L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
2 Meta David kien wasal biex imut, hu ta lil ibnu Salamun dawn l-istruzzjonijiet: 2 “Jien daqt immut.* Għalhekk, kun sod u uri li int raġel. 3 Obdi lil Ġeħova l-Alla tiegħek billi timxi fi triqatu u żżomm mal-liġijiet, il-kmandamenti, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, u t-tfakkiriet tiegħu skont kif inhuma miktubin fil-Liġi taʼ Mosè. Imbagħad tirnexxi* f’kulma tagħmel u kull fejn tmur. 4 U Ġeħova jagħmel dak li wiegħed dwari: ‘Jekk it-tfal tiegħek joqogħdu attenti kif jgħixu u b’lealtà jimxu fi triqti b’qalbhom kollha u b’ruħhom* kollha, dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li joqgħod fuq it-tron t’Iżrael.’
5 “Int taf tajjeb ukoll x’għamilli Ġowab bin Seruja meta qatel lil Abner bin Ner u lil Għamasa bin Ġeter, żewġ kapijiet tal-armati t’Iżrael. Hu b’hekk xerred id-demm tal-gwerra fi żmien il-paċi u ċappas bid-demm tal-gwerra ċ-ċinturin li kien maʼ qaddu u s-sandli li kien f’saqajh. 6 Aġixxi skont l-għerf li għandek, u tħallihx jinżel fil-Qabar* fil-paċi fi xjuħitu.
7 “Imma għandek turi mħabba u lealtà* mat-tfal taʼ Barżillaj il-Gilegħadi, u huma għandhom ikunu fost dawk li jieklu mal-mejda tiegħek, għax huma appoġġawni meta ħrabt minn ħuk Absalom.
8 “Mhux ’il bogħod minnek joqgħod Simgħi bin Gera l-Benjamini minn Baħurim. Hu kien li seħitni b’saħta terribbli dakinhar li kont sejjer Maħanajm. Imma meta ġie jiltaqaʼ miegħi ħdejn il-Ġordan, jien ħliftlu b’Ġeħova li mhux se noqtlu bix-xabla. 9 Tħallihx bla kastig, għax int raġel għaref u taf x’għandek tagħmillu. Tħallihx jinżel fil-Qabar* b’mewta naturali fi xjuħitu.”
10 Imbagħad David miet u ndifen fil-Belt taʼ David. 11 David dam imexxi fuq Iżrael 40 sena. F’Ħebron mexxa sebaʼ snin, u f’Ġerusalemm 33 sena.
12 Imbagħad Salamun qagħad fuq it-tron taʼ David missieru, u maż-żmien saltnatu ssaħħet.
13 Wara xi żmien, Adonija bin Ħaggit ġie għand Bat-seba, omm Salamun. Hi staqsietu: “Fil-paċi ġejt?” Hu qalilha: “Iva.” 14 Imbagħad qal: “Għandi xi ħaġa x’ngħidlek.” Għalhekk qaltlu: “Tkellem.” 15 Hu kompla: “Int taf li s-saltna suppost saret tiegħi, u li Iżrael kollu ħaseb li jien se* nsir re. Imma ma rnexxilix insir re u sar ħija minflok, għax Ġeħova hekk ried. 16 Imma issa ħaġa waħda nitlob mingħandek. Iċċaħħadnix minnha.” Għalhekk qaltlu: “Tkellem.” 17 Imbagħad qalilha: “Jekk jogħġbok, għid lir-Re Salamun biex jagħtini lil Abisag is-Sunamija bħala marti, għax lilek ma jgħidlekx le.” 18 Għal dan Bat-seba qalet: “Tajjeb! Inkellem lir-re.”
19 Għalhekk, Bat-seba marret għand ir-Re Salamun biex tkellmu għal Adonija. Ir-re qam mill-ewwel biex jiltaqaʼ magħha u miel quddiemha. Imbagħad qagħad fuq it-tron tiegħu u kkmanda li jġibu tron għal ommu, sabiex toqgħod bilqiegħda fuq lemintu. 20 Imbagħad qaltlu: “Hemm ħaġa żgħira li nixtieq mingħandek. Iċċaħħadnix minnha.” Għalhekk qalilha: “Għidli ommi. Mhux se ngħidlek le.” 21 Qaltlu: “Ħa tingħata Abisag is-Sunamija lil ħuk Adonija bħala martu.” 22 Ir-Re Salamun wieġeb lil ommu: “Għala qed titlobni biex nagħti lil Abisag is-Sunamija lil Adonija? Għal naqra itlobni wkoll is-saltna għalih, għax hu ħija l-kbir, u Abjatar il-qassis u Ġowab bin Seruja qed jappoġġawh.”
23 Għalhekk, ir-Re Salamun ħalef b’Ġeħova: “Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk Adonija ma jmutx talli talab din il-ħaġa. 24 Illum Adonija jinqatel. Naħlef dan b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li saħħaħ it-tmexxija tiegħi, li poġġieni fuq it-tron taʼ missieri David, u li ta s-saltna lili u lil dawk li se jiġu minni.”* 25 Immedjatament, ir-Re Salamun bagħat lil Benaja bin Ġeħojada. Dan ħareġ, attakka lil Adonija, u qatlu.
26 Ir-re qal lil Abjatar il-qassis: “Mur Għanatot lejn l-għelieqi tiegħek! Int jistħoqqlok il-mewt, imma llum ma noqtlokx għax ġarrejt l-Arka taʼ Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* quddiem David missieri u għax batejt maʼ missieri fid-diffikultajiet kollha li kellu.” 27 Għalhekk, Salamun keċċa lil Abjatar milli jaqdi bħala qassis taʼ Ġeħova. B’hekk sar dak li qal Ġeħova kontra dar Għeli f’Silo.
28 Meta Ġowab semaʼ b’dan, hu ħarab lejn it-tinda taʼ Ġeħova u qabad mal-qrun tal-artal. Hu għamel hekk għax kien appoġġa lil Adonija, għalkemm ma kienx appoġġa lil Absalom. 29 Imbagħad lir-Re Salamun qalulu: “Ġowab ħarab lejn it-tabernaklu taʼ Ġeħova, u qiegħed ħdejn l-artal.” Għalhekk, Salamun bagħat lil Benaja bin Ġeħojada u qallu: “Mur oqtlu!” 30 Għalhekk Benaja mar ħdejn it-tabernaklu taʼ Ġeħova u qallu: “Hekk jgħid ir-re, ‘Oħroġ minn hemm!’” Imma hu wieġbu: “Le! Hawn irrid immut.” Benaja qal lir-re x’wieġbu Ġowab. 31 Imbagħad ir-re qallu: “Agħmel kif qal, oqtlu u idfnu. B’hekk tneħħi minn fuqi u minn fuq dar missieri l-ħtija tad-demm tan-nies innoċenti li xerred Ġowab. 32 Ġeħova jġiegħlu jpatti għad-demm li xerred, għax mingħajr ma kien jaf missieri David, hu attakka u qatel bix-xabla żewġt irġiel aħjar u iktar ġusti minnu: Abner bin Ner il-kap tal-armata t’Iżrael u Għamasa bin Ġeter il-kap tal-armata taʼ Ġuda. 33 Ġowab u dawk li se jiġu minnu jpattu għal demmhom għal dejjem. Imma jalla David, dawk li jiġu minnu, daru, u t-tron tiegħu jkollhom il-paċi minn Ġeħova għal dejjem.” 34 Imbagħad Benaja bin Ġeħojada mar jattakka lil Ġowab u qatlu, u ġie midfun viċin daru fid-deżert. 35 Imbagħad ir-re inkariga fuq l-armata lil Benaja bin Ġeħojada minflok Ġowab, u lil Sadok il-qassis minflok Abjatar.
36 Imbagħad ir-re bagħat għal Simgħi u qallu: “Ibni dar f’Ġerusalemm, u għix hemm. M’għandekx toħroġ minn hemm u tmur xi mkien ieħor. 37 Dakinhar li toħroġ u taqsam il-Wied taʼ Kidron, żgur tmut. Int tkun ħati tal-mewt tiegħek* stess.” 38 Simgħi wieġeb lir-re: “Dak li għedt hu ġust. Jien se nagħmel bħalma għedtli int, sidi r-re.” Għalhekk, Simgħi baqaʼ Ġerusalemm għal żmien twil.
39 Imma wara tliet snin, tnejn mill-ilsiera taʼ Simgħi ħarbu għal għand Akis bin Magħka r-re taʼ Gat. Meta lil Simgħi qalulu li l-ilsiera tiegħu qegħdin Gat, 40 hu minnufih rama l-ħmar tiegħu u mar Gat għand Akis ifittex lill-ilsiera tiegħu. Meta Simgħi wasal lura minn Gat mal-ilsiera, 41 lil Salamun qalulu: “Simgħi ħareġ minn Ġerusalemm, mar Gat, u ġie lura.” 42 Għal dan, ir-re bagħat għal Simgħi u qallu: “Ma ġegħeltekx jien taħlef b’Ġeħova u wissejtek li dakinhar li toħroġ minn Ġerusalemm u tmur xi mkien ieħor, int żgur tmut? U int għedtli li dan kien ġust u li se tobdi. 43 Allura, għala ma żammejtx mal-ħalfa li għamilt quddiem Ġeħova u maʼ dak li kkmandajtek?” 44 Ir-re mbagħad qal lil Simgħi: “F’qalbek int taf bil-ħsara kollha li għamilt lil David missieri, u Ġeħova se jġib fuqek il-ħsara li għamilt. 45 Imma jien inkun imbierek, u t-tron taʼ David jissaħħaħ quddiem Ġeħova għal dejjem.” 46 Għalhekk, ir-re ta l-kmand lil Benaja bin Ġeħojada, u dan mar jattakkah u qatlu.
B’hekk, is-saltna ssaħħet taħt it-tmexxija taʼ Salamun.