It-Tieni Ktieb tas-Slaten
1 Wara li miet Aħab, Mowab irribella kontra Iżrael.
2 Dak iż-żmien, Aħażija waqaʼ mit-tieqa* li kien hemm fil-kamra taʼ fuq tiegħu fis-Samarija. Minħabba f’hekk, hu weġġaʼ u bagħat xi messaġġiera u qalilhom: “Morru staqsu lil Bagħal-żebub l-alla t’Għekron ħalli nsir naf jekk hux se nirkupra.” 3 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Elija* t-Tisbi: “Mur iltaqaʼ mal-messaġġiera tar-re tas-Samarija u għidilhom, ‘Jaqaw għax m’hemmx Alla f’Iżrael li sejrin tistaqsu lil Bagħal-żebub l-alla t’Għekron? 4 Hekk jgħid Ġeħova: “M’intix se tqum mis-sodda li qiegħed mimdud fuqha, għax żgur se tmut.”’” Wara li qal dan, Elija telaq.
5 Meta l-messaġġiera marru lura għand Aħażija, hu minnufih qalilhom: “Għala ġejtu lura?” 6 Huma wiġbuh: “Kien hemm raġel li telaʼ jiltaqaʼ magħna u qalilna, ‘Morru lura għand ir-re li bagħatkom u għidulu, “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Jaqaw għax m’hemmx Alla f’Iżrael li sejrin tistaqsu lil Bagħal-żebub l-alla t’Għekron? Għaldaqstant, m’intix se tqum mis-sodda li qiegħed mimdud fuqha, għax żgur se tmut.’”’” 7 Għal dan staqsiehom: “X’kien liebes ir-raġel li telaʼ jiltaqaʼ magħkom u li qalilkom dan il-kliem?” 8 U qalulu: “Hu kien liebes libsa tas-suf tal-annimali u ċinturin tal-ġild ma’ qaddu.” Fil-pront qal: “Dak Elija t-Tisbi.”
9 Imbagħad ir-re bagħatlu kap taʼ 50 mal-50 raġel tiegħu. Meta telaʼ ħdejh, kien bilqiegħda fuq il-quċċata tal-muntanja. Hu qallu: “Qaddej tal-Alla l-veru, ir-re qallek, ‘Inżel.’” 10 Imma Elija wieġeb lill-kap tal-50: “Jekk jien qaddej t’Alla, ħa jinżel nar mis-sema u jaħraq lilek u lill-50 raġel tiegħek.” U niżel nar mis-sema u ħaraq lilu u lill-50 raġel tiegħu.
11 Ir-re reġaʼ bagħatlu kap ieħor taʼ 50 mal-50 raġel tiegħu. Hu mar u qallu: “Qaddej tal-Alla l-veru, hekk qal ir-re, ‘Inżel malajr.’” 12 Imma Elija wiġibhom: “Jekk jien qaddej tal-Alla l-veru, ħa jinżel nar mis-sema u jaħraq lilek u lill-50 raġel tiegħek.” U niżel nar t’Alla mis-sema u ħaraq lilu u lill-50 raġel tiegħu.
13 Imbagħad ir-re reġaʼ bagħat it-tielet kap taʼ 50 mal-50 raġel tiegħu. Imma dan telaʼ ħdejn Elija, niżel għarkopptejh, miel quddiemu, u beda jitolbu juri ħniena u jgħidlu: “Jekk jogħġbok, qaddej tal-Alla l-veru, ħa tkun ħajti u l-ħajja taʼ dawn il-50 qaddej tiegħek prezzjuża f’għajnejk. 14 Diġà niżel nar mis-sema u ħaraq liż-żewġ kapijiet taʼ qabli u l-50 raġel tagħhom, imma issa ħa tkun ħajti prezzjuża f’għajnejk.”
15 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Elija: “Inżel miegħu. Tibżax minnu.” Għalhekk, niżel miegħu għand ir-re. 16 U Elija qal lir-re: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Int bgħatt messaġġiera biex jistaqsu lil Bagħal-żebub l-alla t’Għekron. Jaqaw għax m’hemmx Alla f’Iżrael? Għala ma staqsejtx lilu? Għaldaqstant, m’intix se tqum mis-sodda li qiegħed mimdud fuqha, għax żgur se tmut.’” 17 Għalhekk Aħażija miet, bħalma Ġeħova qal permezz t’Elija. U peress li ma kellux tifel, Ġeħoram* sar re minfloku fit-tieni sena tat-tmexxija taʼ Ġeħoram bin Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda.
18 Il-bqija tal-istorja t’Aħażija u dak li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.