It-Tieni Ktieb tas-Slaten
10 Issa Aħab kellu 70 tifel fis-Samarija. Għalhekk, Ġeħu kiteb ittri u bagħathom is-Samarija lill-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja taʼ Ġeżragħel, lill-anzjani,* u lil dawk li kienu jieħdu ħsieb it-tfal t’Aħab.* Fl-ittri kien hemm miktub: 2 “Magħkom hemm it-tfal taʼ sidkom, kif ukoll il-karrijiet tal-gwerra, iż-żwiemel, belt iffortifikata, u armi. Meta taslilkom din l-ittra, 3 agħżlu l-aħjar u l-iktar xieraq* mit-tfal taʼ sidkom u qegħduh fuq it-tron taʼ missieru. Imbagħad iġġieldu għal dar sidkom.”
4 Imma tgħidx kemm beżgħu u qalu: “Jekk ma setgħux jiqfulu żewġ rejiet, kif nistgħu niqfulu aħna?” 5 Għalhekk, dak li kien jieħu ħsieb il-palazz,* il-gvernatur tal-belt, l-anzjani, u dawk li kienu jieħdu ħsieb it-tfal bagħtu dan il-messaġġ lil Ġeħu: “Aħna l-qaddejja tiegħek, u se nagħmlu kulma tgħidilna. Mhu se nagħmlu lil ħadd re. Agħmel dak li jidher li hu tajjeb f’għajnejk.”
6 Imbagħad bagħtilhom it-tieni ittra li fiha kiteb: “Jekk iżżommu miegħi u lesti li tobduni, ġibuli l-irjus tat-tfal taʼ sidkom Aħab u ejjew għandi għada bħalissa f’Ġeżragħel.”
Issa s-70 tifel tar-re kienu mal-irġiel importanti tal-belt li kienu jrabbuhom. 7 Malli waslitilhom l-ittra, huma qabdu lis-70 tifel tar-re, qatluhom, poġġew rashom fil-qfief, u bagħtuhomlu Ġeżragħel. 8 Il-messaġġier daħal u qallu: “Ġabu l-irjus tat-tfal tar-re.” Għalhekk Ġeħu qal: “Poġġuhom f’żewġt igzuz fid-daħla taʼ bieb il-belt u għandhom jibqgħu hemm sa filgħodu.” 9 Meta ħareġ filgħodu, qagħad quddiem il-poplu kollu u qal: “Intom innoċenti.* Iva, jien ikkonfoffajt kontra sidi u qtiltu, imma lil dawn kollha min qatilhom? 10 Mela, kunu afu li l-kliem kollu taʼ Ġeħova li Ġeħova qal kontra d-dar t’Aħab se jsir,* u Ġeħova għamel dak li qal permezz tal-qaddej tiegħu Elija.” 11 U Ġeħu qatel lil dawk kollha li kien fadal minn dar Aħab f’Ġeżragħel, kif ukoll lill-irġiel importanti tiegħu kollha, lil ħbiebu, u lill-qassisin tiegħu, sakemm ma ħallielu lil ħadd ħaj.
12 Imbagħad telaq lejn is-Samarija. U fi triqtu għadda minn ħdejn id-dar fejn ir-ragħajja jaqtgħu s-suf* tan-nagħaġ. 13 Hemm Ġeħu ltaqaʼ maʼ ħut ir-Re Aħażija taʼ Ġuda, u qalilhom, “Min intom?” Huma wiġbuh: “Aħna ħut Aħażija, u sejrin nistaqsu kif inhuma t-tfal tar-re u tar-reġina.”* 14 Fil-pront qal: “Aqbduhom ħajjin!” Għalhekk, qabduhom ħajjin u qatluhom ħdejn il-ġiebja tad-dar fejn jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ. Kienu 42 raġel u ma ħalla lil ħadd minnhom ħaj.
15 Hekk kif telaq minn hemm, iltaqaʼ maʼ Ġeħonadab bin Rekab li kien sejjer jiltaqaʼ miegħu. Meta sellimlu,* qallu: “Hija qalbek leali* lejja, bħalma qalbi hi leali lejk?”
Ġeħonadab wieġeb: “Iva.”
“Jekk iva, agħtini idek.”
Għalhekk tah idu, u Ġeħu tellgħu fuq il-karru tal-gwerra miegħu. 16 Imbagħad qallu: “Ejja miegħi, u ara kif jien ma nittollera ebda nuqqas taʼ lealtà lejn* Ġeħova.” Għalhekk ħadu miegħu. 17 Imbagħad waslu s-Samarija, u attakka lil dawk kollha li kien għad fadal minn dar Aħab fis-Samarija sakemm qeridhom għalkollox, bħalma Ġeħova kien qal lil Elija.
18 Iktar minn hekk, Ġeħu ġabar lin-nies kollha flimkien u qalilhom: “Aħab m’għamilx kulma setaʼ biex iqim lil Bagħal. Imma jien se nagħmel kulma nistaʼ biex inqimu. 19 Mela iġbru lill-profeti kollha taʼ Bagħal, lil dawk kollha li jqimuh, u l-qassisin kollha tiegħu. Tħallu ’l ħadd barra, għax għandi sagrifiċċju kbir għal Bagħal. Min ma jkunx hawn ma jibqax ħaj.” Imma Ġeħu kien qed jaġixxi b’makakkerija biex jeqred lil kull min iqim lil Bagħal.
20 Ġeħu żied jgħid: “Għidu lil kulħadd li se ssir* assemblea speċjali għal Bagħal.” U hekk għamlu. 21 Imbagħad Ġeħu bagħat jgħid dan f’Iżrael kollu, u dawk kollha li jqimu lil Bagħal marru. Ma kienx hemm wieħed li ma marx. Huma daħlu fit-tempju taʼ Bagħal, u dan imtela kollu. 22 Hu qal lil dak li kien jieħu ħsieb il-kamra tal-ħwejjeġ: “Oħroġ il-ħwejjeġ għal dawk kollha li jqimu lil Bagħal.” U hekk għamel. 23 Imbagħad Ġeħu daħal maʼ Ġeħonadab bin Rekab fit-tempju taʼ Bagħal. Hu qal lil dawk kollha li jqimu lil Bagħal: “Fittxu sew u araw li m’hawn ħadd li jqim lil Ġeħova, imma dawk biss li jqimu lil Bagħal.” 24 Fl-aħħar daħlu biex joffru s-sagrifiċċji u l-offerti tal-ħruq. Ġeħu qiegħed 80 raġel fuq barra u qal: “Min iħalli lil wieħed mill-irġiel li qed nagħtikom f’idejkom jaħrab, iħallas b’ħajtu.”
25 Malli offra l-offerta tal-ħruq, Ġeħu qal lill-gwardji* u lill-ajjutanti: “Idħlu oqtluhom! Tħallu ’l ħadd jaħrab.” Għalhekk, il-gwardji u l-ajjutanti qatluhom bix-xabla u tefgħuhom ’il barra, u baqgħu deħlin sa ġewwa nett* tat-tempju taʼ Bagħal. 26 Imbagħad ħarġu l-pilastri sagri tad-dar taʼ Bagħal u ħarquhom. 27 Huma waqqgħu l-pilastru sagru taʼ Bagħal, u waqqgħu t-tempju taʼ Bagħal u għamluh latrina li għadha hemm sal-lum.
28 B’hekk, Ġeħu qered għalkollox lil Bagħal minn Iżrael. 29 Imma hu ħalla l-barrin żgħar* tad-deheb li kienu f’Betel u f’Dan, u b’hekk dineb bħal Ġerobogħam bin Nebat li ġiegħel lil Iżrael jidneb. 30 Għalhekk, Ġeħova qal lil Ġeħu: “Talli aġixxejt tajjeb u għamilt dak li hu sewwa f’għajnejja billi mxejt maʼ dak kollu li jien iddeċidejt kontra d-dar t’Aħab, it-tfal tiegħek joqogħdu fuq it-tron t’Iżrael sar-rabaʼ ġenerazzjoni.” 31 Imma Ġeħu ma qagħadx attent li jimxi mal-Liġi taʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael b’qalbu kollha. Ma warrabx għalkollox mid-dnubiet li Ġerobogħam ġiegħel lil Iżrael jagħmel.
32 Dak iż-żmien Ġeħova beda jnaqqas it-territorju tal-Iżraelin. Ħażagħel baqaʼ jattakkahom fit-territorju kollu t’Iżrael. 33 Mill-Ġordan lejn il-Lvant, hu rebaħ l-art kollha taʼ Gilegħad, fejn kienu jgħixu l-Gadin, ir-Rubenin, u l-Manassin. Dan kien jinkludi t-territorju minn Għarogħer, li qiegħda ħdejn il-Wied tal-Arnon, sa Gilegħad u l-Basan.
34 U l-bqija tal-istorja taʼ Ġeħu, kulma għamel, u l-qawwa kollha tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 35 Imbagħad Ġeħu miet u difnuh fis-Samarija. Ibnu Ġeħogħaħaż sar re minfloku. 36 Ġeħu dam 28 sena jmexxi fuq Iżrael fis-Samarija.