L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
14 F’dak iż-żmien Abija bin Ġerobogħam marad. 2 Għalhekk, Ġerobogħam qal lil martu: “Jekk jogħġbok, ilbes ħwejjeġ differenti sabiex ma jagħrfux li int il-mara tiegħi, u mur Silo. Hemmhekk se ssib il-profeta Aħija li qal li jien kont se nsir re fuq dan il-poplu. 3 Ħu għaxar ħobżiet, xi ftajjar, u flixkun għasel, u mur għandu. Hu mbagħad jgħidlek x’se jiġri mit-tifel.”
4 Mart Ġerobogħam għamlet dak li qalilha. Hi marret Silo u waslet id-dar t’Aħija. Aħija ma kienx għadu jara minħabba li kien xjaħ.
5 Imma Ġeħova kien qal lil Aħija: “Ġejja l-mara taʼ Ġerobogħam biex tistaqsik dwar binha, għax hu marid. Se ngħidlek x’għandek tgħidilha.* Meta tasal, se tipprova taħbi min hi.”
6 Malli Aħija semaʼ l-passi tagħha hi u dieħla, qalilha: “Idħol mart Ġerobogħam. Għalfejn qed taħbi min int? Jien ġejt inkarigat nagħtik messaġġ aħrax. 7 Mur, għid lil Ġerobogħam, ‘Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael: “Jien għażiltek minn fost il-poplu sabiex nagħmlek mexxej tal-poplu tiegħi Iżrael. 8 Imbagħad ħtaft is-saltna mid-dar taʼ David u tajtha lilek. Imma int ma sirtx bħal David il-qaddej tiegħi, li obda l-kmandamenti tiegħi u mexa warajja b’qalbu kollha billi għamel biss dak li hu sewwa f’għajnejja. 9 Imma int, Ġerobogħam, għamilt agħar minn taʼ qablek, u għamilt għalik innifsek alla ieħor u statwi tal-metall* biex toffendini, u lili abbandunajtni. 10 Minħabba dan, jien se nġib gwaj fuq dawk li jiġu minnek u se noqtol lil kull raġel* fil-familja tiegħek, inkluż dawk bla ħila u dgħajfin f’Iżrael, u niknes għalkollox lil darek, bħalma wieħed jeħles mill-ħmieġ tal-annimali sakemm jitlaq kollu! 11 Min imut fil-belt minn darek jikluh il-klieb u min imut fl-għalqa jikluh l-għasafar, għax Ġeħova qalu dan.”’
12 “Issa qum u mur id-dar. Meta tidħol fil-belt, it-tifel imut. 13 Iżrael kollu jibkih u jidfnu, għax hu biss mid-dar taʼ Ġerobogħam se jitqiegħed f’qabar, għax hu l-uniku wieħed mid-dar taʼ Ġerobogħam li Ġeħova l-Alla t’Iżrael sab xi ħaġa tajba fih. 14 Ġeħova se jagħżel re fuq Iżrael li jeqred lil dar Ġerobogħam meta jasal iż-żmien, li ġej daqt. 15 Ġeħova se jikkastiga lil Iżrael, u dawn ikunu bħal qasba li tixxejjer fl-ilma, u jaqlaʼ mill-għeruq lil Iżrael minn din l-art tajba li ta lil missirijiethom, u jxerridhom fuq in-naħa l-oħra tax-Xmara,* talli għamlu l-arbli sagri,* u b’hekk offendew lil Ġeħova. 16 Hu jitlaq lil Iżrael minħabba d-dnubiet li għamel Ġerobogħam u li ġiegħel lil Iżrael jagħmel.”
17 Imbagħad mart Ġerobogħam qamet, telqet, u waslet Tirsa. Hekk kif rifset l-għatba tad-dar, it-tifel miet. 18 Hu ġie midfun, u Iżrael kollu bkieh, skont dak li qal Ġeħova permezz tal-qaddej tiegħu Aħija l-profeta.
19 U l-bqija tal-istorja taʼ Ġerobogħam, kif iġġieled, u kif mexxa huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 20 Ġerobogħam dam imexxi 22 sena, u wara miet. Ibnu Nadab sar re minfloku.
21 Sadanittant, Reħobogħam bin Salamun kien sar re f’Ġuda meta kellu 41 sena. Hu dam imexxi 17-il sena f’Ġerusalemm, il-belt li Ġeħova kien għażel mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex iqiegħed ismu. Ommu kienet Nagħma l-Għammonija. 22 In-nies taʼ Ġuda kienu qed jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Bid-dnubiet li għamlu ġegħluh jirrabja iktar milli ġegħluh missirijiethom. 23 Huma wkoll baqgħu jagħmlu idoli, pilastri sagri, u arbli sagri* fuq kull għolja kbira u taħt kull siġra b’saħħitha. 24 Fil-pajjiż kien hemm ukoll irġiel prostituti tat-tempju. Il-poplu kollu għamel kull ħaġa moqżieża li kienu jagħmlu l-popli li Ġeħova keċċa minn quddiem l-Iżraelin.
25 Fil-ħames sena tar-Re Reħobogħam, ir-Re Sisak tal-Eġittu telaʼ kontra Ġerusalemm. 26 Hu ħa t-teżori tad-dar taʼ Ġeħova u t-teżori tal-palazz tar-re. Kollox ħa, inkluż it-tarki kollha tad-deheb li kien għamel Salamun. 27 Għalhekk, ir-Re Reħobogħam għamel tarki tar-ram minflokhom, u fdahom f’idejn il-kapijiet tal-gwardji,* li kienu joqogħdu għassa mal-bieb tal-palazz tiegħu. 28 Kull meta r-re kien imur id-dar taʼ Ġeħova, il-gwardji kienu jġorruhom, u mbagħad jiħduhom lura fil-kamra tal-gwardji.
29 Il-bqija tal-istorja taʼ Reħobogħam u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 30 Il-gwerer bejn Reħobogħam u Ġerobogħam ma waqfux. 31 Imbagħad, Reħobogħam miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. Ommu kienet Nagħma l-Għammonija. U ibnu Abijam* sar re minfloku.