L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
5 Meta Ħiram ir-re taʼ Tir semaʼ li Salamun kien ġie inkarigat* bħala re minflok missieru, hu bagħat lill-qaddejja tiegħu għandu, għax Ħiram dejjem kien ħabib taʼ David.* 2 U Salamun bagħat jgħid lil Ħiram: 3 “Int taf tajjeb li missieri David ma setax jibni dar għal isem Ġeħova l-Alla tiegħu. Dan kien minħabba li ġġieled kontra ħafna għedewwa, sakemm Ġeħova għelibhom għalih. 4 Imma issa Ġeħova l-Alla tiegħi tani l-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwari. M’hemm ħadd jiħodha kontrija u m’hemmx perikli. 5 Għalhekk, jien beħsiebni nibni dar għal isem Ġeħova l-Alla tiegħi, bħalma Ġeħova wiegħed lil missieri David meta qallu: ‘Ibnek li jien se nqiegħed fuq it-tron tiegħek minflokok ikun dak li jibni d-dar għal ismi.’ 6 Issa kkmanda lin-nies tiegħek biex jaqtgħuli s-siġar taċ-ċedri mil-Libanu. Il-qaddejja tiegħi jaħdmu mal-qaddejja tiegħek, u jien inħallas il-pagi tal-qaddejja tiegħek skont kemm tgħidli int, għax int taf tajjeb li ħadd minna ma jaf jaqtaʼ s-siġar bħas-Sidonin.”
7 Meta Ħiram semaʼ kliem Salamun, hu feraħ ħafna u qal: “Jalla Ġeħova jkun imfaħħar illum talli ta lil David iben għaref fuq dan il-poplu kbir!” 8 Għalhekk, Ħiram bagħat jgħid lil Salamun: “Jien smajt dak li bgħatt tgħidli, u se nagħmel kulma tixtieq u nipprovdilek l-injam taċ-ċedru u tal-ġnibru. 9 Il-qaddejja tiegħi jniżżluh mil-Libanu sal-baħar, u jien norbtu flimkien biex nibgħathulek bil-baħar fil-post li tgħidli. Jien inħollu hemmhekk, u mbagħad tistaʼ ġġorru int. Bħala ħlas, int tipprovdi l-ikel li nitlob għal taʼ dari.”
10 Għalhekk, Ħiram ipprovda l-injam kollu taċ-ċedru u tal-ġnibru li xtaq Salamun. 11 U Salamun ta lil Ħiram 20,000 kor* qamħ bħala provvisti tal-ikel għal taʼ daru u 20 kor żejt taż-żebbuġa pur. Dan kien li Salamun ta lil Ħiram sena wara l-oħra. 12 U Ġeħova ta lil Salamun l-għerf bħalma kien wiegħdu. U kien hemm il-paċi bejn Ħiram u Salamun, u għamlu ftehim* bejniethom.
13 Ir-Re Salamun ikkmanda li jiġu rġiel biex jaħdmu għalih minn Iżrael kollu: b’kollox, 30,000 raġel. 14 Hu kien jibgħathom il-Libanu fi gruppi t’10,000 kull xahar. Kienu jagħmlu xahar il-Libanu u xahrejn id-dar; u Adoniram kien fuqhom. 15 Salamun kellu 70,000 ħaddiem li jġorru t-tagħbija u 80,000 li jaqtgħu l-ġebel mill-muntanja, 16 kif ukoll 3,300 gvernatur li kienu fuq il-ħaddiema. 17 Ir-re kkmanda li jaqtgħu ġebel kbir li jiswa ħafna flus u jaqtgħuh bl-għodda biex jintuża għall-pedament tad-dar. 18 Għalhekk, il-bennejja taʼ Salamun u taʼ Ħiram u l-Gebalin qatgħu l-ġebel, u ppreparaw l-injam u l-ġebel biex jibnu d-dar.