L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
22 Għal tliet snin, ma kienx hemm gwerer bejn is-Sirja u Iżrael. 2 Fit-tielet sena, ir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda niżel għand ir-Re Aħab t’Iżrael. 3 Imbagħad ir-re t’Iżrael qal lill-qaddejja tiegħu: “Intom tafu li Ramot-gilegħad hi tagħna. Iżda xorta għadna naħsbuha jekk niħduhiex minn idejn ir-re tas-Sirja.” 4 Imbagħad qal lil Ġeħosafat: “Tiġi miegħi niġġieldu f’Ramot-gilegħad?” Hu wieġbu: “Jien niġi miegħek bin-nies u ż-żwiemel tiegħi.”
5 Imma Ġeħosafat qal lil Aħab: “Jekk jogħġbok, l-ewwel staqsi x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova dwar dan.” 6 Għalhekk, ir-re t’Iżrael ġabar lill-profeti flimkien, madwar 400 raġel, u staqsiehom: “Għandi mmur għall-gwerra kontra Ramot-gilegħad jew le?” Huma qalulu: “Itlaʼ, u Ġeħova jagħtiha f’idejk.”
7 Imbagħad Ġeħosafat qal: “Jekk hawn profeta taʼ Ġeħova, ejja nistaqsu permezz tiegħu wkoll.” 8 Għal dan, ir-Re Aħab t’Iżrael qallu: “Għad fadal raġel ieħor li permezz tiegħu nistgħu nistaqsu x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova; imma jien nobogħdu għax qatt ma jipprofetizza affarijiet tajbin dwari. Hu Mikaja bin Imla.” Madankollu, Ġeħosafat qal: “M’għandekx tgħid xi ħaġa bħal din re.”
9 Għalhekk, ir-Re Aħab t’Iżrael għajjat uffiċjal tal-palazz u qallu: “Ġib malajr lil Mikaja bin Imla.” 10 Issa r-re t’Iżrael u Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda kienu bilqiegħda fuq it-tron tagħhom, lebsin ħwejjeġ tar-rejiet, fil-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali* fid-daħla tal-bieb tas-Samarija, u l-profeti kollha kienu qed jipprofetizzaw quddiemhom. 11 Imbagħad Sedekija bin Kengħana għamel qrun tal-ħadid u qal: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘B’dawn se tweġġaʼ serjament* lis-Sirjani sakemm teqridhom għalkollox.’” 12 Il-profeti l-oħrajn kollha bdew jipprofetizzaw bl-istess mod billi jgħidu: “Itlaʼ Ramot-gilegħad u tirnexxi; Ġeħova se jagħtiha f’idejk.”
13 Għalhekk, il-messaġġier li mar jgħajjat lil Mikaja qallu: “Il-profeti kollha qed jitkellmu favur ir-re. Jekk jogħġbok, ħa jkun dak li tgħid bħal tagħhom, u tkellem favurih.” 14 Imma Mikaja qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li se ngħid dak li jgħidli Ġeħova.” 15 Imbagħad daħal għand Aħab, u dan staqsieh: “Mikaja, għandna mmorru Ramot-gilegħad għall-gwerra jew le?” Minnufih wieġbu: “Itlaʼ u tirnexxi; Ġeħova jagħtiha f’idejk.” 16 Għal dan ir-re qallu: “Kemm-il darba rrid inġiegħlek taħlef biex tgħidli biss il-verità f’isem Ġeħova?” 17 Għalhekk qallu: “Qed nara lill-Iżraelin kollha mxerrdin fuq il-muntanji, bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Ġeħova qal: ‘Dawn m’għandhomx sid. Ħallihom imorru lura lejn darhom fil-paċi.’”
18 Imbagħad ir-Re Aħab t’Iżrael qal lil Ġeħosafat: “M’għedtlekx jien li qatt ma jipprofetizza affarijiet tajbin dwari?”
19 Mikaja mbagħad qal: “Issa ismaʼ dak li jgħid Ġeħova. Jien rajt lil Ġeħova bilqiegħda fuq it-tron tiegħu u l-armata kollha tas-sema ħdejh, fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu. 20 Wara Ġeħova qal, ‘Min se jidħaq b’Aħab, sabiex jitlaʼ u jmut f’Ramot-gilegħad?’ U min beda jgħid ħaġa u min oħra. 21 Imbagħad, anġlu* minnhom resaq u qagħad quddiem Ġeħova u qal, ‘Jien nidħaq bih.’ Ġeħova staqsieh, ‘Kif?’ 22 Wieġbu, ‘Immur u nġiegħel il-profeti tiegħu jigdbu.’ Għalhekk qal, ‘Se tidħaq bih, iva, se jirnexxilek. Mur agħmel hekk.’ 23 U issa Ġeħova ħalla lil dan l-anġlu jġiegħel lil dawn il-profeti kollha jigdbulek, għax fir-realtà Ġeħova ddeċieda li jġib il-gwaj fuqek.”
24 Issa Sedekija bin Kengħana resaq u ta daqqa taʼ ħarta lil Mikaja u qallu: “U int taħseb li l-anġlu taʼ Ġeħova telaq mingħandi biex jiġi jitkellem miegħek?” 25 Mikaja wieġbu: “Dakinhar li tidħol fil-kamra taʼ ġewwa nett biex tinħeba se tkun ċert minn dan.” 26 Imbagħad ir-Re Aħab t’Iżrael qal: “Ħu lil Mikaja u agħtih lil Amon il-kap tal-belt u lil Ġowas bin ir-re. 27 Għidilhom, ‘Hekk jgħid ir-re: “Lil dan itfgħuh il-ħabs u agħtuh inqas ħobż u ilma mis-soltu sakemm niġi lura fil-paċi.”’” 28 Imma Mikaja qal: “Jekk terġaʼ lura fil-paċi, mela Ġeħova ma kellimnix.” Imbagħad żied: “Ftakar dan poplu kollu.”
29 Għalhekk, Aħab ir-re t’Iżrael u Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda telgħu Ramot-gilegħad. 30 Issa r-re t’Iżrael qal lil Ġeħosafat: “Jien se nilbes b’mod li ma nintgħarafx u noħroġ għall-battalja, imma int ilbes il-ħwejjeġ tiegħek taʼ re.” Għalhekk, ir-re t’Iżrael biddel u mar għall-battalja. 31 Issa r-re tas-Sirja kien ikkmanda lit-32 kap tal-karrijiet tiegħu: “Tiġġieldu maʼ ħadd, la mas-suldati u lanqas mal-uffiċjali, ħlief mar-Re Aħab t’Iżrael.” 32 U malli l-kapijiet tal-karrijiet raw lil Ġeħosafat, huma qalu bejnhom u bejn ruħhom: “Żgur li dan hu r-re t’Iżrael.” Għalhekk, marru biex jiġġildulu, u Ġeħosafat beda jgħajjat għall-għajnuna. 33 Meta l-kapijiet tal-karrijiet indunaw li ma kienx ir-re t’Iżrael, huma telqu minn warajh minnufih.
34 Imma raġel spara l-qaws tiegħu bl-addoċċ* u laqat lir-Re Aħab t’Iżrael bejn il-biċċiet imrikkbin tal-kurazza. Għalhekk, ir-re qal lis-sewwieq tal-karru tiegħu: “Dawwar u oħroġni mill-battalja,* għax ġejt imweġġaʼ serjament.” 35 Il-battalja baqgħet tiħrax dakinhar, u r-re kellu jinżamm bilwieqfa fil-karru, faċċata tas-Sirjani. Id-demm mill-ferita ċarċar ġol-karru tal-gwerra, u filgħaxija miet. 36 Madwar inżul ix-xemx ġriet l-għajta fost is-suldati: “Kulħadd lejn beltu! Kulħadd lejn artu!” 37 B’hekk, ir-re miet u ħaduh fis-Samarija u difnuh hemm. 38 Meta ħaslu l-karru tal-gwerra ħdejn l-għadira tas-Samarija, il-klieb lagħqu d-demm tiegħu u l-prostituti nħaslu hemm,* bħalma kien qal Ġeħova.
39 Il-bqija tal-istorja t’Aħab, kulma għamel, il-palazz tal-avorju li bena, u l-bliet kollha li bena huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 40 Imbagħad Aħab miet u ibnu Aħażija sar re minfloku.
41 Ġeħosafat bin Asa kien sar re fuq Ġuda fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Aħab t’Iżrael. 42 Ġeħosafat kellu 35 sena meta sar re, u dam imexxi 25 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għażuba bint Silħi. 43 Hu baqaʼ jaġixxi bħal missieru Asa f’kollox. Ma waqafx milli jagħmel dan u għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova. Madankollu, il-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx, u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm. 44 Ġeħosafat baqaʼ fil-paċi mar-re t’Iżrael. 45 Il-bqija tal-ġrajjiet taʼ Ġeħosafat, il-qawwa tiegħu, u kif iggwerra huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 46 Ukoll, hu neħħa mill-pajjiż il-bqija tal-prostituti rġiel tat-tempju li kien fadal minn żmien missieru Asa.
47 F’dak iż-żmien, f’Edom ma kienx hemm re; gvernatur kien jagħmilha taʼ re.
48 Ġeħosafat għamel ukoll vapuri taʼ Tarsis* biex imorru Ofir għad-deheb, imma ma marrux għax tfarrku f’Għesjon-geber. 49 Kien f’dak iż-żmien li Aħażija bin Aħab qal lil Ġeħosafat: “Ħalli l-qaddejja tiegħi jmorru mal-qaddejja tiegħek fuq il-vapuri,” imma Ġeħosafat ma qabilx.
50 Imbagħad Ġeħosafat miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David l-antenat tiegħu, u ibnu Ġeħoram sar re minfloku.
51 Aħażija bin Aħab sar re fuq Iżrael fis-Samarija fis-17-il sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda, u mexxa sentejn fuq Iżrael. 52 U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jaġixxi bħal missieru, ommu, u Ġerobogħam bin Nebat, li kien ġiegħel lil Iżrael jidneb. 53 Hu kompla jaqdi lil Bagħal u jmil quddiemu u baqaʼ joffendi lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael, bħalma għamel missieru.