It-Tieni Ktieb tas-Slaten
18 Fit-tielet sena tat-tmexxija taʼ Ħosegħa bin Elah ir-re t’Iżrael, Ħeżekija bin ir-Re Aħaż taʼ Ġuda sar re. 2 Hu kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Abi* bint Żakkarija. 3 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħall-antenat tiegħu David. 4 Kien hu li neħħa l-postijiet għall-qima falza, kisser il-pilastri sagri,* u qaċċat l-arblu sagru. Ukoll, hu farrak is-serp tar-ram li kien għamel Mosè. Għax sa dak iż-żmien l-Iżraelin kienu għadhom joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lil dan l-idolu li kienu jgħidulu s-serp tar-ram.* 5 Hu kien jafda f’Ġeħova l-Alla t’Iżrael; u la qablu u lanqas warajh ma kien hemm bħalu fost ir-rejiet kollha taʼ Ġuda. 6 Hu kien leali lejn Ġeħova u dejjem obdieh u żamm mal-kmandamenti li Ġeħova kien ta lil Mosè. 7 U Ġeħova kien miegħu. Hu kien jaġixxi bil-għaqal f’kulma kien jagħmel. Hu rribella kontra r-re tal-Assirja u ma riedx jaqdih. 8 Ukoll, għeleb lill-Filistin sa Gaża u t-territorji tagħha, minn torri tal-għassa sa belt iffortifikata.*
9 Fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ħeżekija, jiġifieri fis-sebaʼ sena tat-tmexxija taʼ Ħosegħa bin Elah ir-re t’Iżrael, ir-Re Salmaneser tal-Assirja telaʼ kontra s-Samarija u assedjaha. 10 Huma rebħuha wara kważi tliet snin, fis-sitt sena tat-tmexxija taʼ Ħeżekija, jiġifieri fid-disaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ħosegħa t’Iżrael. 11 Wara dan, ir-re tal-Assirja ħa lil Iżrael fl-eżilju lejn l-Assirja u ġegħelhom jgħixu f’Ħala u f’Ħabor ħdejn ix-Xmara Gożan u fil-bliet tal-Medin. 12 Dan ġara għax ma semgħux minn Ġeħova l-Alla tagħhom imma baqgħu jiksru l-patt tiegħu, jiġifieri kulma kien ikkmandahom Mosè, il-qaddej taʼ Ġeħova. Huma la semgħu u lanqas obdew.
13 Fl-14-il sena tat-tmexxija tar-Re Ħeżekija, Sennakerib ir-re tal-Assirja telaʼ kontra l-bliet iffortifikati kollha taʼ Ġuda u ħadhom f’idejh. 14 Għalhekk, ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda bagħat jgħid lir-re tal-Assirja f’Lakis: “Nammetti li għandi tort. Tibqax tiġġieled kontrija u nagħtik kulma titlobni.” Ir-re tal-Assirja ġiegħel lir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda jagħtih 300 talent* fidda u 30 talent deheb. 15 Għalhekk, Ħeżekija tah il-fidda kollha li kienet fid-dar taʼ Ġeħova u fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tiegħu. 16 U Ħeżekija qalaʼ* l-bibien tat-tempju taʼ Ġeħova u l-koxox tal-bibien li kien kesa hu stess bid-deheb u tahom lir-re tal-Assirja.
17 Wara, ir-re tal-Assirja bagħat lit-Tartan,* lir-Rabsaris,* u lir-Rabsake* b’armata kbira minn Lakis għal għand ir-Re Ħeżekija f’Ġerusalemm. Huma telgħu Ġerusalemm u qagħdu ħdejn il-kanal tal-għadira taʼ fuq, li qiegħed fit-triq prinċipali li tagħti għall-għalqa tal-ħassiel. 18 Meta bdew jgħajtu lir-re biex joħroġ, ħarġu jiltaqgħu magħhom Eljakim bin Ħilkija, li kien jieħu ħsieb il-palazz, Sebnah is-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf ir-reġistratur.
19 Għalhekk ir-Rabsake qalilhom: “Jekk jogħġobkom għidu lil Ħeżekija, ‘Hekk jgħid ir-re l-kbir, ir-re tal-Assirja: “Għala int daqshekk fiduċjuż? 20 Int qed tgħid, ‘Għandi l-istrateġija u l-qawwa biex niggwerra,’ imma dan hu kliem bla sens. F’min fdajt biex tażżarda tirribella kontrija? 21 Int tafda fl-appoġġ taʼ qasba mkissra, l-Eġittu, li jekk xi ħadd iserraħ magħha tidħol fil-pala t’idu u ttaqqabhielu. Hekk hu l-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, għal kull min jafdah. 22 Jew forsi tgħiduli, ‘Aħna nafdaw f’Ġeħova l-Alla tagħna.’ Mhux tiegħu kienu l-postijiet għall-qima u l-artali li neħħa Ħeżekija, filwaqt li qal lil Ġuda u Ġerusalemm biex imilu quddiem dan l-artal f’Ġerusalemm?”’ 23 Mela issa jekk jogħġbok, agħmel imħatra maʼ sidi r-re tal-Assirja: Jien nagħtik 2,000 żiemel jekk int kapaċi ssib biżżejjed rikkieba għal fuqhom. 24 Int li tafda fl-Eġittu għall-karrijiet u r-rikkieba taż-żwiemel, tistaʼ tegħleb gvernatur wieħed li hu l-iċken mill-qaddejja taʼ sidi? 25 Taħseb li jien tlajt kontra dan il-post biex neqirdu mingħajr il-permess taʼ Ġeħova? Ġeħova nnifsu qalli, ‘Itlaʼ kontra dan il-pajjiż u eqirdu.’”
26 Għal dan Eljakim bin Ħilkija, Sebnah, u Ġowaħ qalu lir-Rabsake: “Jekk jogħġbok, tkellem magħna bil-lingwa Aramajka,* għax aħna nifhmuha; tkellimniex bil-lingwa tal-Lhud għax in-nies taʼ fuq is-sur qed jisimgħu.” 27 Imma r-Rabsake qalilhom: “Jaqaw sidi bagħatni ngħid dan il-kliem lil sidkom u lilkom biss? Mhux anki lill-irġiel taʼ fuq is-sur, dawk li se jieklu ħmieġhom stess u jixorbu l-pipì tagħhom stess magħkom?”
28 Imbagħad ir-Rabsake għajjat b’leħen għoli bil-lingwa tal-Lhud: “Isimgħu l-kelma tar-re l-kbir, ir-re tal-Assirja. 29 Hekk jgħid ir-re, ‘Tħallux lil Ħeżekija jqarraq bikom, għax hu ma jistax jeħliskom minn taħt idejja. 30 U tħallux lil Ħeżekija jikkonvinċikom tafdaw f’Ġeħova billi jgħidilkom: “Żgur li Ġeħova se jeħlisna, u din il-belt ma tingħatax f’idejn ir-re tal-Assirja.” 31 Tisimgħux minn Ħeżekija, għax hekk jgħid ir-re tal-Assirja: “Agħmlu paċi miegħi u ċedu,* u kull wieħed minnkom jiekol mid-dielja u mit-tina tiegħu u jixrob l-ilma tal-ġiebja tiegħu, 32 sakemm niġi u niħodkom f’art bħal tagħkom. Art li tipproduċi ħafna ċereali* u għeneb biex tagħmlu l-ħobż u l-inbid, u fiha siġar taż-żebbuġ u għasel. Imbagħad tibqgħu tgħixu u ma tmutux. Tisimgħux minn Ħeżekija għax hu jqarraq bikom meta jgħidilkom, ‘Ġeħova se jeħlisna.’ 33 Jaqaw kien hemm xi wieħed mill-allat tal-popli li ħeles lil artu minn taħt idejn ir-re tal-Assirja? 34 Fejn huma l-allat taʼ Ħamat u Arfad? Fejn huma l-allat taʼ Sefarwajim, Ħena, u Iwwa? Ħelsuha lis-Samarija minn taħt idejja? 35 Min fost l-allat kollha ħeles lil artu minn taħt idejja, biex Ġeħova jeħles lil Ġerusalemm minn taħt idejja?”’”
36 Imma n-nies baqgħu siekta u ma wiġbuh xejn, għax il-kmand tar-re kien: “Twiġbuhx.” 37 U Eljakim bin Ħilkija, li kien jieħu ħsieb il-palazz, Sebnah is-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf ir-reġistratur marru għand Ħeżekija bi ħwejjiġhom imċarrtin u qalulu x’qal ir-Rabsake.