It-Tieni Kronaki
3 Imbagħad Salamun beda jibni d-dar taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm fuq il-Muntanja Morija, fejn Ġeħova kien deher lil missieru David, fil-post li David kien ipprepara għall-bini tat-tempju fuq il-post t’Ornan il-Ġebusi, fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.* 2 Hu beda jibni fit-tieni jum tat-tieni xahar, fir-rabaʼ sena tas-saltna tiegħu. 3 U l-pedament li Salamun qiegħed għad-dar tal-Alla l-veru kien twil 60 kubitu u wiesaʼ 20 kubitu, skont il-qies taʼ qabel.* 4 L-intrata taʼ quddiem kienet twila 20 kubitu, daqs il-wisaʼ tad-dar,* u l-għoli tagħha kien 20 kubitu;* u ksieha minn ġewwa b’deheb pur. 5 Hu kesa d-dar il-kbira bl-injam tal-ġnibru, ksieha b’deheb fin, u mbagħad naqqax fuqu siġar tal-palm u ktajjen. 6 Barra minn hekk, kesa d-dar b’ħaġar prezzjuż mill-isbaħ; u d-deheb li uża kien minn Parwajm. 7 Hu kesa d-dar, it-travi, l-għetiebi, il-ħitan, u l-bibien tagħha bid-deheb; u naqqax kerubini fuq il-ħitan.
8 Hu issa għamel il-kamra* tal-Iktar Qaddis. It-tul tagħha kien daqs il-wisaʼ tad-dar, 20 kubitu, u l-wisaʼ tagħha kien 20 kubitu. Hu ksieha b’600 talent* deheb fin. 9 Id-deheb għall-imsiemer kien jiżen 50 xekel;* u hu kesa l-kmamar taʼ fuq bid-deheb.
10 Imbagħad fil-kamra* tal-Iktar Qaddis għamel żewġ skulturi taʼ kerubini u ksiehom bid-deheb. 11 Il-ġwienaħ miftuħin tal-kerubini kienu 20 kubitu f’daqqa. Ġewnaħ tal-ewwel kerubin kien ħames kubiti u kien imiss il-ħajt tad-dar, u l-ġewnaħ l-ieħor kien ħames kubiti u kien imiss il-ġewnaħ tal-kerubin l-ieħor. 12 U ġewnaħ tal-kerubin l-ieħor kien ħames kubiti u kien imiss il-ħajt l-ieħor tad-dar, u l-ġewnaħ l-ieħor kien ħames kubiti u kien imiss il-ġewnaħ tal-ewwel kerubin. 13 Il-ġwienaħ miftuħin taʼ dawn il-kerubini kienu 20 kubitu u l-kerubini kienu bilwieqfa b’wiċċhom ’il ġewwa.*
14 Hu għamel ukoll il-purtiera minn ħajt blu, suf vjola, drapp aħmar skur, u drapp fin. Fuqha għamel disinji taʼ kerubini rrakkmati.
15 Imbagħad għamel żewġ kolonni quddiem id-dar. Kienu twal 35 kubitu, u l-parti mżejna taʼ fuq kull kolonna kienet ħames kubiti. 16 Hu għamel ktajjen qishom ġiżirajjen u qegħedhom in-naħa taʼ fuq tal-kolonni, u għamel 100 rummiena u dendilhom mal-ktajjen. 17 Hu rama l-kolonni quddiem it-tempju, waħda fuq il-lemin* u waħda fuq ix-xellug.* Il-kolonna tal-lemin semmieha Ġakin* u tax-xellug semmieha Bogħaż.*