, hu taha wkoll kulma xtaqet u talbitu. Imbagħad, hi telqet lura lejn pajjiżha flimkien mal-qaddejja tagħha.
14 U d-deheb li kien jasal għand Salamun f’sena waħda kien jiżen 666 talent deheb, 15 minbarra dak li kien jiddaħħal mill-merkanti, u l-qligħ min-negozjanti, mir-rejiet kollha tal-Għarab, u mill-gvernaturi tal-pajjiż.
16 Ir-Re Salamun għamel 200 tarka kbira tad-deheb imħallat maʼ metall ieħor (kull tarka kien fiha 600 xekel* deheb) 17 u 300 tarka żgħira* tad-deheb imħallat maʼ metall ieħor (kull tarka żgħira kien fiha tliet miniet* deheb). Imbagħad ir-re qegħedhom fid-Dar tal-Foresta tal-Libanu.
18 Ir-re għamel ukoll tron kbir tal-avorju u ksieh bid-deheb irfinut. 19 Kien hemm sitt tarġiet għat-tron, u t-tron kellu tinda tonda warajh. Maż-żewġt iġnub tiegħu kellu fejn iserraħ idejh, u kien hemm iljun fuq kull naħa. 20 U kien hemm 12-il iljun fuq is-sitt tarġiet, wieħed fuq kull tarf tas-sitt tarġiet. L-ebda saltna oħra ma kellha tron bħalu.
21 It-tazzi kollha tar-Re Salamun kienu tad-deheb, u kull ħaġa li kienet tintuża għall-ikel u x-xorb fid-Dar tal-Foresta tal-Libanu kienet tad-deheb pur. Ma kien hemm xejn tal-fidda, għax il-fidda fi żmien Salamun ma kienet tiswa xejn. 22 Għax ir-re kellu flotta taʼ vapuri taʼ Tarsis fil-baħar flimkien mal-flotta taʼ Ħiram. U darba kull tliet snin, il-flotta taʼ vapuri taʼ Tarsis kienet tiġi mgħobbija b’deheb u fidda, avorju, xadini, u paguni.
23 Għalhekk, ir-Re Salamun kellu iktar ġid u għerf mir-rejiet kollha tal-art. 24 U n-nies kollha tal-art kienu jipprovaw jiltaqgħu maʼ* Salamun biex jisimgħu l-għerf li Alla kien tah. 25 Kull sena, kull min iżuru kien jiħodlu rigal: oġġetti tal-fidda, oġġetti tad-deheb, ħwejjeġ, armi, żejt tal-balzmu, żwiemel, u bgħula.
26 U Salamun baqaʼ jżid mal-karrijiet u ż-żwiemel* tiegħu. Hu kellu 1,400 karru u 12,000 żiemel,* u kien iżommhom fil-bliet għall-karrijiet u qribu f’Ġerusalemm.
27 F’Ġerusalemm, ir-re għamel il-fidda abbundanti daqs il-ġebel, u l-injam taċ-ċedru daqs is-siġar tal-ġummajż* li hemm fis-Sefela.
28 Iż-żwiemel għal Salamun kienu jġibuhom mill-Eġittu, u l-merkanti tar-re kienu jixtru gruppi taʼ żwiemel* bil-prezz li jkunu qed jinbiegħu. 29 Kull karru li kienu jġibu mill-Eġittu kien jiswa 600 biċċa tal-fidda, u żiemel kien jiswa 150. Imbagħad dawn kienu jintbagħtu lir-rejiet kollha tal-Ħittin u tas-Sirja.